Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — Pathway to Independent Living

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’qed isir matul dis-sena mill-MCAST u x’hemm ippjanat għas-snin li ġejjin fit-twettiq tal-programm Pathway to Independent Living?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din is-sena hija l-ewwel darba li l-programm Pathway to Independent Living ġie estiż għal sentejn, u għalhekk il-kors diġa’ ġie mifrux fuq żmien itwal sabiex il-parteċipanti jassimilaw aħjar il-kontenut tal-programm. Bħalissa għaddejja reviżjoni sħiħa tal-programm, kemm f’dak li huwa kontenut kif ukoll fl-implimentazzjoni tiegħu. Dan qed iseħħ f’kollaborazzjoni sħiħa bejn l-MCAST u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ (KNPD).

MCAST — Opportunitajiet dwar studji

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta l-MCAST jaħseb li se jkun f’pożizzjoni li jista’ jibda jipprovdi opportunitajiet biex persuni jkunu jistgħu jsegwu moduli individwali ta’ studju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Diġa’ qed isir studju dwar il-possibilta’ li studenti jsegwu moduli individwali ta’ studju fl-MCAST. Dan jgħodd kemm għal studenti li diġa’ huma parti mill-MCAST kif ukoll għal studenti li jridu jsegwu moduli individwali fil-perspettivia tal-Lifelong Learning. Diġa’ teżisti l-possibilta’ li studenti jsegwu korsijiet qosra tal-għażla tagħhom fil-part-time evening courses.

MCAST — Substance Abuse Policy

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex tikkonsisti fil-prattika s-Substance Abuse Policy tal-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Substance Abuse Policy ta' l-MCAST ġiet ifformulata bl-għan: Li tipprovdi mekkaniżmu ta' appoġġ għall-istudenti, l-għalliema u l-impjegati tal-Kulleġġ li jesperjenzjaw il-vizzju tad-droga u l-abbuż tax-xorb alkoħoliku. Li tqajjem aktar kuxjenza fost l-istudenti, l-għalliema, l-impjegati u l-komunita' in ġenerali dwar id- drug policy tal-kulleġġ. Li toħloq kuxjenza dwar ir-responsabbilta' individwali u dik tal-Kulleġġ rigward it-tmexxija fl-eventwalita' ta' inċidenti marbuta mad-droga kif ukoll fuq l-appoġġ meħtieġ mill-istudenti li jesperjenzjaw l-abbuż tad-droga. Li tipprovdi gwida ċara dwar l-imġiba u aspetti ta' dixxiplina. Il- Policy tagħti struzzjonijiet ċari fl-eventwalita' ta': Sejba ta' xi drogi u apparat relatat mat-teħid tad-droga fil-Kulleġġ. Imġiba mhux aċċettabbli minn studenti, għalliema u impjegati b'suspett ta' użu minn xi sustanzi llegali. Stqarrijiet minn studenti, għalliema u impjegati dwar użu ta' xi sustanzi llegali. Pussess, konsum, promozzjoni u traffikar ta' xi tip ta' droga fil-Kulleġġ. L-għan finali hu li kemm jista' jkun jinħoloq ambjent ta' Kulleġġ ħieles minn sustanzi llegali u fl-istess waqt jingħata l-appoġġ meħtieġ lil dawk l-individwi li jinħakmu mill-vizzju tad-droga.

MCAST — Edukazzjoni sesswali

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena li għaddiet u matul din is-sena kurrenti ittieħdu jew se jittieħdu xi inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni sesswali fl-MCAST fid-dawl taż-żieda tas-sess każwali miż-żgħażagħ tagħna bla ma jipproteġu lilhom infushom bil-konsegwenzi li qed jizdiedu fost iż-żgħażagħ l-infezzjonijiet trasmessi sesswalment u t-tqala bikrija u mhux ippjanata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul is-sena jsiru bosta attivitajiet extra kurrikulari għall-iżvilupp u l-formazzjoni ħolistika ta' l-istudenti. Is-sena l-oħra , waħda minn dawn l-attivitajiet li ġiet organizzata mill-Counsellors b'kollaborazzjoni mal-Kunsill ta' l-Istudenti u bl-għajnuna tal-Health Promotion and diseases Prevention Department kienet ġimgħa ta' attivitajiet bejn it-2 u s-7 ta' Diċembru. Waqt din il-ġimgħa saru taħdidiet ma' l-istudenti dwar mard u infezzjonijiet trasmessi sesswalment, fertilita' u tqala. Tqassam ukoll xi materjal stampat filwaqt li numru ta' youth workers kemm Maltin kif ukoll barranin fil-breaks tħalltu ma' l-istudenti u tkellmu magħhom dwar drittijiet u rispett lejn il-ġisem uman. Bħas-snin ta' qabel, din is-sena l-Kulleġġ ser jorganizza numru ta' laqgħat taħt diversi forom ma' l-istudenti dwar is-suġġett tas-sesswalita' u l-imġiba sesswali. Barra minn hekk, minn din is-sena akkademika, l-istudenti kollha qed isegwu kors ta' tagħlim fl-ewwel livell, qed jingħataw lezzjonijiet fuq l-iżvilupp personali (PSD) fejn fost temi oħra hemm dik ta' l-imgiba sesswali.

MCAST — Accreditation of Prior Learning

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xoghol tal-MCAST biex jipprovdi l-Accreditation of Prior Learning?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki beda proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-accreditation of prior learning. F’Gunju 2007 tnieda dokument dettaljat dwar it-tħaddim ta’ dan il-proċess u bħalissa qed isiru proposti biex dan jibda jitħaddem. Flimkien mad-Direttorat ta’ l-iStandards u l-Kwalita’ fl-Edukazzjoni tfassal ukoll School Leaving Certificate li fih hemm ir-rikonoxximent tat-tagħlim informali u mhux formali u allura ta’ tagħlim li jsir barra mis-sistema formali ta’ edukazzjoni.

MCAST — Pjan strateġiku ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol tal-MCAST biex ifassal pjan strateġiku ġdid għas-snin li ġejjin għal meta jispiċċa dak preżenti u x'konsultazzjoni interna, esterna, nazzjonali u internazzjonali beħsiebu jagħmel biex ifassal dan il-pjan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Pjan Strateġiku li għaddej bħalissa fl-MCAST ikopri mill-2007 sa l-2009. Matul dawn is-snin, minbarra li qed jitwettaq il-pjan, qed isiru diskussjonijiet regolari mal-membri kollha tal-istaff tal-Kulleġġ, kemm permezz ta’ organi statutorji kif ukoll permezz ta’ laqgħat li jiġu organizzati regolarment mal-membri tal-istaff mid-Diretturi tal-Istituti u mid-direzzjoni ċentrali tal-Kulleġġ. Barra minn dan, isiru laqgħat ukoll ma’ organizzazzjonijiet lokali kif ukoll internazzjonli u istituzzjonijiet li joffru korsijiet professjonali u vokazzjonali ta’ edukazzjoni u taħriġ. Minn dak li qed joħroġ minn dawn il-laqgħat se jinbena Pjan Strateġiku 2010 – 2012, imsejjes ukoll fuq il-pjan li għaddej bħalissa biex ikun hemm kontinwita’.

Child Care Centres

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 6281 u tgħid kemm qed jattendu tfal fiċ-Child Care Centres ċentru b'ċentru? Kemm huma l-fees li trid tħallas biex tibgħat lit-tfal f'dawn iċ-ċentri? Fejn jinsabu dawn iċ-ċentri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi huwa responsabbli mill-proviżjoni ta’ Childcare Centres tal-Gvern. Ir-regolatur tas-settur ser jibqa’ d-Dipartiment tal-Istandards Soċjali li jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Politika Soċjali.

Studenti fi skejjel privati u tal-knisja — Spiża

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6196 dwar spiża għal kull student, tista' l-Ministru tagħti din l-informazzjoni għas-settur privat u dak tal-Knisja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ispiża għal kull student għal kull jum fl-iskejjel tal-Knisja matul is-sena 2008 hija ta’ €10.93. Dwar l-ispiża ta’ kull student fl-iskejjel privati, d-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi m’għandux l-informazzjoni mitluba.

Skola Primarja tal-Fgura — ambjent tal-madwar

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se jsir biex jitnaddaf l-ambjent mitluq u degradanti li hemm fil-passaġġi li jdawru l-iskola primarja tal-Fgura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-ħaddiema mis-Sezzjoni ta’ l-Agrikoltura perjodikament jiġu jaħartu l-ħamrija, ineħħu l-ħaxix ħażin u jiżbru s-siġar tal-madwar. Wara jitneħħa l-materjal ħazin billi jinġiebu vetturi mill-istess Dipartiment.

Għawdex — facilitators, kindergarten assistants

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-għalliema, facilitators, kindergarten assistants kollha li ġew trasferiti minn skola għall-oħra f'Għawdex stess u tindika l-iskejjel x'inhuma, kif ukoll ta' dawk l-għalliema, facilitators, kindergarten assistants li minn Malta ġew trasferiti Għawdex u f'liema skejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Malti għall-isports

Question

Billi bosta għaqdiet ta' l-isports f'Malta ibatu minn problemi finanzjarji, tista' l-Ministru tara li l-Kunsill Malti għall-Isports jieħu inizjattivi speċifiċi, biex taħt kundizzjonijiet stretti, ikunu jistgħu jsiru ħlasijiet ta' kontijiet bħal per eżempju tad-dawl u l-ilma, biex l-għaqdiet sportivi jiffrankaw parti mill-ispejjeż tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-Isport għandu numru ta’ skemi ta’ assistenza ndividwali biex itaffi l-ispejjeż lill-għaqdiet sportivi. Is-sena li għaddiet it-total ta’ assistenza li rċevew l-għaqdiet sportivi mingħand il-Kunsill Malti għall-Isport kien ilaħħaq 1.3 miljun Ewro. Madankollu, ma hemm l-ebda skema li hija speċifika fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Inizjattivi għall-baned lokali

Question

Tista' l-Ministru tara jekk huwiex possibbli li flimkien mas-sezzjoni tal-Ministeru li tieħu ħsieb il-kultura f'pajjiżna, isiru inizjattivi li permezz tagħhom ikun hemm kollaborazzjoni ikbar ma' dawn il-baned biex il-bosta teżori li dawn għandhom ikunu jistgħu jiġu prodotti aħjar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru qed jaħdem sabiex itejjeb il-kollaborazzjonijiet bejn l-istakeholders kollha fil-qasam artistiku u kulturali sabiex jassigura prodott aħjar.

Birzebbugia — St Peters Football Club

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu l-proċeduri li kellhom iwasslu sabiex St Peters Football Club ta' Birżebbugia jingħata sit fil-kontrada tal-Brolli f'Birżebbugia stante li sal-lum it-tfal m'għandhomx fejn jilgħabu u jitrenjaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-iSport qed jistenna l-proċess jimxi min-naħa tad-Dipartiment ta’l-Artijiet fir-rigward tat-talba li saret mill-Birżebbuġa Sports Foundation.

Studenti li se jtemmu l-edukazzjoni sekondarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti li se jtemmu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom f'din is-sena skolastika fl-area secondary schools, fil-Junior Lyceums, fl-iskejjel tal-knisja u fl-iskejjel privati? Tista' tagħti l-istatistika maqsuma f'subien u bniet? Tista' t-tagħrif jinqasam għal Malta u Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti li gradwaw bħala għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti li ggradwaw bħala għalliema fl-aħħar gradwazzjoni li kien hemm? Tista' tgħid jekk dawn hux kollha sabu mpjieg? Kemm iggradwaw biex igħallmu fl-iskejjel primarji? Tista' tgħid kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ studenti li ggradwaw bħala għalliema f’Diċembru 2008 hu kif jidher hawn taħt: Kors Nisa Irġiel Total B.Ed.(Hons): li minnhom Primary 92 27 30 3 122 30 PGCE 68 28 96 Id-Dipartiment għal Servizzi Edukattivi rċieva 89 applikazzjoni mingħand individwi li applikaw għall-post ta’ għalliema fis-settur Primarju. Minn dawn l-applikazzjonijiet kien hemm 53 ineliġibbli. Kien hemm 36 li qagħdu għall-intervista u minn dawn għaddew 28 (25 nisa u 3 irġiel), 5 m’għaddewx u 3 irtiraw l-applikazzjoni. Minn dawk li għaddew 22 ġew impjegati, 5 talbu postponiment u 1 inħatar kap ta’ skola. L-Universita’ ta’ Malta u d-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni m’għandhomx informazzjoni jekk dawk li ggradwaw sabux impjieg.

Ftehim bejn l-MCAST u l-Federazzjoni ta' l-Industriji

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’rizultati nkisbu s’issa mill-ftehim iffirmat bejn l-MCAST u l-Federazzjoni ta’ l-Industriji f’Lulju 2007?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Permezz ta’ dan il-ftehim, l-MCAST għandha kuntatt dirett ma’ gruppi f’setturi diversi ta’ l-industrija. Dawn jagħtu feedback dwar x’hemm tajjeb, jew x’hemm bżonn li jinbidel biex il-korsijiet li joffri l-MCAST ikunu dejjem aġġornati maż-żminijiet u jippreparaw l-istudenti għax-xogħol. Infurmata wkoll li ġew offruti korsijiet speċifikament fuq rikjesta tal-industrija, fosthom Diploma in Manufacturing Excellence . Iż-żewġ istituzzjonijiet, jiġifieri l-MCAST u l-Federazzjoni ta’ l-Industrija, qed jieħdu sehem ukoll fi programmi ta’ riċerka mmexxijin mill-MCAST biex jiġi identifikat fejn hemm skills mismatch u b’hekk jiġu offruti korsijiet adattati.

MCAST — Training for Industry

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu l-programmi tal-MCAST bl-isem ‘Training for Industry’? Kemm persuni s’issa ħadu sehem f’dawn il-programmi u b’liema rizultat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-korsijiet kollha li joffri l-MCAST huma tip ta’ Training for Industry. Biżżejjed wieħed jikkonsidra l-korsijiet fil-qasam tal-aviation maintenance u ħafna oħrajn li jiġu offruti bi sħab ma’ l-industrija. Biss ġeneralment din il-frażi tintuża b’referenza għal programmi offruti filgħaxija u ddisinjati u offruti skond il-bżonnijiet ta’ l-industrija jew anke ażjenda partikolari. Dawn il-korsijiet jiġu offruti kemm fl-MCAST kif wkoll fuq il-post tax-xogħol biex kemm jista’ jkun ma jintilifx ħin tax-xogħol. Din l-aħħar sena bbenefikaw minn dawn il-korsijiet madwar 150 adult u s’issa r-riżultati kienu dejjem mill-aħjar. Ta min jgħid wkoll li ħafna adulti oħra, madwar 4,000 kull sena, minn setturi varji jibbenefikaw minn korsijiet ta’ filgħaxija li jkunu ta’ natura iżjed ġenerali.

MCAST — Ipproċessar ta' kuntratti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi se tieħu t-tmexxija tal-MCAST biex għal li ġej l-ipproċessar tal-kuntratti li joħorġu għall-private training providers fil-qasam tal-ICT isir fiż-żmien opportun mhux bl-għaġġla fis-sajf biex ix-xogħol isir sew u b’mod professjonali, mhux bħalma sar is-sajf li għadda b’mod dilettantesk u mhux serju kif qal il-Bord tal-Appell tal-Kuntratti Pubbliċi meta sema’ każ ta’ appell?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li x-xogħol ta’ preparazzjonijiet ta’ tenders relatati ma’ l-għoti ta’ kuntratti għall-private training providers fil-qasam tal-ICT diġa’ beda. Dan għandu jwassal għal għotja ta’ kuntratti kmieni u ferm qabel ma tibda s-sena skolastika.

MCAST — Bordijiet ta' studju

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema Bordijiet ta’ Studju jezistu s’issa fl-MCAST? X’inhu x-xogħol tagħhom? Xi pjanijiet għandu l-MCAST għal dawn it-tip ta’ bordijiet fis-snin li ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fl-MCAST s’issa jeżistu l-Bord tal-Gvernaturi, l-Bureau Amministrattiv u l-Kunsill tal-Istituti. Ix-xogħol ta’ dawn il-bordijiet huwa dak definit fl-Att tal-Edukazzjoni. Qed jittieħdu passi biex jitwaqqfu wkoll Bordijiet ta’ Studji u biex il-Kunsill tal-Istituti jiġi estiż biex ikollu rappreżentanza iżjed miftuħa.