Jista' l-Ministru jgħid kif il-Gvern għażel il-klinika privata, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, b'direct order biex minnha jingħataw servizzi lill-Animal Welfare kif ukoll kienet il-klinika li ntgħażlet għall-kampanja tat-tiswija tal-qtates? Għalfejn ma nħariġx tender f'dan il-każ?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-klinika privata li d-dettalji tagħha ngħataw separatament intgħażlet b’direct order biex tagħti servizzi ta’ emerġenza fuq bażi ta’ urġenza. Ma nħariġx tender għall-istess raġuni.
Jista' l-Ministru jispjega fiex jikkonsisti d-direct order bin-numru AHWD/AW/ 35/23 'Acquisition of Animal Holding Areas, pre-op, operating rooms (AWD)' li ngħata fit-22 ta' Mejju 2023 b'valur ta' €52,000 lill-klinika privata li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament u kif intgħażlet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-direct order li qed issir referenza għaliha hija marbuta mal-kampanja tat-tiswija tal-qtates li tħabbret fil-21 ta’ Ġunju 2023. Din saret wara li nħareġ tender li għalih ma ntefgħet l-ebda offerta u għaldaqstant din hi waħda mis-sitwazzjonijiet fejn l'awtorità kontraenti tirrikorri għal direct order.
Il-klinika ntgħażlet permezz ta’ espressjoni ta’ interess maħruġa għall-kliniċi veterinarji liċenzjati kollha fejn intwera interess minn klinika veterinarja waħda biss; l-istess waħda li d-dettalji tagħha ingħataw separatament. Din id-direct order tkopri il-kirja ta’ klinika veterinarja jumejn fil-ġimgħa inkluż l-użu ta’ tagħmir u l-faċilitajiet kollha, l-ispejjeż tal-mediċini veterinarji u konsumabbli użati waqt l-interventi kirurġiċi għat-tiswija tal-qtates.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11827 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10961 jista’ l-Ministru jikkonferma r-risposta għal dak li jikkonċerna l-qatla tal-majjal? Jekk iva, jista' wkoll jagħti tagħrif dwar jekk minbarra l-biċċerija tal-Gvern, hux qed ikun hemm ukoll qatliet f'biċċeriji privati u jekk iva, liema biċċeriji privati huma approvati għall-qatliet tal-majjal?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li nikkonferma li l-Biċċerija Pubblika f’Albert Town il-Marsa u l-Biċċerija ta’ Għawdex huma l-uniċi impjanti li huwa preżentement awtorizzati biex joqtlu l-majjal fil-Gżejjer Maltin.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – politika dwar is-saħħa mentali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux politika għas-saħħa mentali biex is-saħħa mentali tiġi integrata fit-tfassil ta’ kull politika mill-istess Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-pjan li titfassal u tiġi adottata din il-politika (mental health policy)?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-Ministeru, bħala parti mis-Servizz Pubbliku, huwa marbut mill-politika ċentrali fuq is-saħħa mentali. Minbarra hekk tajjeb li jingħad ukoll li fil-Ministeru tingħata importanza kbira lill-Employee Support Programme fejn uffiċċjali jistgħu jirrikorru f’każ ta’ diffikultà ulterjuri.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-APH Animal Hospital (VH001) għadx għandu liċenzja biex jopera? Jekk le, meta tilef il-liċenzja?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-liċenzja biex topera stabbiliment veterinarju bħal sptar tal-annimali, tista’ tingħata biss lil min għandu warrant ta’ tabib veterinarju. It-tabiba veterinarja lliċenzjata biex topera l-APH Animal Hospital (VH001) innotifikat li mhux se tibqa f’dan ir-rwol wara l-31 ta’ Awwissu 2023.
Jista’ l-Ministru jgħid:
(a) kif minn 1,309 qattus li ġew miġbura fl-2022, 483 minnhom ġew addottati u fadal 130 u jgħid ukoll x'sar mis-696-il qattus li ma jissemmewx;
(b) kif minn 539 kelb li ġew miġbura fl-2022, 441 ġew addottati u fadal 58 u jgħid ukoll x’sar minn dawk l-40 kelb li ma ssemmewx; u
(ċ) kemm minn dawk il-klieb u l-qtates li ġew miġbura fis-sena 2022 u li mhux imsemmija ġew addottati minn santwarji, u liema huma s-santwarji li addottawhom?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-figuri li qed issemmi ma jistgħu jaqblu qatt. Dan għaliex il-figura tan-numri ta’ annimali miġbura u addotti jappartjenu għas-sena 2022, mentri dawk imsemmija li fadal huma meħuda minn figuri ta’ nofs is-sena 2023. Peress li kien hemm influss u ħruġ ta’ annimali fis-sitt xhur bejn l-aħħar tas-sena 2022 u nofs is-sena 2023; in-numri ma jistgħux jaqblu mat-total.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tat-852 rapport ta' krudeltà mill-pubbliku fuq xi annimal li saru fl-2022 u jgħid x’kienu dawn ir-rapporti u kemm minnhom ittieħdet azzjoni legali kontrihom?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali — Annimali rrapurtati bħala maħqura
Question
Fid-dawl tal-11-il azzjoni li saret fejn l-annimali rrappurtati bħala maħqura ġew mittieħda mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, jista’ l-Ministru jgħid x' kienu dawn l-annimali, fejn tpoġġew sakemm ġie deċiż l-andament li kellu jittieħed u fejn qegħdin illum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra
Fid-dawl tat-33 ittra li nħarġu mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali rigward krudeltà ta' annimali, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu jinkorporaw fihom u xi jkunu r-riżultati mistennija minn dawk li jirċevuhom?
Response (REFALO, ANTON)
Ninfroma lill-Onor. Interpellanta li l-ittri msemmija kienu ittri ta’ kwerela u kienu jinkorporaw varji atti ta’ trattament mhux xieraq ta’ annimali li fuqhom kienu qed jittieħdu passi legali. Dawn kienu jinkludu każijiet ta’ annimali miżmuma ħażin u żamma ta’ annimali li mhux konformi mal-liġi. Ir-riżultat mistenni hu li kienu ser jittieħdu passi legali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tibda l-kampanja ta' neutering li ġiet imħabbra f'Ġunju tal-2023 u li ser tiswa €200,000 fis-sena u li ser tieħu ħsieb it-tiswija ta' 5,000 qattus fis-sena? Jista’ jgħid ukoll kif ser ikunu allokati u mqassma dawn il-fondi u lil min?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kampanja tan-neutering ġiet varata fil-21 ta’ Ġunju 2023. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-isptar Ċentru San Franġisk ġewwa Ta' Qali (APH) għadux jopera jew le? Jekk le, jista’ jgħid jekk hux dan sew kemm għall-klijent privat kif ukoll għad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali? Jista’ jgħid ukoll fejn qed jiġu trattati l-annimali misjuba mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali u x' kienet ir-raġuni għaliex dan iċ-ċentru m'għadux jilqa’ annimali fih?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-operatur tal-Isptar tal-Annimali għarraf lill-Ministeru li l-Isptar kellu jagħlaq temporanjament minħabba ħsarat estensivi li ġarrab meta allegatament intlaqat kejbil tal-elettriku u kien hemm żieda fil-qawwa tal-provvista tal-elettriku (power surge) li konsegwentament inħarqu numru ta’ attrezzaturi multipli, fittings u tagħmir mediku sensittiv. Peress li sar rapport lill-pulizija dwar dan il-każ u għaddejja investigazzjoni, mhux xieraq li jsiru kummenti ulterjuri biex ma tiġi preġudikata l-ebda parti. Ġentilment nirreferik għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12163 dwar fejn qed jiġu trattati l-annimali misjuba mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Prodotti agrikoli Maltin – Swieq għal bejgħ barra minn Malta (jew ta' esportazzjoni lejn pajjiżi mhux mill-Unjoni Ewropea)
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, flimkien mas-settur privat, irnexxilux isib swieq għall-bejgħ barra minn Malta ta' prodotti agrikoli Maltin, (jew ta' esportazzjoni lejn pajjiżi mhux mill-Unjoni Ewropea)? Jekk iva, liema kienu l-prodotti u lejn liema pajjiżi ntbagħtu?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li flimkien mal-produtturi lokali, organizzazzjonijiet lokali kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali, qed jiġu identifikati numru ta’ swieq b’potenzjal ta’ esportazzjoni ta’ prodott agrikolu Malti.
Il-Malta Food Agency qed taħdem id f’id ma’ koperattivi u produtturi lokali biex itkompli tgħinhom isaħħu u jkabbru s-swieq tagħhom, kemm lokali kif ukoll internazzjonali u jingħata aktar valur lill-prodotti tagħhom.
Intbagħtu kampjuni ta’ prodotti lejn il-Ġappun li jinkludu żejt taż-żebbuġ, għasel, melħ tal-baħar u kunserva bħala promozzjoni.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Remunerazzoni ta’ individwi
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-individwi fi ħdan il-Ministeru tiegħu, inkluż dawk f’awtoritajiet, entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, li għandhom pakkett finanzjarju ikbar mill-Ministru nnifsu? Jista’ jgħid ukoll min huma u kemm hu l-pakkett annwali, inkluż perkaċċi u bonuses?
Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Animali – ħruġ ta’ multi amministrattivi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6166 u jgħid kemm inħarġu multi amministrattivi fl-2022 hekk kif jirrikjedi l-artikolu 47 tal-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Animali, Kap. 439 tal-Liġijiet ta' Malta?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-2022 id-Direttorati fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa u t-Trattament Xieraq tal-Annimali ħareġ 17-il multa amministrattiva.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4637 u jgħid jekk hemmx xi tip ta' medja li wieħed jista’ jinnota ta' annimali li qed jiġu miġbura ta’ kull xahar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hi kif deskritt hawn taħt:
Medja ta’ Annimali Miġbura fix-xahar fuq l-aħħar 4 snin
Klieb
Medja ta’ 55 fix-xahar
Qtates
Medja ta’ 140 fix-xahar
Annimali domestiċi oħra
Medja ta’ 7 fix-xahar
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – annimali miġbura
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1573 u jindika kemm-il annimal ġie miġbur mill-ħaddiema tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali f'dawn l-aħħar sentejn? Jista’ jgħid kemm minn dawn ġew imraqqda/maqtula?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’dawn l-aħħar sentejn mill-2022 s’issa, nġabru 3,273 annimal mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u minn dawn ġew imraqqda 991 fuq deċiżjoni tal-veterinarji. Dawn traqqdu minħabba kundizzjonijiet mediċi jew trawmatiċi bi pronjożi ħażina ħafna.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – annimali miġbura
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1572 u jindika kemm-il annimal ġie miġbur mill-ħaddiema tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali f'dawn l-aħħar sitt xhur? Jista’ jgħid kemm minn dawn ġew imraqqda/maqtula?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’dawn l-aħħar sitt xhur minn April sa Settembru 2023, inġabru 1,507l annimal mill-ħaddiema tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li minnhom, fuq deċiżjoni tal-veterinarji, 418-il annimal ġew imraqqda. Dawn traqqdu minħabba kundizzjonijiet mediċi jew trawmatiċi bi pronjożi ħażina ħafna.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali — Talbiet għal għajnuna u assistenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-5,058 talba għal għajnuna u assistenza li rċevew id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali fis-sena 2022?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul is-sena 2022, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali kellu 5,058 talba għal għajnuna u assistenza għal ċirkostanzi varji li jinkludi: operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq annimali feruti, milquta b’karozza, annimali morda, talbiet għall-iċċekkjar għal identifikazzjoni elettronika fuq annimali li jkunu jidhru mitlufa jew li jkunu mejta, talbiet għal assistenza biex jinġabru annimali mhux miftuma li jidhru abbandunati, salvataġġ fuq annimali li huma maqbuda f’xi spazju limitat pereżempju magni ta’ karozzi, u talbiet varji mingħand Awtoritajiet/Entitajiet jew individwi għall-assistenza.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Segretarju Parlamentari għas-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali - impjegati fis-Servizzi Pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari jgħid kemm hemm impjegati fis-Servizz Pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jaqsam din l-informazzjoni skont il-grad tal-impjegati?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9844.