B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4838, jista’ l-Ministru jgħid liema toroq ġew imsewwija jew irranġati b’xi mod tul din is-sena u s-sena li għaddiet mill-Kunsill Lokali tal-Gudja?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li sar xogħol ta’ manutenzjoni fuq ħdax–il triq ġewwa l-Gudja. Qed nanetti l-lista tat-toroq li saru.
Lista ta’ fejn sar xogħol ta’ manutenzjoni fuq toroq ġewwa l-Gudja:
1. Triq Filippu Castagna
2. Triq Joseph Pace
3. Triq Sta Katarina
4. Triq id-Dejqa
5. Triq Victor Pasmore
6. Triq iż-Żebbuġa
7. Triq Bir Miftuħ
8. Vjal it-Torri
9. Service road Dawret il-Gudja
10. Dawret il-Gudja
11. Triq Birżebbuġa (il-parti tan-non urban)
12. Mili ta’ toqob f’diversi toroq wara li jsir s-servizz mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3022 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn jistgħu jinsabu u jinġiebu ċertifikati tal-mewt li jkunu tas-seklu 19 (madwar is-snin 1880)?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Assenteiżmu ta’ studenti fl-Iskejjel – ġbir ta’ multi mingħand il-ġenituri
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4599, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir biex jinġabru l-multi mingħand dawk il-494 ġenitur li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – billboard advertising — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq billboard advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Ta' min jinnota li fl-2013 l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) imbarkat fuq proġett ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew 4.163. Matul l-ewwel sena tal-proġett, tnax-il spot tat-TV kienu spots edukattivi u mxandra matul il-ħin primarju fuq tliet stazzjonijiet tat-televiżjoni lokali ewlenin. Bħala parti mill-istess proġett, fl-2014, l-MCCAA wettqet Kampanja bil-Billboards f'sitt lokalitajiet differenti f'Malta u Għawdex. Ir-rifużjoni totali mill-Fond Soċjali Ewropew li kienet tkopri bejn l-2013 u l-2015 kienet ta’ € 72,924.08
Issa li twaqqaf il-Qorti tal-Kummerċ, jista’ l-Ministru jgħid, din il-Qorti kif se tkun qed taħdem f’Għawdex? Min irid jissottometti kawża quddiem il-Qorti tal-Kummerċ f’Għawdex, fejn irid jissottomettiha u min se jisma’ dawn il-kawżi fil-Qrati ta’ Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) li ġiet imwaqqfa bl-Att Nru. I tal-2018 bdiet tiffunzjoni fid-9 t’April 2018. Din il-qorti għandha ġurisdizzjoni kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex u din il-ġurisdizzjoni hija limitata għal kawżi li joħorġu mill-Att dwar il-Kumpaniji. L-Att Nru.1 tal-2018 ħa ħsieb biex jagħti lil din is-Sezzjoni tal-Qorti Ċivili s-setgħa li tisma’ kawżi kontra persuni li huma residenti jew li għandhom id-dar ordinarja tagħhom fil-Gżira ta’ Malta u fil-Gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna. Bħala qorti superjuri l-preżentata tal-atti jsiru kif provdut fl-artikolu 180 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u jistgħu jiġu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qrati Ċivili u Tribunali, ta’ Malta u ta’ Għawdex. Meta din il-Qorti tisma’ kawżi li jkunu kontra persuni li huma residenti f’Għawdex, is-seduti ser jinżammu fil-bini tal-qrati ta’ Għawdex. L-Imħallef li jippresjedi din il-Qorti f’Malta ser ikun qed jippresjedi l-Qorti meta tkun qed iżżomm is-seduta tagħha f’Għawdex.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5160 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Birgu li allegatament kien wara d-deċiżjoni li jsir sparar fuq ħamiem fid-dawl tax-xemx, talabx parir professjonali biex jiġi kkontrollat l-ammont ta’ ħamiem fil-Birgu u jekk iva lil min talab?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ ser jiġi riferut lill-Bord tal-Governanza, mwaqqaf taħt l-att tal-Kunsilli Lokali, sabiex ikun jista jagħti l-konsiderrazzjoni tiegħu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5159 u ċjoè: B’referenza għall-qtil tal-ħamiem fil-Birgu, liema ordni jidher li saret mill-Kunsill Lokali tal-Birgu, filwaqt li nifhem li l-ħamiem fi kwantità hu pest li jrid jiġi kkontrollat, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkunsidrati metodi oħra li jeżistu kif jiġi kkontrollat l-ammont ta’ ħamiem liema metodi alternattivi m’humiex daqstant krudili?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor, Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 5321.
Knejjes, kappelli u proprjetajiet tal-Knisja – xogħol ta’ restawr
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tax-xogħlijiet ta’ restawr u xogħol ieħor fil-knejjes, kappelli u proprjetajiet oħra tal-Knisja u jgħid ukoll x’kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab annessa ma’ din ir-risposta.
Proġett
Spiża
Restawr minn ħaddiema tad-Direttorat (ġenerali)
Kappella ta' Santa Marija tar-Rokna, Tarxien *
F'dan il-perjodu (2013-2014) id-Direttorat ma kienx iżomm sistema ta' project based costings għal dawn l-interventi
Kappella Ta' Wejda, Mosta*
Parroċċa l-Qadima ta' San Bastjan, Ħal-Qormi*
Kappella ta' San Martin, Baħrija*
Parroċċa ta' San Duminku, il-Belt Valletta (Xogħol minn barra fuq il-koppla)
Kappella tal-Maddalena, Ħad-Dingli
Kappella Madonna tal-Mirakli, Ħal-Lija*
Kappella tal-Kunċizzjoni, Naxxar*
Kappella tal-Kunċizzjoni, Msida
Kappella ta' San Mattew, Qrendi
4,935.92
Parroċċa l-Qadima tad-Duluri, Birżebbuġa*
53,524.56
Kappella tad-Duluri, Pieta
28,133.05
Knisja ta' Sarria (xogħol fuq il-koppla minn barra)
5,912
Restawr minn ħaddiema tad-Direttorat (taħt l-iskema tal-Kunsilli Lokali)
Kappella tal-Madonna ta' Porto Salvo, Hamrun
43,960
Kappella ta' San Ġwann tal-Għargħar, San Gwann
17,240.00
Kappella ta' Santa Lucija, Sta. Lucija
26,560
Kappella tal-Lunzjata, Gudja
42,116.27
Kappella ta' Sant'Anna, Marsaskala
21,649.62
Kappella ta' Santa Katerina u Sant' Antnin, Birkirkara
Xogħol għaddej
Kappella San Ġwann, Siġġiewi
Jibda 2018
Kappella ta' San Ġwann, Għargħur
Jibda 2018
Proġetti li saru minn kuntratturi wara ħruġ ta' tenders
Knisja tal-Franġiskani, Sta Venera - bdil ta' saqaf
20,943.08
Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt Valletta (propjeta' tal-Gvern)
516,255.42
Parroċċa Żejtun - faċċata laterali
98,994.00
Parroċċa Bormla - inkluż il-faċċati tal-Oratorju li saru minn ħaddiema tad-Direttorat)
326,007.21
*Proġett mibdija qabel l-2013
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba r-roundabout il-ġdida li hemm fil-Fgura fit-tarf ta’ Triq il-Karmnu ġewwa Triq id-Dejma hiex sejra tiġi rranġata b’fjuri u b’siġar addattati?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
MCCAA — Uffiċċju għall-Kompetizzjoni - miżuri ta' sanzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4362, jista’ l-Ministru jispjega x’miżuri ta’ sanzjoni jistgħu jittieħdu mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni f’każ li miżura interim imposta fuq xi intrapriża tiġi injorata mill-intrapriża tenut kont ukoll li skont it-tweġiba mogħtija, l-Uffiċċju mhux f’pożizzjoni li jimponi penalitajiet fuq min jikser xi dispożizzjoni tal-Kap. 379?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li s-sentenza Federation Of Estate Agents Vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) Et kienet tirrigwarda n-nuqqas ta’ setgħa li għandu d-Direttur Ġenerali biex jimponi multa marbuta mal-ħruġ ta’ stqarrija ta’oġġezzjonjiet fir-rigward ta’ allegat ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni f’sitwazzjoni ta’ akkordji, deċiżjonijiet jew prattiki projbiti taħt l-artikolu 5 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni jew sitwazzjonjiet simili.
Infurmat li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni qatt ma kellu sitwazzjoni fejn impona miżuri interim u dawn ġew injorati mill-intrapriżi. Peress li l-kwistjoni imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ma hijiex identika jew simili għall-każ fuq riferit ma jfissirx li l-prinċipji li joħorġu mis-sentenza fuq imsemmija japplikaw għal din is-sitwazzjoni ipotetika.
Ħruġ ta’ permess biex tobba jipparkjaw b’urġenza fejn mhux suppost
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4817 dwar tobba tal-familja li jaħdmu fil-komunità, li jinkludu tobba li jaħdmu mal-gvern fiċ-Ċentri tas-Saħħa, dawn ikunu jistgħu jitolbu permess speċjali mill-Kummissarju tal-Pulizija biex waqt visti fid-djar, jipparkjaw f’żoni li mhux suppost tipparkja fihom, imma qed jirriżulta lil-LESA ma tirrikonoxiex il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Uffiċċjal tal-Komunità xorta qed iħarrek lit-tobba. Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni ta’ dan l-għemil? Jista’ jgħid jekk din is-sitwazzjoni tistax tirrimedja ruħha u jkun hemm uniformità fiċ-ċitazzjonijiet li jingħataw mill-Pulizija u l-Uffiċċjal tal-Komunità f’dan ir-rigward?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Uffiċjal tal-Kommunita’ (Gwardjan Lokali) jirrikonixxi l -Permess tal-Pulizija mgħoti lit-tobba u dawn il-kazi ma jiġux infurzati. Sfortunatament qed ikun hemm vetturi li ma jkollomx dan il-permess mal-windscreen u għaldaqstant l -Uffiċċjal tal-Infurzar ma jkunx konoxxenti ta' dan il -permess.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim u/jew tal-ittra ta' ingaġġ (letter of engagement) li l-Gvern ta' Malta għandu mad-ditta Ingliżi li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament, kif ukoll kopja ta' kwalunkwe fattura u/jew talba għal ħlas maħruġa mill-istess ditta Ingliża u mibgħuta lill-Gvern ta' Malta għas-servizzi legali mogħtija lilu mill-istess imsemmija ditta Ingliża b'rabta mal-emendi proposti mill-Oppożizzjoni għall-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili dwar enforzar f'Malta ta' sentenzi ta' Qrati barra minn Malta fuq malafama?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li qieghed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-fattura mitluba.
Sadanittant għall-bqija tad-dettalji mitluba, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 4823.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — nefqa fuq promotions fuq mezzi tal-media soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 248 u jgħid kemm nefaq flus l-Uffiċċju tiegħu, inkluż kull entità taħtu, għall-promotions fuq Twitter, Faceboook u social media oħra, minn Marzu 2013 sal-lum, xahar b'xahar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar u tinghata f’xi seduta ohra.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — ħaddiema - xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 271 u jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirrefferi lill-Onorevoli interpelant ghall-mistoqsija parlamentari numru 271.
Valletta 2018 Foundation – persuni ngaġġati bħala konsulenti
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5075, jista’ l-Minsitru jgħid min huwa dan il-konsulent?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan il-konsulent huwa Dott. Jean Pierre Magro.
Dott. Magro għandu dottorat mill-Università ta’ Exeter fi Transmedia Narrative li huwa suġġett li għandu x’jaqsam b’mod dirett mal-komunikazzjoni. Huwa ħadem ma’ diversi universitajiet u istituzzjonijiet ta’ livell terzjarju madwar id-dinja, inklużi l-London Film School u l-Università ta’ Southern California. Ħadem ukoll bħala kittieb ta’ film scripts fosthom ta’ film li kien ikkunsidrat għall-Oscars f’fażi preliminarja.
Ta min jirrimarka illi Dott. Magro pproduċa żewġ films fl-Ingilterra u numru ta’ dokumentarji li rebħu diversi premjijiet kif ukoll ħadem f’kumpaniji tal-produzzjoni tal-films fl-Istati Uniti u fi Spanja u għandu kollaborazzjonijiet attivi ma’ organizzazjonijiet diversi fil-qasam tal-publikazzjoni fuq bażi internazzjonali.
Dott. Magro jservi wkoll ta’ evalwatur prinċipali tal-programm Creative Europe fuq l-oqsma tal-film u t-televiżjoni.
Avukat Ġenerali – tim ta’ investigazzjoni konġunta
Question
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2004 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il tim ta' investigazzjoni konġunta stabbilixxa l-Avukat Ġenerali biex iwettaq investigazzjoni f'reati kriminali f'Malta u f'xi Stat Membru ieħor jew Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea skont dak li jipprovdi r-regolament 3 tar-Regolamenti dwar Timijiet ta' Investigazzjoni Konġunta (Stati Membri tal-UE) (Leġislazzjoni Sussidjarja 9.18)? Jista' jgħid għal liema għan speċifiku twaqqfu l-imsemmija timijiet u jindika l-perjodu li għalih twaqqfu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Qorti tal-Appell – azzjoni fuq sentenza mogħtija – kmamar tan-nar
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni beħsiebu jieħu fid-dawl tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell nhar is-26 ta' Jannar 2018 fil-kawża fl-ismijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament u li permezz tagħha ġie stabbilit li kmamar tan-nar m'għandhomx ikunu f'distanza anqas minn dik stabbilita mill-Ordinanza dwar l-Esplożivi (Kap. 33) tal-Liġijiet ta' Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex ġentilment jieħu konjizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Att IX tal-2018 li jemendaw l-Ordinanza dwar l-Esplozivi li ġie ppublikat fit-3 ta’ April, 2018.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-budget tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) approvat f’April 2013 ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk iva b’kemm u x’kienet ir-raġuni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tal-baġit tal-MCCAA, l-istima approvata għal 2013 kienet dik ta’ €3,595,000 u s-sussidju totali riċevut kien dak ta' € 2,727,385.55. Ġentilment innota wkoll li l-impjegati ex-CCD (Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni) tħallsu direttament mit-Teżor u mhux permezz tas-Subvenzjoni tal-MCCAA tal-2013. Il-kont totali tal-pagi kien dak ta' € 586.863.67. F'termini reali l-ispejjeż totali tal-MCCAA għall-2013 kienu ta' € 3,314,249.22, jiġifieri € 280,750.78 inqas mill-bagit.