San Pawl il-Baħar – Tbattil ta’ bowsers fl-inħawi tas-Sentina tal-Pwales
Question
Tista’ l-Ministru tgħid b’liema frekwenza qed jitbattal il-bowser tad-drenaġġ, fl-inħawi tas-Sentina tal-Pwales, San Pawl il-Baħar? Kemm ibattlu bowsers hemm, u minn fejn jinġabar l-istess drenaġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-frekwenza hija ta’ darba f’ġimgħa, fejn jitbattal bowser ta’ kapaċità żgħira miż-żona tal-Imbordin għall-pumping station ġewwa l-Pwales.
San Pawl il-Baħar — Triq Marchesa Bugeja c/w Triq Parades - Xogħlijiet tal-Enemalta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jiġi ffinalizzat ix-xogħol tal-Enemalta fi Triq Marchesa Bugeja, kantuniera ma' Triq Parades, f’San Pawl il-Baħar? Tista' wkoll tassigura li l-periklu li tħalla fuq il-bankina għal diversi ġimgħat jitneħħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Enemalta kkummissjonat substation ġdida biex tkompli ssaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona indikata. Infurmata li x-xogħol kollu relatat ma’ dan il-proġett tlesta ftit tal-ġranet ilu u li, bħal f’kull xogħlijiet oħra li jsiru, l-Enemalta rat li jittieħdu u jiġu mħarsa l-miżuri kollha ta’ saħħa u sigurtà.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija l-Indafa Pubblika — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Jannar 2025?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-persuni li għandhom ftehim mal-ARMS biex iħallsu kont pendenti għandhom l-ammont pendenti skont il-kategoriji t’hawn taħt:
i. Bejn €1 u €1,000;
ii. Bejn €1,001 u €2,000;
iii. Bejn €2,001 u €5,000;
iv. Bejn €5,001 u €10,000;
v. Bejn €10,001 u €20,000;
vi. Iktar minn €20,000?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22626 u tgħid min jipprovdi s-servizz ta' customer care għall-Arms Ltd? Tista’ tgħid ukoll kemm jiswa s-servizz għal kull jum, għal kull xahar u għal kull sena, kif ingħata u meta jiskadi l-kuntratt eżistenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-istess mistoqsija numru 23048.
Enemalta — Sistemi fotovoltajiċi - Kumpens għall-elettriku ġġenerat
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22632 u tagħti ċ-ċifra tal-flus globali li l-Korporazzjoni Enemalta kellha tħallas fl-aħħar ta' Ottubru 2024 bħala kumpens għall-elettriku ġġenerat permezz tas-sistemi fotovoltajiċi lill-familji li bdew joperaw fid-djar privati u kif ukoll lil stabbilimenti kummerċjali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-istess mistoqsija numru 23047.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — ħaddiema reġistrati b'diżabilità
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema reġistrati b’diżabilità fid-dekasteru tagħha x’investiment sar biex dawn ikunu komdi waqt il-ħin tax-xogħol?
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24389 u tgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tagħha, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtha, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u tagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Tista’ tippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għall-ġibjuni tal-ilma li hemm ġewwa Ta' Ċenċ, Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid meta ġew imnaddfa l-aħħar minn ġewwa dawn il-ġibjuni? Tista’ tgħid ukoll meta saret l-aħħar manutenzjoni fuqhom? Fiex kienet tikkonsisti din il-manutenzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, permezz ta’ dan il-proġett estensiv, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħasbet biex, apparti li titjieb il-kwalità tal-ilma f’Għawdex u tiżdied ukoll il-provvista, id-domanda tal-ilma għall-gżira kollha tkun tista’ tiġi milqugħa permezz ta’ wieħed mill-ġibjuni, sakemm tkun qed issir manutenzjoni fuq il-ġibjun l-ieħor. Filwaqt li l-manutenzjoni fuq il-ġibjuni ssir b’mod regolari, issa għall-ewwel darba l-manutenzjoni, kif ukoll it-tindif, se jkunu jistgħu jsiru b’mod individwali. Permezz ta’ dan is-setup ta’ network ġdid, il-Korporazzjoni se jkollha l-flessibbiltà li ddawwar l-ilma u s-sorsi minn ġibjun għal ieħor mingħajr ebda interruzzjoni u b’hekk tassigura servizz aħjar u kontinwu.
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju waslu x-xogħlijiet marbuta ma’ Triq Tal-Barrani, Ħal Tarxien? Tista tgħid dawn ix-xogħlijiet x’inhuma u kemm ser idumu sabiex ikunu lesti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
San Pawl il-Baħar – Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Proġetti ta’ bdil fis-sistema tad-drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema proġetti ta’ bdil fis-sistema tad-drenaġġ ser ikunu qed jitwettqu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul is-sena 2025, f’San Pawl il-Baħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif diġà spjegajt diversi drabi anke fi tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari li saruli mill-Onor. Interpellanta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bil-proġett tal-mina tad-drenaġġ li qed isir b’investimet ta’ €7 miljun biex ittejjeb l-immaniġġjar tad-drenaġġ f’San Pawl il-Baħar, kif ukoll fiż-żoni residenzjali qrib Kennedy Grove u żoni oħra f’din il-lokalità. Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għandha wkoll proġetti ppjanati għal bdil fis-sistema tad-drenaġġ f’diversi toroq f’San Pawl il-Baħar.
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema proġetti ta’ bdil fis-sistema tad-drenaġġ ser ikunu qed jitwettqu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul is-sena 2025, fil-Mellieħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha pjan għal twettiq ta’ proġett fl-infrastruttura tad-drenaġġ fi Triq il-Marfa, l-Mellieħa.
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema proġetti ta’ bdil fis-sistema tad-drenaġġ ser ikunu qed jitwettqu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul is-sena 2025, fl-Imġarr (Malta)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għalissa m’għandhiex ippjanat xogħol simili fl-immedjat għal-lokalità tal-Imġarr.
San Pawl il-Baħar – Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – inħawi li għadhom jisservew bil-fosos
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex indikazzjoni ta’ liema nħawi għadhom qed jisservew bil-fosos, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Jekk iva, tista' tgħid liema huma dawn l-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-inħawi f’Tal-Imbordin, il-Wardija, Triq Għajn Tuffieħa (bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa) qed jisservew permezz ta’ fosos li jitbattlu b’mod regolari mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Il-Mellieħa – Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – inħawi li għadhom jisservew bil-fosos
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex indikazzjoni ta’ liema nħawi għadhom qed jisservew bil-fosos, fl-inħawi tal-Mellieħa? Jekk iva, tista' tgħid liema huma dawn l-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-inħawi fi Triq J.Kepler u Triq Denċi, Selmun qed jisservew permezz ta’ fosos li jitbattlu b’mod regolari mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24976 u tipprovdi lista tal-ġonna kollha f’Malta u Għawdex u tgħid meta nfetħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ ġonna u parks li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24978 u tgħid kemm ġew allokati fondi mill-Baġit 2025 għall-manutenzjoni tal-ġonna?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għall-Estimi Finanzjarji 2025, kif approvati minn din il-Kamra, ninfurmaha li l-fondi allokati għall-manutenzjoni tal-ġonna, parks u spazji ħodor oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika huma prinċiparjament ivvutati taħt il-vot rikorrenti 33 “Ambjent Malta” u l-Kontribuzzjoni għall-Entitajiet tal-Gvern 6047 “Project Green” (Vot Rikorrenti 32). Fost l-oħrajn, f’dawn l-allokazzjonijiiet hemm inkluża s-somma ta’ madwar €840,000 għall-manutenzjoni tal-Barrakka ta’ Fuq, il-Barrakka t’Isfel, Ġnien Herbert Ganado u Ġnien San Anton; €90,000 għall-Ġonna Botaniċi ta’ Malta; €50,000 għall-Park ta’ Xrobb l-Għaġin u madwar €700,000 li jkopru bosta siti naturali u parks oħrajn fosthom il-Buskett, il-Park tas-Salina u Kennedy Grove u Wied Inċita. Dawn minbarra l-man hours li jiġu investiti mill-ħaddiema ta’ Ambjent Malta u Project Green. Min-naħa tagħha, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed talloka madwar €80,000 fis-sena (taħt il-Kontribuzzjoni 6809) għall-manutenzjoni ta’ Ġnien Spencer.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24979 u tgħid kemm hemm impjegati għall-manutenzjoni tal-ġonna u kif inhuma allokati għal kull ġnien?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-manutenzjoni tal-ġonna, parks u spazji ħodor oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika ssir jew permezz tal-kuntrattur bħalma huma l-każijiet ta’ Ġnien Spencer, tal-ġonna li jaqgħu taħt il-kuntratt tal-landscaping u tal-proġetti ġodda li qed tniedi Project Green, inkella direttament permezz tal-ħaddiema ta’ Ambjent Malta u Project Green. Fil-każ ta’ Project Green, in-numru ta’ ħaddiema li jieħdu ħsieb il-ġonna, l-ispazji miftuħa u l-widien skont skeda ta’ xogħol stabbilita jammonta għal 81 u fil-każ ta’ Ambjent Malta hemm madwar 62 ħaddiem ieħor assenjati fuq dan it-tip ta’ xogħol.