Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #5741 Sitting 115 2018-05-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ministeru għal Edukazzjoni u Xogħol – każijiet ta’ dixxiplina

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'kull Dipartiment u entità li taqa' taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, kemm kien hemm każijiet ta' dixxiplina dwar impjegati minn Marzu 2013 sal-lum? X'kien l-eżitu ta' kull każ? F'kull każ x'kien il-grad tal-impjegat involut?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba dwar id-dipartimenti. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li dwar l-entitajiet għad jonqos tinġabar xi informazzjoni. Dan it-tagħrif ikun jista' jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tinġabar l-informazzjoni kollha.
Leg 13 PQ #5742 Sitting 115 2018-05-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għawdex – skejjel primarji — studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti f'kull skola primarja f'Għawdex kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Knisja fil-bidu tas-sena skolastika 2017/2018, ċjoè f'Settembru 2017? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' studenti f'kull waħda minn dawn l-iskejjel fil-preżent?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Wied il-Għajn – Skola San Tumas More – parkeġġi għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-parkeġġi li hemm allokati fl-Iskola San Tumas More f’Wied il-Għajn, inkluż dawk għall-persuni bi bżonnijiet speċjali, humiex se jittieħdu u jitneħħew kompletament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fil-preżent m’hemm l-ebda parkeġġ fl-iskola San Tumas More f’Wied il-Għajn.

Wied il-Għajn – Bini ta’ Għassa ta’ Pulizija quddiem l-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk kemm-il darba, preċiż quddiem l-Iskola San Tumas More f’Wied il-Għajn hijiex se tinbena Għassa tal-Pulizija li se tgħatti kompletament l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li skont id-dokument approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar, PA07389/17/31A, is-sit ta’ l-għassa huwa biswit parti biss mis-sit kollu tal-iskola. Ma jirriżultax li l-iskola se tiġi kompletament mgħottija.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – Data Protection Officers

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom tad-Data Protection Officers kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol inkluż dawk l-uffiċjali f kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ uffiċjali li bħalissa qed jaqdu d-dmirijiet ta’ Data Protection Officer fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol huwa ta’ 49. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data se jkun applikabbli fil-25 ta’ Mejju u għaldaqstant il-ministeri, dipartimenti u entitajiet qed jaġġornaw il-listi skont il-provvedimenti tar-Regolament.

Skejjel primarji u sekondarji tal-Istat — fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat flus kull skola primarja u sekondarja tal-Istat fl-aħħar tliet snin biex jitmexxew is-servizzi edukattivi tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – radio advertising — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq radio advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Klabb 3-16 — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qed jattendu l-Klabb 3–16? Kemm minnhom qed jibbenefikaw mis-sussidju fi ħlas għal dan is-servizz? X’għandhom jagħmlu ġenituri foqra biex jibbenefikaw minn dan is-sussidju? X’servizzi qed jingħataw lill-istudenti li qed jattendu l-Klabb 3–16?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru ta’ tfal li qed jattendu l-Klabb 3-16 huwa ta’ 1,733. Il-ġenituri jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għal dan is-servizz kemm mill-iskema interna tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES), li minnha jibbenefikaw sitt itfal, kif ukoll minn Scheme 9: Social Funds for Students in Difficulty amministrata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u li minnha jibbenefikaw 32 tfal. L-iskema ta’ sussidju tal-FES hija miżura maħsuba biex toffri għajnuna lil ġenituri li huma responsabbli tat-trobbjia ta' tfal bejn it-tliet snin u s-sittax-il sena. Din l-iskema tipprovdi sussidju għal perjodu ta' sena fuq is-servizz ta' wara l-ħin tal-iskola, Klabb 3-16. Għal fini ta' din l-iskema, "ġenituri" tfisser il-ġenituri naturali kif ukoll ġenituri bil-kustodja ta' orfni, foster carer li jkun il-kuranti b'affidament approvat skont l-Att dwar il-Foster Care, ġenitur bi żwieġ ieħor u ġentitur adottiv skont l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318). Skont l-istess att, "ġenitur singlu" tfisser ġenitur li jkun romol, separat (sew de facto jew de jure), divorzjat jew mhux miżżewweġ li jkun waħdu u għal kollox responsabbli li jżomm u jrabbi lil uliedu dipendenti li ma jkunux għalqu t-tmintax-il sena. Persuni eliġibbli huma: · Persuna li tattendi edukazzjoni u taħriġ fil-ħinijiet li fih jingħata s-servizz tal-Klabb 3-16 biex tkun tista' tibda taħdem. · Persuna li ser tidħol fid-dinja tax-xogħol u li l-impjieg ikun fil-ħin tas-servizz. · Persuna b'persuna dipendenti li għandha mard serju jew diżabbiltà u li tixtieq tidħol fis-suq tax-xogħol. · Is-sussidju jista' jingħata għal dawk il-ġenituri li jkunu riferuti minn aġenziji jew professjonisti oħra. Dħul tal-Familja (Combined Family Income)Rata tas-sussidju 0 - €10,00075% tal-ispejjeż €10,001 - €12,00060% tal-ispejjeż €12,001 - €14,50045% tal-ispejjeż €14,501 - €16,50030% tal-ispejjeż Il-benefiċjarji tal-miżura taħt Skema 9 huma studenti fl-iskejjel primarji tal-Istat fl-età minn 3 sa 10+ snin li ġejjin minn familji li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet soċjo-kulturali u/jew soċjo-ekonomiċi. Is-servizz li jingħata lill-istudenti li qed jattendu l-Klabb 3-16 huwa wara l-ħin tal-iskola bejn is-2 u s-6 ta’ filgħaxija. Waqt dan is-servizz it-tfal jagħmlu l-‘homework’ mal-‘homework tutors’ u wara jkollhom attivitiajiet sportivi jew inkella attivitajiet b’tema edukattiva però informali bħal logħob edukattiv, attivitajiet ta’ xjenza, tagħlim ta’ lingwi barranin (FLAP) jew programmi kulturali (LAPSI).
Leg 13 PQ #5571 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Marsa FC – proċess tal-għoti tal-art għall-grawnd

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ għoti ta’ art għall-grawnd tal-futbol lill-Marsa F.C.?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li t-trasferiment tal-art lill-Marsa Football Club ser ikun qed jitressaq b’mozzjoni quddiem il-Kamra fil-jiem li ġejjin.
Leg 13 PQ #5575 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Jobsplus — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-JobsPlus u x’inhu l-grad tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li Jobsplus timpjega 308 ħaddiem. Dawn jinqasmu hekk: Grad Numru ta’ Ħaddiema Head of Division 6 Chief Information Officer 1 Department Manager 11 Unit Manager 14 Senior Executive 37 Executive 117 Senior Inspector 8 Senior Clerk 54 Clerk 40 Messenger/Driver 3 Senior Security Guard 1 Security Guard 11 Senior Tradesman 3 Cleaner 2
Leg 13 PQ #5576 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Jobsplus – xogħol li qed isir minn terzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-Jobsplus kemm għandha xogħol li qed isir minn terzi (outsourcing)? Jista’ jagħti lista ta’ outsourcing tal-Jobsplus u lil min ingħata x-xogħol? F’kull każ jista’ jgħid kemm qed jiġi jiswa kull outsourcing u f’kull każ kif intgħażlet il-kumpanija/organizzazzjoni/individwi li lilhom ingħata x-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ebda xogħol li kienet tagħmel sa minn dejjem il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, u wara r-rebranding il-Jobsplus, ma ġie kkuntrattat lil terzi permezz ta’ outsourcing għajr il-call centre tal-Korporazzjoni fejn il-Jobsplus illum hija msieħba fi ftehim li l-Gvern għandu mas-Centrecom, u s-servizz tat-tindif li jsir fl-uffiċċji ta’ Jobsplus. Is-servizz tas-Centrecom fis-sena 2017 kien jammonta għal €142,680 filwaqt li bejn Jannar u April tal-2018 ammonta għal €37,824. Is-servizz tat-tindif ingħata wara sejħa ta’ tender pubbliku li ntrebaħ minn Floorpul Ltd. bl-ammont ta’ €6.86 is-siegħa.

Suġġett tal-matematika f’livell ordinarju

Question

B’referenza għat-tneħħija tal-eżami tal-Matematika f`Livell Ordinarju bħala suġġett obbligatorju għal uħud mill-korsijiet fl-Università, jista’ l-Ministru jindika għal-liema korsijiet l-eżami tal-Matematika fil-Livell Ordinarju ma baqax suġġett obbligatorju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull persuna li tixtieq tidħol f’kors undergraduate fl-Università ta’ Malta jeħtieġ li tkun għaddiet mill-Eżami għaċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja (SEC) fil-Matematika bi grad 5 jew aħjar. Applikanti barranin ukoll iridu jippreżentaw ċertifikat f’livell komparabbli f’dan is-suġġett. Il-Bord tad-Dħul tal-Università jista’ jaċċetta applikanti li, permezz ta’ dokumentazzjoni xierqa, juru li ma kisbux il-kwalifiki meħtieġa fil-livell tas-SEC fi kwalunkwe suġġett minħabba diżabbiltà sinifikanti (inkużi applikanti li huma fuq l-ispektrum tal-awtiżmu jew bi Specific Learning Difficulties) u sakemm dawn il-kwalifiki neqsin ma jeffettwawx ħażin l-istudji tagħhom fl-Università. Kull applikazzjoni bħal din tiġi kkunsidrata fuq il-merti tagħha.
Leg 13 PQ #5618 Sitting 111 2018-05-14 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Korsa tal-Marsa – Request for Proposals

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Request for Proposals ppubblikata għall-Korsa tal-Marsa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja tar-Request for Proposals qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — newspaper advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #5557 Sitting 110 2018-05-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Ir-Rabat Għawdex — Skola Primarja - car park

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm car park għall-Iskola Primarja l-Ġdida li ser tinbena ġewwa r-Rabat Għawdex u jekk le x’inhi r-raġuni, meta din l-iskola se tinbena f'parti tar-Rabat fejn diġà hemm problema kbira ta' parkeġġ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-kumpless edukattiv fir-Rabat, Għawdex, fejn se tinbena l-Iskola Primarja l-ġdida, diġà hemm parkeġġ taħt is-Senior School u l-grawnd tagħha. Dan ser ikun ukoll għall-użu ta' għalliema tal-iskola primarja.

Sillabi ġodda mnieda fil-Kinder, Grade 3 u Year 7

Question

Jista’ l-Ministru jgħid li issa li ġew mnedija s-sillabi ġodda fil-Kinder, Grade 3 u Year 7 permess tal-LOFs, il-kumplament tal-klassijiet liema sillabi se jkomplu jsegwu? Jista’ jgħid ukoll jekk l-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti humiex se jsegwu l-istess sillabi tal-LOFs u x’taħriġ qiegħed jingħataw l-għalliema bi preparazzjoni għal din il-bidla?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-klassijiet kinder 1, Year 3 u Year 7 se jibdew jużaw is-sillabi l-ġodda minn Settembru 2018. Il-bqija tal-klassijiet se jibqgħu jużaw is-sillabi li għandhom sal-lum. Huwa ppjanat li sillabi ġodda jidħlu fil-bidu ta’ kull sena skolastika, gradwalment, sena b’sena. L-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti għandhom l-għażla li jgħallmu bis-sillabi tal-iskejjel tal-Istat jew joħolqu s-sillabi tagħhom. Dejjem hekk kienet il-prassi. Matul ix-xahar ta’ Marzu sar taħriġ dwar l-LOF lill-kapijiet u l-assistenti kapijiet tal-iskejjel kollha. Iktar minn 300 ruħ ġew imħarrġa. Matul ix-xhur ta’ April u Mejju qiegħed isir taħriġ ieħor lill-għalliema kemm tal-primarja kif ukoll tas-sekondarja. Madwar 2,000 għalliem qiegħdin jiġu mħarrġa. Dan it-taħriġ huwa mmexxi mill-Uffiċjali Edukattivi tas-suġġetti differenti. Fl-in-service training ta’ Lulju li ġej, se jitkompla t-taħriġ għall-għalliema, fejn madwar 2,000 għalliem ieħor se jingħataw it-taħriġ. Fis-sena skolastika li ġejja, jerġa’ jsir aktar taħriġ għall-għalliema skont il-ħtieġa.

Skejjel tal-Istat – textbook tal-matematika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk se jkunx hemm tibdil fit-textbook tal-matematika fl-iskejjel tal-Istat mis-sena skolastika li jmiss 2018/2019? Jista’ jikkonferma t-textbooks se jkunu qegħdin jintużaw sena b’sena ta’ livell primarju mis-sena skolastika li ġejja, anke in vista tal-introduzzjoni tal-LOFs dejjem fis-suġġett tal-matematika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li matul is-sena skolastika li ġejja [2018-2019] mhu se jsir l-ebda tibdil fil-kotba tal-matematika fl-iskejjel tal-Istat. Il-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim mhu mfassal fuq l-ebda textbook partikolari u għalhekk jista’ jintuża mal-iskema preżenti li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u anke ma’ diversi skemi oħrajn. Matul dawn l-aħħar snin id-Direttorat ta l-opportunità lill-iskejjel kollha tal-Istat jipproponu textbooks differenti jekk iħossu li t-textbooks li għandhom mhumiex jilħqu l-għanijiet tas-sillabu u l-ħtiġijiet tal-istudenti tagħhom tajjeb biżżejjed. L-iskejjel ingħataw il-libertà biex jipproponu l-għażliet tagħhom lid-Direttorat. Jekk l-iskema li jagħżlu tkun tindirizza l-istess miri li hemm fis-sillabi nazzjonali m’għandux ikun hemm l-ebda problema.

Childcare Centres

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ġenituri tat-tfal li jattendu fiċ-Childcare Centres u jfallu f'każijiet ġenwini ta' mard, għadhomx jiġu ppenalizzati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li irrispettivament mir-raġuni ta’ assenza, il-ġenituri ma jiffaċċjaw l-ebda penali jekk uliedhom ifallu milli jattendu għal 25% tal-ħin li jkunu bbukjaw. Dan ifisser li t-tfal jistgħu ifallu sa massimu ta’ tliet (3) xhur sħaħ minn sena. Infurmat li fl-ebda pajjiż fid-dinja ma teżisti sistema daqstant ġeneruża li taġevola l-ġenituri b’dan il-mod.

Kontribut tal-Caritas u Sedqa fl-Iskejjel Statali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-kontribut li taw l-entitajiet tal-Caritas u s-Sedqa fl-iskejjel statali matul l-aħħar sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal dawn l-aħħar snin, Appoġġ (Youth in Focus) kif ukoll Caritas ħadmu id f’id mal-Anti-Substance Abuse Service fi ħdan is-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel f’ħidma sabiex jassistu żgħażagħ li jkunu diġà bdew jesperimentaw minn xi sustanza perikoluża. Meta student/a jkunu riferuti għand l-Anti-Substance Abuse Service, tittieħed azzjoni immedjata. Jekk jirriżulta wara diversi laqgħat mal-istudent/a kif ukoll mal-ġenituri/guardian tagħhom, li l-istudent/a għandhom bżonn aktar għajnuna speċjalizzata f’dan il-qasam, isir kuntatt mal-Aġenziji li huma speċjalizzati f’dan ir-rigward. Dan kollu jsir bil-kunsens tal-ġenituri/guardian tat-tifel/tifla li tkun ġiet riferuta kif hemm stipulat fil-Policy Tackling Substance Abuse. Sadanittant, l-istudent jibqa’ jiġi segwit u jingħata s-sapport kollu meħtieġ mill-membri tal-Anti-Substance Abuse Service kif ukoll mill-professjonisti li jaħdmu fi ħdan is-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali. Din il-proċedura ser tibqa’ tiġi segwita matul din is-sena skolastika.

Għawdex – skejjel primarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna jekk hemmx pjanijiet biex xi skejjel primarji f’Għawdex jiġu magħquda ma’ xulxin jew jingħaqdu ma’ skejjel oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5295.