Legislature:
Category:
Reset
Active:

LESA – Field Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad hemm bżonn Field Officers biex il-LESA jkollha full complement f'kull reġjun? Jista’ jgħid jekk saritx sejħa interna u jekk saret, jista’ jgħid kemm applikaw, x'inhu l-proċess u meta hemm il-ħsieb li dan il-proċess jingħalaq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li nħoloq post vakanti ta’ “field officer”, li għaliha saret sejħa interna skont kif jitlob il-ftehim kollettiv.

Passaport Malti għal wild ta’ persuna minn pajjiż membru tal-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess sabiex wild ta' persuna minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, bil-ġenitur ilu jgħix u jaħdem f'Malta għal aktar minn għaxar snin, ikun jista' jkollu passaport Malti sabiex ikun jista' jirrappreżenta lil Malta f'kompetizzjonijiet sportivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li skont id-dispożizzjonijiet tal-Att Dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188), persuna adulta tista’ tapplika ġħaċ-Ċittadinanza Maltija fuq bażi ta’ residenza sakemm tissodisfa r-rekwiżiti tal-artiklu 10(1). Jekk din il-persuna għadha minuri tista’ ssir applikazzjoni skont ir-rekwiżiti tal-artikolu 11 tal-istess Att. Infurmat li dan l-Att kif ukoll il-liġi sussidjarja taħt dan l-Att tipprovdi li persuna takkwista ċ-Ċittadinanza Maltija bil-Mertu sakemm n-naturalizzazzjoni tagħha hija ta’ interess eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta fejn dan l-interess eċċezzjonali jirreferi għal kontribuzzjonijiet minn xjenzati, riċerkaturi, atleti, nies sportivi, artisti, artisti kulturali, investituri u intraprendituri.

Karta tal-Identità Maltija għal persuni li għandhom ’il fuq minn 75 sena minn pajjiżi membri tal-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess sabiex anzjan li jkollu ’l fuq minn 75 sena minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea jkollu Karta tal-Identità Maltija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Karta tal-Identità Maltija tinħareġ biss lil ċittadini Maltin. Ċittadini li ġejjin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, li jirrisjedu f’Malta jinħarġilhom Dokument ta’ Residenza.

Korp tal-Pulizija – twaqqif ta’ skawdra speċjali għaż-żona ta’ Paceville

Question

Jista' l-Ministru jagħti data definittiva ta’ meta ser titwaqqaf l-iskwadra speċjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għaż-żona ta' Paceville f'San Ġiljan kif ġie ssuġġerit mill-Police Officers Union f'Lulju 2021?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5546.

Pulizija – rapporti dwar każi ta’ omiċidji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' omiċidju mis-sena 2002 sal-lum, sena b'sena? Jista' jgħid kemm minnhom il-Pulizija tqis li ma ssolvewx?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi n-numru ta’ każi ta' omiċidju li seħħew mis-sena 2002 sat-8 ta’Frar 2023, kienu kif jidher fit-tabella riprodotta hawn taħt. Każijiet ta’ Omiċidji – 2002 sa 8 ta’ Frar 2023 Numru ta’ każi Status Sena Solvuti Mhux solvuti 2002 6 5 1 2003 0 n/a n/a 2004 7 7 0 2005 4 4 0 2006 0 n/a n/a 2007 4 3 1 2008 7 4 3 2009 4 3 1 2010 4 3 1 2011 3 3 0 2012 10 7 3 2013 6 4 2 2014 6 2 4 2015 4 2 2 2016 5 3 2 2017 9 5 4 2018 6 6 0 2019 3 3 0 2020 6 6 0 2021 2 2 0 2022 8 8 0 2023 1 1 0 Total 105 81 24

Investigazzjoni fir-reklutaġġ tal-Pulizija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3326, jista' l-Ministru jgħid meta sar dan it-tibdil, jekk hux fil-bidu tal-kors jew qabel qagħdu għall-eżamijiet? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan it-tibdil jgħoddx għall-intakes futuri ta' rekluti tal-pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirefferi għall-Mistoqsija Parlamentari 4645.

Bord tal-Akkademja tal-Bord Dixxiplinat tal-Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Akkademja tal-Bord Dixxiplinat tal-pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Bord tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati huwa magħmul kif jidher hawn taħt: Chairperson Prof. Raymond Mangion Deputy Chairperson Dr Janice Formosa Pace PhD Bpsych PGDip ProbServ MSc Forensic & Legal Psychology Membru Commander AFM jew rappreżentant tiegħu Membru Kummissarju tal-Pulizija jew rappreżentant tiegħu Membru Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jew rappreżentant tiegħu Membru CEO Aġenzija Servizzi Korrettivi Membru Dr Edward Mifsud BSc (Chem&Biol), PGCE (Science), MSc (Agric Sc), DEAM, PhD (UCL - IOE) bħala rappreżentant tal-Universita ta’ Malta Membru Dr. Ann Marie Cassar bħala rappreżentanta tal-MCAST Membru Is-Sur Joseph Brincat Segretarja Is-Sa Sharon Borg Myatt

Pulizija – persuni taħt l-età li nqabdu jikkonsmaw alkoħol f’Paceville u l-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni taħt l-età legali nqabdu mill-Pulizija jikkunsmaw alkoħol f’Paceville u l-Belt Valletta b’mod separat minn Jannar sa Diċembru 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi mill-informazzjoni miġbura mill-Pulizija mid-distretti konċernati, in-numru ta’ persuni taħt l-età legali li nqabdu jikkunsmaw alkoħol f’Paċeville u Valletta matul is-sena 2022 kien jammonta għal tletin (30).

Pulizija – Persuni li nqabdu jbigħu d-droga/sustanzi illegali f’Paceville

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-Pulizija kemm arrestaw persuni li nqabdu jbigħu d-droga/sustanzi illegali f’Paceville minn Jannar sa Diċembru 2022? Jista’ jgħid kemm minn dawn ittellgħu l-Qorti u kemm minnhom kienu reċidivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi minn Jannar sa Diċembru 2022 ġew arrestati sebgħa (7) persuni li nqabdu jbiegħu d-droga/sustanzi illegali f’Paceville, li minnhom ħamsa (5) ittellgħu l-Qorti waqt li t-tnejn l-oħra għad hemm investigazzjonijiet għaddejjin. Ħadd minn dawk arrestati ma kien reċidiv.

Paceville – skwadra speċjali tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun hemm l-iskwadra speċjali tal-Pulizija għal Paceville li kemm-il darba l-Ministru u l-Kummissarju tal-Pulizija tkellmu u wegħdu lill-komunità f’Paceville?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kontra għal dak li kien jiġri qabel l-2013, dan il-Gvern huwa kommess li jimplimenta l-wegħdiet tal-manifest elettorali tiegħu.

Master Plan għal Malta f'każ ta' Tsunami

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4979, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet referuta lilu, u jgħid jekk hemmx master plan jekk tsunami jolqot lil Malta? Hemm master plan iddedikat għal kull parti tal-gżejjer Maltin inkluż Għawdex? Hemm pjan għal siti sensittivi bħal Powerstation, Port Ħieles, Tanking taż-Żejt, Reverse Osmosis u siti oħra COMAH? Jekk iva, meta ġew aġġornati l-aħħar? Hemm żmien speċifiku meta dawn jeħtieġ li jiġu riveduti skont id-Direttiva SEVESO?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li hemm master plan li teknikament jissejjaħ bħala l-Pjan ta’ Kontinġenza Nazzjonali: Tsunami. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwa direttament responsabbli għall-Pjan Nazzjonali f’każ ta’ inċident maġġur kkawżat minn Tsunami. F’Novembru tas-sena 2021, dan il-pjan ġie eżerċitat fuq skala Nazzjonali, abbażi ta’ xenarju xjentifiku li permezz tiegħu pparteċipaw stallazzjonijiet kritiċi kif ukoll il-komunità. Infurmat li jeżisti master plan iddedikat għal kull parti tal-gżejjer Maltin inkluż Għawdex. Dan għaliex il-Pjan ta’ Kontinġenza Nazzjonali huwa bbażat madwar qafas analitiku fuq diversi livelli, u jikkomprendi informazzjoni miġbura minn diversi sorsi awtorevoli tal-iStat. L-iskop tal-Pjan ta’ Kontinġenza huwa wieħed Nazzjonali u jikkonsisti f’diversi xenarji b’elementi u arranġamenti dettaljati ħafna. Infurmat ukoll li s-siti COMAH huma kollha responsabbli għall-ġenerazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Emerġenza rispettivi tagħhom, kif mitlub mill-istess regolamenti u kif indokrat mill-awtoritajiet kompetenti maħtura fil-liġi, u ċjoè l-Protezzjoni Ċivili, l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u l Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Dawn l-awtoritajiet kompetenti kif diġà ngħad huma responsabbli għall-immaniġġar tal-Pjanijiet ta' Emerġenza. L-istallazzjonijiet COMAH huma kollha responsabbli għat-taħriġ (training), prattikar fis-seħħ (drills) u eżerċitar (exercises) tal-aspetti kollha tal-Pjanijiet ta’ Emerġenza. Dan isir b’mod sistematiku u regolari, taħt il-ħarsien tal-awtoritajiet kompetenti kif ukoll, f’xi każijiet, parteċipazzjoni minn osservaturi internazzjonali.

Investigazzjoni fir-reklutaġġ tal-Pulizija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3326 imwieġba fit-28 ta' Novembru, jista' l-Ministru jgħid meta sar dan it-tibdil, jekk hux fil-bidu tal-kors jew qabel qagħdu għall-eżamijiet? Jista' jgħid jekk dan it-tibdil jgħoddx għall-intakes futuri ta' rekluti tal-pulizija? Jista' jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Akkademja tal-Bord Dixxiplinat tal-Pulizija? Jista' jikkonferma li min jeħel mit-tieni resit ma jagħmilx il-passing out ceremony mal-kumplament tar-rekluti, iżda jidħol xorta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li anke kif diġà mwieġeb permezz ta’ tweġiba parlamentari għall-mistoqsija 3326, wara konsultazzjoni mal-Awtorità ta' Malta għall-Edukazzjoni Avvanżata u Ogħla u bl-approvazzjoni tal-Bord tal-Akkademja tal-Bord Dixxiplinat, ġie maqbul u mwaqqaf proċess ta' resit u 2nd resit. Infurmat li matul iż-żmien imsemmi, inħoloq mekkanizmu fejn rekluti li jkunu weħlu mir-resit u għaldaqstant ma ggradwawx, tiġi kkonsultata l-Awtorità ta' Malta għall-Edukazzjoni Avvanżata u Ogħla u bl-approvazzjoni tal-Bord tal-Akkademja tal-Bord Dixxiplinati, jingħataw taħriġ fis-suġġett partikolari u jkollhom opportunita’ jagħmlu t-tieni resit. Dan il-mekkanizmu ntuża ma dawk kollha li ma għaddewx u ma gradwawx f’dan il-kors imsemmi. Infurmat li skont il-Kap. 559, il-bord tal-Akkademja għal-Forzi dixxiplinati huwa kompost minn: (a) Chairperson li għandu jkun ir-rappreżentant ġuridiku tal-Akkademja;(b) rappreżentant mill-Forzi Armati ta’ Malta; (ċ) rappreżentant mill-Korp tal-Pulizija;(d) rappreżentant mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili; (e) rappreżentant mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin; (f) rappreżentant tal-Università ta’ Malta; (g) rappreżentant tal-Kulleġġ tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST); u (h) żewġ membri oħra. Ic-Chairperson tal-Board huwa l-Professur Ray Mangion.

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi – visa tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4955 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi ngħataw visa tax-xogħol bejn l-2013 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema visas qed jirreferi.

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi – visas tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4957 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jinħarġux visas tax-xogħol għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu ibbażati fuq il-ħiliet li għandhom dawn l-immigranti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema visas qed jirreferi.

Ħruġ ta’ visa tax-xogħol lil ċittadini ta’ pajjiż terzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4958 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-ħruġ ta' visa tax-xogħol lil ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunx ibbażat fuq il-ħiliet tagħhom? Jista’ jagħti l-lista ta’ ħiliet meħtieġa li jeżistu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema visas qed jirreferi.

Pulizija – studji dwar sexual harassment fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji kwalitattivi u/jew kwantitattivi dwar sexual harassment fuq il-post tax-xogħol ikkummissjonati mill-Gvern jew miġburin minn entità governattiva mill-2013 sal-2022? F’każ li saru, jista’ jippreżenta kopja ta’ dawn l-istudji lill-Parlament?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Korp tal-Pulizija – Ingaġġ ta’ pulizija fis-sejħa għall-Kuntistabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed ifittex li jiġu ingaġġati Pulizija ġodda fis-sejħa għall-Kuntistabbli fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u li ġiet ippubblikata fit-13 ta Jannar 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi taħt l-amministrazzjoni preżenti, sejħiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-pulizija huwa regolari. Dwar l-aħħar sejħa għall-Kuntistabbli fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ppubblikata fit-13 ta’ Jannar 2023, l-amministrazzjoni tal-Korp tkun tista' tikkunsidra kemm ser jiġu ingaġġati kuntistabbli ġodda meta hi tivvaluta l-applikazzjonijiet.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders fis-sena lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista’ jipprovdi l-lista ta’dawn id-direct orders u l-valur tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li ma kien hemm l-ebda direct order lill-persuna msemmija.

AFM – Membri li jkunu off duty

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-Forzi Armati ta’ Malta dawk li jaħdmu shift ta’ 24 siegħa/rest/off jew inkella day/night/rest/off, meta jkunu off duty u din taħbat f’ġurnata li tkun festa, dawn ma jiġux ikkumpensati bi 12-il siegħa leave jew time off in lieu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Forzi Armati ta’ Malta ssegwi l-linji gwida li jinsabu fil-PSMC dwar kwistjonijiet relatati ma’ leave.