Legislature:
Category:
Reset
Active:

Forzi Armati ta’ Malta – transfers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 596 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-Forzi Armati ta’ Malta fil-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2017 u t-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu msemmi saru seba’ postings fil-Forzi Armati ta’ Malta.

Korp tal-Pulizija — Transfers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 595 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fil-Korp tal Pulzija fil-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2017 u t-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Mejju 2017 u t-3 ta’ Ġunju 2017, kien hemm erbgħa u għoxrin (24) posting.

Korp tal-Pulizija — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 594 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw promotions fil-Korp tal-Pulizija fil-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2017 u t-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Mejju, 2017 u 3 ta' Gunju, 2017 kien hemm sittax (16)-il promozzjoni ta' membri tal-Korp tal-Pulizija għar-rank ta’ Surġent mir-rank ta' Kuntistabbli. Matul l-istess perjodu mill-impjegati civili fil-Korp, kien hemm ukoll ħames (5) impjegati li ġew promossi għal Senior Operative IV.

FIAU – investigazzjoni mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Pulizija ġiet ippreżentata b’rapport imħejji mill-FIAU li fih il-Pulizija ntalbu jinvestigaw ulterjorament lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fuq każ ta’ tixħim u ħasil ta’ flus fl-iskema ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza (IIP)? Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie ppreżentat dan ir-rapport? Jista’ jserraħ moħħ dan il-Parlament li l-Pulizija aġixxiet fuq dan ir-rapport ippreparat mill-FIAU u li l-pulizija qiegħda tinvestiga lill-istess individwu u t-tixħim li sar bil-bejgħ taċ-ċittadinanza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dan il-Gvern jemmen li m’għandu jkun hemm l-ebda indħil politiku fil-ħidma tal-pulizija speċjalment fejn jidħlu investigazzjonijiet. Dan għall-ġid taċ-ċittadin, li jrid iserraħ rasu li għandu min jipproteġih bis-serjetà. Min ikun taħt inkjesta m’għandux ikun jaf id-dettalji tal-proċess dwaru jew li tali dettalji jiġu ppubblikati, jekk mhux għall-fini ta’ proċessi ġudizzjarji. Wisq inqas hu mistenni li, sakemm tali individwi ma jitressqux quddiem il-qrati tagħna, ikun hemm min jasal għall-konklużjonijiet waħdu, jiġifieri jagħmilha ta’ prosekutur, imħallef u bojja f’daqqa, kif għoġbu jagħmel l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu.

FIAU – investigazzjoni mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Pulizija rċeviet rapport ippreparat mill-FIAU, f’liema rapport l-istess FIAU kkonkludiet li għandhom isiru investigazzjonijiet kriminali fuq l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fuq każ ta’ tixħim u ħasil ta’ flus li fih hemm ukoll involut l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid meta ġie ppreżentat dan ir-rapport lill-Pulizija u jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 982.

Każ ta' serqa f’residenza

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara x'kienet ir-raġuni għaliex wara każ ta' serqa li saret minn dar (residenza) li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, il-pulizija qatt ma reġgħet kellmet lill-vittmi tas-serqa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-Uffċċjal Investigattiv u l-Pulizija tal-Għassa ta' Tas-Sliema, huma konxji mill-każ u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Għalkemm ma kienx hemm żviluppi, infurmat illi l-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, ser jiġi mitkellem.

Forzi Armati ta’ Malta – operazzjonijiet barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jindika tip ta’ operazzjonijiet barra minn xtutna li fihom tieħu sehem il-Forzi Armati ta’ Malta u jekk dawn sarrfux ukoll f’xi salvataġġi ta’ ħajjiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Forzi Armati ta’ Malta tipparteċipa f’operazzjonijiet intiżi sabiex iħarsu l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea taħt il-kappa tal-Frontex. L-operazzjonijiet imsemmija huma: Operation Triton; iffukata fl-ibħra taċ-ċentru tal-Mediterran; Operation Poseidon; iffukata fl-ibħra madwar il-gżejjer Griegi; u Operation Flexible Operational Activities fuq il-fruntieri esterni (terrestri) ġewwa l-Balkani u fruntieri terrestri mat-Turkija. Waqt dawn l-operazzjonijiet, membri tal-Forzi Armati ta’ Malta kemm-il darba jkunu involuti f’tiftix u salvataġġ ta’ persuni. Il-Forzi Armati ta’ Malta tipparteċipa f’Operazzjoni 'ATALANTA', tal-Unjoni Ewropea, li għandha l-għan illi tiġġieled il-piraterija fir-reġjun tas-Somalja, billi tibgħat Uffiċjal ġewwa l-kwartieri ġenerali fl-Ingilterra. Fl-2015, il-FAM bdiet tipparteċipa f’Operazzjoni 'SOPHIA', tal-Unjoni Ewropea, bl-għan li jiġi mkisser iċ-ċirku tat-traffikar uman fil-Mediterran, billi tibgħat Uffiċjal u sottuffiċjal ġewwa kwartieri ġenerali fl-Italja.

Forzi Armati ta’ Malta – flotta tal-ajru

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’assi fil-flotta tal-ajru kellha l-Forzi Armati ta’ Malta f’Marzu 2013 u kemm kien il-valur tagħhom? Jista’ jagħti stampa simili fil-ġurnata li fiha qed titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-assi tal-flotta tal-ajru tal-FAM, u l-valur stimat tagħhom, f'Marzu 2013 u f'Settembru 2017 hu kif jidher hawn taħt : Marzu 2013 9 Rotary Wing u 10 fixed Wing – Valur ta’ € 20.5m Settembru 2017 12 Rotary Wing u 11 fixed Wing – Valur ta’ € 76.8m

Forzi Armati ta’ Malta –nuqqas ta’ uffiċjali gradwati

Question

Jista’ l-Ministru jindika kif il-Forzi Armati ta’ Malta qed tindirizza l-problema ta’ nuqqas ta’ uffiċjali ggradwati minn akkademji navali biex ikunu jistgħu joperaw laneċ Maltin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-FAM regolarment toħroġ sejħiet għall-ingaġġ ta’ uffiċjali kadetti li għandhom kwalifiċi marittimi. Il-FAM kienet waqfet milli tibgħat Uffiċjali jitħarrġu f’Akkademji navali fl-1999. Wara li nħass in-nuqqas tad-disponibbiltà ta’ Uffiċjali biex imexxu ċertu laneċ, saru negozjati ma’ forzi militari barranin u fl-2015 reġgħu bdew jintbagħtu. Il-FAM assigurat korsijiet ma’ Akkademji Taljani, Irlandiżi, Ingliżi u Amerikani biex tħarreġ l-Uffiċjali tagħha. Tajjeb li nsemmu li korsijiet ta’ dan it-tip jirrikjedu bejn tliet u erba’ snin biex dan l-investiment jagħti l-frott tiegħu u l-FAM tilħaq numru adekwat ta’ Uffiċjali kwalifikati.

Pulizija – sehem tal-Pulizija f’kampanji edukattivi jew ta’ relazzjonijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kampanji edukattivi jew talbiet minn entitajiet biex il-Pulizija tieħu sehem f’attivitajiet edukattivi jew ta’ relazzjonijiet pubbliċi, minn Jannar 2016 sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta' kampanji edukattivi jew talbiet li saru lill-Pulizija sabiex jieħdu sehem f’attivitajiet edukattivi jew ta’ relazzjonijiet pubbliċi, minn Jannar 2016 sal-aħħar ta' Awwissu 2017, kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt: Jannar 2016 sa Diċembru 2016 Taħditiet edukattivi 136 Parteċipazzjonijiet u intervisti fuq TV u Radju 91 Wirjiet 99 Jannar 2017 sa Awwissu 2017 Taħditiet edukattivi 80 Parteċipazzjonijiet u intervisti fuq TV u Radju 71 Wirjiet 66

Serq miċ-ċimiterju taż-Żejtun

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Pulizija taż-Żejtun titlob il-filmati tas-CCTV li waħlet il-paroċċa taż-Żejtun fiċ-ċimiterju taż-Żejtun minħabba l-ammont ta’ serq li qed isir miċ-ċimiterju taż-Żejtun u li dwar dan is-serq jien infurmat li saru rapporti kemm lill-Arċipriet taż-Żejtun kif ukoll lill-pulizija? Billi l-arċipriet qal li hu jagħti biss il-filmati tas-CCTV li hemm fiċ-ċimiterju jekk jiġi mitlub mill-pulizija, tista’ l-pulizija tagħmel tajjeb għal dawn il-filmati u tinvestiga bis-serjetà dan is-serq miċ-ċimiterju taż-Żejtun?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija taż-Żejtun titlob filmati minn CCTV's meta dan ikun meħtieġ u dawn jinkludu CCTV's li waħlet il-parroċċa taż-Żejtun fiċ-ċimiterju taż-Żejtun, jekk u meta jkun hemm bżonn. Rigward dan il-każ jidher illi s-CCTV inkwistjoni ma kienx jiġbed u jkopri l-lok minn fejn saret is-serqa. Sallum, l-investigazzjonjiet li saru anke fil-madwar irriżultaw fin-negattiv. Infurmat illi bejn Jannar 2016 u Lulju ta' din is-sena kien hemm każ wieħed ta' serq minn dan iċ-ċimiterju.

Korp tal-Pulizija – membri – taħriġ fi sparar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sigħat ta’ taħriġ fi sparar ingħataw lill-membri tal-Korp tal-Pulizija mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika ta' kemm saru siegħat ta’ taħriġ fi sparar lill-membri tal-Korp tal-Puliizja mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017. Irid jingħad illi refresher courses fl-użu tal-armi, li jkopri kemm teorija kif ukoll prattika, ikunu ta' madwar erba’ siegħat għal kull uffiċċjal li jattendi.

Immigranti li jgħixu f’open centres

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni immigranti jgħixu ġo open centres jew djar oħra governattivi jew iffinanzjati mill-gvern li jospitaw immigranti? Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm immigranti ġo detention centres , u jekk iva kemm hemm?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħalissa fiċ-ċentri miftuħa tal-AWAS hemm 815 residenti migrant filwaqt li fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni hemm għaxar (10) detenuti rġiel u tliet (3) detenuti nisa.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — transfers ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ transfers li ngħataw lill-ħaddiema fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi, u dan għall-perjodu bejn is-6 ta' Ġunju u t-12 ta’ Ġunju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpellant sabiex jispeċifika u jagħti is-sena tad-dati li talab.

Marsa Open Centre – flus minfuqa fuq manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’xogħol kapitali u ta’ manutenzjoni fl-Open Centre tal-Marsa fl-2013, fl-2014, fl-2015 u fl-2016 u jagħti l-informazzjoni sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2013 intefqu €93,649, fl-2014 intefqu €100,760, fl-2015 intefqu €100,176 u fl-2016 intefqu €21,731 f’xogħol kapitali u ta’ manutenzjoni fl-Open Centre tal-Marsa.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – reklamar fuq Facebook — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdan l-istess Ministeru, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 784 tingħata f’seduta oħra peress li għad trid tinġabar l-informazzjoni neċessarja.

Malta u Għawdex – każijiet ta’ serq li saru minn persuni ta’ nazzjonalita barranija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irrapportati madwar Malta u Għawdex li seħħ minn persuni ta’ nazzjonalità li mhijiex Maltija? Jista’ jagħti r-rendikont xahar b’xahar u lokalità b’lokalità mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba mhux possibli li tingħata. Persuna li tkun wettqet l-att kriminali ikun possibli li jingħad jekk hux ċittadina Maltija je le wara l-każ ikun solvut.

Malta u Għawdex – rapport kriminali li saru minn persuni ta’ nazzjonalità barranija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ rapporti kriminali madwar Malta u Għawdex li saru minn persuni ta’ nazzjonalità li mhijiex Maltija? Jista’ jagħti r-rendikont xahar b’xahar u lokalità b’lokalità mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ kriminalità ġiet irrapportata? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li kien hemm 17,941 każ li kien irrapurtat. L-informazzjoni mitluba tinvolvi xogħol sostanzjali. Għalhekk nitlob lill- Onorevoli Interpellant sabiex ikun iżjed speċifiku fl-informazzjoni li jrid.

Cyberstalking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imħarrka persuni fuq cyberstalking fl-aħħar ħames snin, sena b’sena? X’kien is-sess u l-etajiet tal-persuni mħarrka?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx informazzjoni elettronika ta’ persuni li ġew imħarrka fuq cyberstalking per sebilli hija parti minn żewg kategoriji oħra.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema sena qed jirreferi.