Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – Kirjiet ta’ postijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kirjiet ta' postijiet li ħallas il-Ministeru għall-entitajiet li jaqgħu taħtu bejn Mejju 2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid liema huma u kif irriżultat tali kirja?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jelenka d-direct orders kollha li ġew approvati mid-Direct Orders Office tal-Ministeru tiegħu matul l-2021 u jinkludi l-ammont approvat f'kull awtorizzazzjoni?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija f’PQ 23917.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm imsieħba fil-Community Workers Scheme fl-aħħar ta' Diċembru 2021 u kemm swiet din l-iskema matul l-2021? Jista' jgħid kemm daħlu nies ġodda f'din l-iskema matul l-2021, kemm telqu minnha fl-2021 u kemm minn dawn tal-aħħar telqu mill-iskema għax sabu xogħol fis-settur privat?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ta' Diċembru 2021 kien hemm 981 imsieħba fil-Community Workers Scheme u matul l-2021 l-iskema swiet €15,278,206.15. Matul l-2021 daħlu 31 parteċipant ġdid u telqu minnha 77, li 6 minnhom sabu xogħol fis-settur privat.
Segretarji Permanenti – awtorità għall-approvazzjoni ta’ direct orders
Question
Jista' l-Ministru jispjega x'awtorità għandhom il-varji segretarji permanenti, awtoritajiet u entitajiet oħra sabiex japprovaw direct orders mingħajr l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarji Permanenti u l-kapijijet tal-awtoritajiet kuntrattwali għandhom il-fakultà li japprovaw direct orders sal-limitu ta’ €10,000.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaqbilx mas-salarju tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jammonta għal madwar €220,000 fis-sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-salarju li qiegħed jieħu s-Sur David Curmi fil-kapaċita` tiegħu ta’ Chairman Ezekuttiv huwa ferm anqas mit-total tas-salarju ta’ Chairman u CEO preċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaqbilx mas-salarju tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jammonta għal madwar €190,000 fis-sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt tas-Sur Paul Bugeja ilu fis-seħħ minn Marzu tal-2018 u s-salarju tiegħu hu ferm anqas minn dak imsemmi hawn fuq.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni ‘l fuq minn 61 sena li jaħdmu llum u x-xogħol li jagħmlu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus in-numru ta’ persuni ’l fuq minn 61 sena li kienu għadhom qed jaħdmu sal-aħħar ta’ Lulju 2021 fuq bazi full-time u part-time bħala xogħol ewlieni tagħhom kien ta’ 17,774.
Hawn taħt issib tabella li turi x-xogħol li kienu jagħmlu.
Xogħol li jagħmlu
Nies jaħdmu
[0] Armed Forces
6
[1] Managers
2,808
[2] Professionals
3,107
[3] Technicians and Associate Professionals
1,627
[4] Clerks and support workers
1,295
[5] Services and sales workers
2,983
[6] Skilled Agricultural, fishery and forestry workers
613
[7] Craft and related trades workers
1,355
[8] Plant and machine operator and assemblers
912
[9] Elementary Occupations
3,068
Total
17,774
L-aħħar ċifri ppublikati huma ta’ Lulju 2021.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni pakkett li jintbagħat minn persuna barra mill-Unjoni Ewropea bħala rigal u li jinġabar mill-MaltaPost, il-persuna li tirċievi dan il-pakkett ikollha tħallas il-VAT fuq il-valur ta’ dan il-pakkett?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Artikoli 25 u 26 ta’ Kapitolu VI tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 jistabbilixxu sistema Komunitarja ta’ ezenzjonijiet mid-dazju doganali għal kunsinni mibgħuta minn individwu privat għal ieħor.
Huwa speċifikat li l-eżenzjoni msemmija għandu japplika għal valur ta’ 45 Ewro kull kunsinna u:
a) huma ta’ xorta okkażjonali;
(b) izommu merkanzija esklużivament għall-użu personali ta’ min jagħmel il-kunsinna jew il-familja tiegħu, li ma jirriflettux permezz tax-xorta jew il-kwantità tagħhom xi interess kummerċjali;
(c) huma mibgħuta lil min jirċievi l-kunsinna ħielsa minn ħlas ta’ kwalunkwe xorta.
Min-naħa l-oħra, prodotti tat-tabakk, alkoħol, xorb alkoħoliku u fwejjaħ huma rregolati b’artikolu 27 tal-istess Kapitolu.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri tat-taxxa li tħabbru dwar ħidmet l-artisti għas-sena 2022 u l-mekkaniżmu li ser jitħaddem min-naħa tad-dipartiment?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-diskors tal-baġit għall-2022 tħabbar li individwi li għandhom dħul minn attività artistika (kif ċertifikat mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti) se jibbenefikaw minn rata ta’ taxxa finali ta’ 7.5%.
L-individwu dejjem jibqagħlu l-għazla li jiġi ntaxxat bir-rati normali, jekk ikun jaqbillu hekk. F’dan ir-rigward, qed ikun studjat ukoll mekkanizmu sabiex isiru regoli li jimplimentaw il-possibiltà ta’
averaging
tad-dħul fuq numru ta’ snin.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet
Question
Jista' l-Ministruj wieġeb il-mistoqsija parlamentari 23124 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili li saru fis-snin 2019 u 2020 u fis-sena 2021 sa issa mill-Ministeru, id-Dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? F'kull każ jista' jgħid liema kienet l-entità li għamlet/tat il-grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili, kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju u x'kienet ir-raġuni għalxiex ingħatat?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tas-sena 2021 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward tas-snin 2019 u 2020, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 15864.
FIAU — Talba lill-Gvern Amerikan rigward significant corruption ta’ individwi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) għamlet talba lill-Gvern Amerikan biex tingħata l-informazzjoni li d-Dipartiment tal-Istat Amerikan għandu dwar “significant corruption” tal-individwi li d-dettalji dwarhom jingħataw separatament fil-proġett tal-Electrogas li wasslet biex dawn iż-żewġ esponenti tal-Gvern Laburista jiġu mniżżla fi travel ban ix-xahar li għadda? Jekk le, għaliex ma għamilx din it-talba sal-lum?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni dwar talbiet jew skambjar ta' intelligence bejn il-Korp għall-Analisi ta' Informazzjoni Finanzjarja (l-FIAU) u entitajiet oħra hija protetta b’kunfidenzjalita` u tista` biss tiġi mikxufa skont l-artiklu 34 tal-Kap. 373 tal-Liġijiet ta’ Malta (l-Att Kontra Money Laundering).
Jista' l-Ministru jispjega għala skont ir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23317, jirriżulta illi kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatat sitt direct orders bejn l-2016 u l-2021 għall-konsulenza ekonomika, li tlieta minnhom huma fl-istess ammont ta' € 57,500 (fl-2016, fl-2018 u fl-2019)? Jista' jispjega għala d-Direct Orders Office approva dawn id-direct orders u għala ma nsistiex illi ssir sejħa għall-offerti ġaladarba dawn id-direct orders ingħataw b'mod regulari? X'garanzija għandu l-Ministru li bl-approvazzjoni ta' dawn id-direct orders, l-interessi tal-erarju pubbliku ġew salvagwardjati?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn id-direct orders ġew approvati skond Regolament 103 tal-Liġi Susidjarja 601.03, u skond Procurement Policy Note Nru.32.
Għal kumplament tal-informazzjoni, nitlob lill-Onor. Interpellant jgħamel il-mistoqsija tiegħu lil Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn id-dati ta' meta jkunu se jinstemgħu l-appelli (schedule of Public Hearing) ilhom mill-aħħar ta' April ma jidhru fuq il-website tal-Public Contracts Review Board?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minħabba il-bidliet ta’ kuljum ikkawzati mill-pandemija tal-Covid kif ukoll zewġ bidliet fiċ-Chairmanship, irrizultaw f’akkumulazzjoni ta’ kazijiet.
Għaldaqstant ma kienx għadu vijabbli li nkomplu bil-pubblikazzjonijiet tal-iskeda fuq il-
website
. Hija l-intenzjoni tal-
Board
li jerġa’ jibda jippublika l-iskeda mill-aktar fis possibbli
Tfal li jintbagħtu għal servizzi ta’ terapija u taħriġ fil-privat – għajnuna lill-ġenituri
Question
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'għajnuna jirċievu ġenituri ta' tfal b'diżabilità li fil-preżent jibagħtu lil dawn it-tfal għal servizzi ta' terapija u taħriġ fil-privat?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament liema huma dawk il-ħlasijiet li l-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-AirMalta timponi fuq passiġġieri b'diżabilità jew persuni li jakkumpanjawhom, biss u esklussivament minħabba d-diżabilità u li ma timponix fuq passiġġieri oħra?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-AirMalta ma timponi l-ebda ħlas zejjed fuq passiġġieri b'dizabilità jew persuni li jakkumpanjawhom li ma timponix fuq passiġġieri oħra. Saħansitra l' Air Malta anki tippermetti, li jittellgħu bla ħlas, Recognized Assistance Dogs (guide dogs) li jkunu akkumpanjati minn persuna b’dizabilita. Pero, fejn id-dizabilità hija minħabba ċertu kundizzjonijiet mediċi li jridu jiġu ċertifikati b’Formola b’Informazzjoni Medika (MEDIF) minn tabib mediku speċjalist (Aviation Specialist) maħtur mill-kumpanija, ikun hemm ħlas ta’ €15 dovut lit-tabib.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet ir-rata ta' in-work poverty f'Malta kull sena fil-perjodu bejn l-2012 u sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23005 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jippreżenta lill-Parlament break down ta' kif intefaq jew ser jintefaq is-self ta' €243.6 miljuni mogħti taħt ‘l hekk imsejjaħ SURE Instrument kwantu l-pandemija preżenti?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-self mill-istrument SURE li Malta ibbenefikat minnu jammonta għal €420 miljun matul il-perjodu 2020-21. Il-Gvern ipprezenta lill-Kummissjoni Ewropea informazzjoni dwar infieq attwali kif ukoll stimi li ssapportjaw it-talba għal finanzjament mill-istess strument. Speċifikament kien stmat li SURE kellu jkopri parzjalment l-ispejjez li ġejjin:
COVID Disability Benefit
€0.5m
COVID Parent Benefit
€9.3m
COVID Medical Benefit
€2.5m
COVID Wage Supplement
€407.7m
Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ anzjani li jgħixu fil-lokalità ta’ Marsaskala u l-etajiet tagħhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar tas-sena 2020, il-popolazzjoni tal-lokalità ta’ Marsaskala kienet stmata li tammonta għal 15,579. Minn dan l-għadd, il-persentaġġ ta’ residenti li kellhom 60 sena u fuqhom kien ta’ 16.5 fil-mija. Ta’ min jinnota li informazzjoni f’iktar dettall tkun disponibbli ġaladarba jkunu ppublikati r-rizultati taċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u tad-Djar 2021.