Legislature:
Category:
Reset
Active:

Buġibba, il-Qawra u s-Salina – irwejjaħ ġejjin mill-Miżbla tal-Magħtab

Question

Tista’ l-Ministru tinvestiga x'inhi r-raġuni li għaliha fl-inħawi qrib il-Magħtab, b'mod partikolari Buġibba, il-Qawra u s-Salina, qed ikun hemm ħafna rwejjaħ li jidher li ġejjin mill-Miżbla tal-Magħtab? X'passi qed jittieħdu biex din il-problema tiġi solvuta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’żieda, għar-risposta li kienet ingħata għall-mistoqsija parlamentari 24427 tat-XIII il-leġislatura li għalkemm fil-proċess tal-immanniġġjar tal-iskart il-ħruġ ta’ ċerti rwejjaħ huwa inevitabbli, il-kumpanija Wasteserv tieħu diversi miżuri ta’ mitigazzjoni li wasslu biex dan l-inkonvenjent illum huwa l-inqas li qatt kien. Dan huwa kkonfermat ukoll mit-tnaqqis fin-numru ta’ rapporti u lmenti li jidħlu għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fir-rwol tagħha ta’ regolatur. B’mod ġenerali l-irwejjaħ ikunu ġejjin mill-kontenut organiku tal-borża s-sewda, li b’xorti ħażina għadu jammonta għal madwar erbgħin fil-mija. Min-naħa l-oħra, l-miżuri ta’ mitigazzjoni, li jkopru l-operat kollu fil-kumpless ECO Hive, joħorġu anke mill-permessi IPPC li toħroġ l-Awtorità regolatorja u, fost l-oħrajn, jinkludu misting system mal-konfini kollha tal-miżbla u anke miżuri sabiex jitgħatta ż-żibel tal-wiċċ. Dawn il-miżuri jittieħdu kemm fil-landfill li qed tintuża bħalissa kif ukoll fuq is-sit tal-miżbla l-antika u dan għaliex l-iskart antik jibqa’ attiv għal ħafna snin. Min-naħa tagħha, l-ERA twettaq spezzjonijiet regolari fil-kumpless Eco Hive sabiex jiġi żgurata konformità mal-kundizzjonijiet tal-permessi IPPC inkluż li l-miżuri għall-mitigazzjoni tal-irwejjaħ ikunu qegħdin jiġu osservati. Il-pubbliku ġenerali jista’ jagħmel ukoll il-parti tiegħu billi jissepara l-iskart bil-għaqal u ma jitfax skart organiku fil-borża s-sewda.

Imġarr – Triq Sir Harry Luke – problema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hijiex informata bil-problema tad-drenaġġ fi Triq Sir Harry Luke, l-Imġarr, minħabba li dan mhux qiegħed ilaħħaq mad-domanda? Huwa maħsub li dan ix-xogħol isir fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm każijiet rapportati riċenti rigward problemi relatati mas-sistema tad-drenaġġ fit-triq indikata minnu. Madankollu għaddejt din l-informazzjoni mressqa minnu lill-uffiċjali tekniċi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jevalwaw tali informazzjoni u jippjanaw skont il-ħtieġa.

San Pawl il-Baħar – Triq San Publiju – problema ta' vultaġġ baxx

Question

Tista’ l-Ministru tgħid hemmx xi pjan biex tissolva l-problema ta’ vultaġġ baxx li qed jesperjenzaw ta’ kuljum ir-residenti fi Triq San Publiju, San Pawl il-Baħar, u meta għandhom jistennew li din tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta bejn Lulju u Awwissu għamlet ix-xogħlijiet meħtieġa għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li fost oħrajn jaffettwa lir-residenti ta’ Triq San Publiju. L-Enemalta għaddejja b’ritmu tajjeb bil-pjan tagħha biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni fil-pajjiż.

Managers u Senior Managers – performance bonus

Question

Tista’ l-Ministru: a. tgħid għaliex is-Senior Managers u Managers li kienu jiffurmaw parti mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar għadhom ma tħallsux il-performance bonus dovut għax-xogħol li twettaq fis-sena 2021? b. tidentifika data raġonevoli sa meta l-performance bonus ta’ kull sena għandu jitħallas?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-performance bonuses li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellanta tħallsu. Dawn il-ħlasijiet isiru ladarba jitlesta l-proċess tal-appraisal u jsiru l-verifiki u l-komputazzjonijiet meħtieġa.

Senior Managers u Managers

Question

Tista’ l-Ministru tispjega għaliex is-Senior Managers u Managers ingħataw rata tal-pagament tal-performance bonus tas-sena 2020 inqas mir-rata li ġiet maqbula bejn l-impjegat u s-superjur tiegħu/tagħha fuq is-sistema tal-performance bonus, li suppost hija sistema trasparenti li tippremja lill-impjegat skont ix-xogħol li jkun wettaq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li r-rati tal-performance bonus huma dejjem suġġetti għal aġġustamenti finali li jassiguraw relattività fuq il-livell ta’ Direttorat, Dipartiment u/jew Ministeru.

Statistika ta’ ħlas ta’ kontijiet ta’ dawl u ilma

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta' kemm jitħallas fis-sena għad-dawl u l-ilma kontijiet separati, maqsumin fi brackets speċifiċi (eż. inqas minn €500, bejn €500 u €1,500, bejn €1,500 u €2,500 eċċ.), u f'tabelli separati skont it-tip ta' kont (residenzjali, domestiċi u industrijali)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Enemalta – Pubblikazzjoni ta’ taħlita ta’ fuel jew sorsi ta’ enerġija differenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Enemalta ma ppubblikatx it-taħlita ta’ fuels jew sorsi ta' enerġija differenti (fuel mix) li użat biex tipprovdi l-elettriku lill-klijenti tagħha u s-CO2 emission factor li jikkorrispondi ma' din it-taħlita ta' fuel, skont ir-regolamenti 8(6)(a) u (b) tar-Regolamenti tas-Suq tal-Elettriku (S.L. 545.13), għas-snin 2020 u 2021?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-verità l-informazzjoni għas-sena 2020 diġà hija ppubblikata u fil-fatt tidher fuq il-websajt tal-Enemalta. Sabiex ngħin aħjar lill-Onor. Interpellant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella b’tali informazzjoni. Sadanittant l-informazzjoni għas-sena 2021 għadha mhix konkluża peress li tiddependi minn sorsi terzi barranin dwar l-emmissjonijiet marbutin mal-enerġija mixtrija minn fuq l-interconnector. Normalment din it-tip ta’ informazzjoni toħroġ fl-aħħar kwart tas-sena ta' wara u allura f'dal-każ fl-aħħar kwart tas-sena 2022.

Imġarr (Malta) – Triq Sir Harry Luke – problema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hix infurmata bil-problema tad-drenaġġ li hemm fi Triq Sir Harry Luke fl-Imġarr, minħabba li dan mhux qiegħed ilaħħaq mad-domanda bil-konsegwenza li qiegħed ifur fit-triq? (Wieħed jinnota wkoll li din it-triq għandha bżonn ukoll ta' xogħol infrastrutturali minħabba li tinsab fi stat ħażin u li minnha qiegħed jgħaddi ħafna mit-traffiku li ħiereġ mill-Imġarr minħabba t-tibdil li sar fl-immaniġġar tat-traffiku).

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2208 li kien għamel huwa stess.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – Segretarju Permanenti – pakkett finanzjarju u kwalifiki akkademiċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’pakkett finanzjarju għandu s-Segretarju Permanenti tagħha? Il-pakkett finanzjarju jinkludi allowances u perkaċċi oħra? Tista’ tgħid ukoll xi kwalifiki akkademiċi għandu s-Segretarju Permanenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hi diġà pubblika. Din tinstab fl-Estimi Finanzjarji tal-2022, li tpoġġew diġà fuq il-Mejda tal-Kamra fl-aħħar leġiżlatura, u fuq is-sit uffiċjali tas-Servizz Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bijografija tas-Segretarju Permamenti fi ħdan il-Ministeru.

Environmental and Resources Autority — telefonati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il telefonata rċeviet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi fuq kull wieħed minn dawn in-numri: 22923500 u 99637508 (Malta-wara l-ħin tal-uffiċċju) u numri oħrajn, ERIS u mezzi oħra mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Mejju, 2022 u li kienu jirrikjedu spezzjoni immedjata? Kemm minn dawn ir-rapporti kien hemm każijiet fuq kull numru fejn ma setgħetx issir spezzjoni u x'kienet ir-raġuni f'kull każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru 22923500 jintuża mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sabiex fuqha jidħlu rapporti dwar spezzjonjiet li jkunu meħtieġa b’mod immedjat wara l-ħin tax-xogħol. Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju 2022 fuq din il-linja daħlu 126 telefonata li 77 minnhom skattaw investigazzjoni immedjata. Fil-kumplament tal-każijiet ma kenitx meħtieġa investigazzjoni immedjata. Ir-raġunijiet għal dan kienu diversi; fosthom għax l-Awtorità kienet diġà qed taħdem fuq il-każ jew għax ir-rappurtaġġ kien ripetut jew għax it-telefonata kienet biss talba għall-informazzjoni jew għax is-suġġett tar-rapport ma kienx jikkonċerna l-mandat tal-Awtorità. Fir-rigward tat-tieni linja, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din ma tappartjenix lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

San Pawl il-Baħar: Triq Damasku u Triq Raddet ir-Roti – rapporti ta’ ħsarat relatati mad-drenaġġ jew ilma

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċevietx rapporti ta’ ħsarat relatati mad-drenaġġ jew ilma ħiereġ fi Triq Damasku u Triq Raddet ir-Roti, San Pawl il-Baħar, fl-aħħar sitt xhur? Jekk iva, meta rċeviet dawn ir-rapporti, dwar xiex kienu r-rapporti u x’passi ttieħdu biex dan id-drenaġġ u/jew ilma ma jibqax jiġri fit-toroq imsemmija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċeviet 12-il każ relatati ma' ħruġ ta’ ilma jew drenaġġ. Minn dawn, ħamsa kienu rigward ħruġ ta’ ilma potabbli filwaqt li sebgħa kienu rigward ħruġ ta’ drenaġġ. Fil-maġġor parti tal-każijiet instab li l-ħsara kienet ġejja minn infrastruttura ta’ terzi. F’dawn il-każijiet, min għamel ir-rapport ingħata l-informazzjoni meħtieġa u, fejn kien hemm bżonn, anke ġew infurmati l-awtoritajiet kompetenti. F’dawk il-każijiet fejn il-problema oriġinat mill-infrastruttura tal-Korporazzjoni, saru l-interventi meħtieġa.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Niċċara li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmata li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 527 ħaddiem fuq telework u 65 fuq remote working fil-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti taħtu.

Fgura: Triq il-Kampanella – żbroff ta’ drenaġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1198, tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra liema huma l-entitajiet li qed isiru t-taħdidiet magħhom u jekk il-pjan ta’ tħejjija ġiex finalizzat sabiex ix-xogħol neċessarju jsir tul is-sajf li ġej?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tiddiskuti proġetti fl-area indikata ma’ Infrastructure Malta prinċipalment. F’dan l-istadju l-Korporazzjoni qiegħda f'diskussjoni biex tiffinalizza skeda ta' interventi ppjanati li jidħlu fil-proġett ippjanat ta' Infrastructure Malta.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — konsulenti

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 294, 1130 u 1618 u tgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta' Mejju, 2022 u kemm dawn jitħallsu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Ministeru hemm 5 Konsulenti u li huma ingaġġati skont ir-regoli stabbiliti fil-Manwal tal-Kabinett.

San Pawl il-Baħar: Triq Parades – vultaġġ baxx ta’ elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tinvestiga x’inhi r-raġuni li għaliha qed jiġi rrapportat vultaġġ baxx fi Triq Parades, parti minn Triq San Pawl u Triq il-Katidral (fost toroq oħra) f’San Pawl il-Baħar? Wara li ssir din l-investigazzjoni, tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex id-dawl f’dawn l-inħawi jiġi msaħħaħ? Tista’ tagħti wkoll tagħrif dwar jekk l-Enemalta tiġborx informazzjoni dwar inħawi fejn il-vultaġġ ikun baxx?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta qiegħda fil-mument tgħaddi cables ġodda sabiex issaħħaħ l-infrastruttura eżistenti. Hekk kif ix-xogħlijiet ta’ tqattigħ ta’ trinek u tqegħid tal-cables jitlestew, fil-ġimgħat li ġejjin dawn ser jitqabbdu mal-linji sabiex jindirizzaw dawn il-varjazzjonijiet. L-Enemalta qiegħda tanalizza l-akkwati fejn qiegħed isir żvilupp konsiderevoli biex tittieħed l-azzjoni neċessarja u tkompli ssaħħah is-sistema ta’ distribuzzjoni.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – infiq ta’ flus f’reklamar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tagħha jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Wied il-Għajn – Bypass — dwal

Question

Tista’ l-Minstru tassigura li l-bypass ta’ Wied il-Għajn ikun mixgħul mal-lejl u mitfi mal-ġurnata għax qed ikun hemm partijiet mixgħula filgħodu u dlam ċappa filgħaxija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-tekniċi tal-Enemalta ħadu l-passi meħtieġa biex isewwu ħsarat estensivi fis-sistema tad-dawl ta’ din il-bypass. L-Enemalta qiegħda tinvestiga dawn il-ħsarat li jidher li ġew ikkawżati minn terzi.

Wied il-Għajn – Park tal-Familja – Public Convenience

Question

Tista’ l-Ministru tara jekk il-public convenience li hemm fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn hiex ser tiġi rinovata billi għandha bżonn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Park imsemmi hemm żewġ lattrini pubbliċi, li waħda minnhom kellha bżonn xogħol ta’ manutenzjoni u għalhekk ingħalqet temporarjament għall-pubbliku, filwaqt li ġew provduti mobile toilets. Ix-xogħol tlesta fl-aħħar ta’ Mejju.

Birkirkara – Triq Karm Zerafa – problema frekwenti ta’ bdil fil-vultaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1481, peress li jirriżultali li l-OVR tal-klijent li qed tirreferi għalih il-Ministru fit-tweġiba tagħha m’għandux problema għaliex biex ma jibqax jiġi affettwat mill-varjazzjoni tal-vultaġġ, li għamel dan il-klijent kien li żied il-limitu tal-OVR għal 250V minimu u 253V massimu; tistax il-Ministru tgħid jekk il-fatt li m’hemmx ilmenti oħra jfissirx li m’hemmx klijenti oħra fl-inħawi li għandhom OVR installat? Għaldaqstant tista' l-Ministru tara li jiġi indirizzat l-għeruq tal-problema, li hu l-varjazzjoni fil-vultaġġi li qed jiġu esperjenzati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fiż-żona msemmija ma jirriżultax li hemm problemi ta’ vultaġġ.