Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex u Kemmuna – Tħawwil ta’ siġar, pjanti u arbuxelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu fi tħawwil ta’ siġar, pjanti u arbuxelli f’Għawdex u Kemmuna f’dawn l-aħħar sitt xhur? Kemm tħawlu u fejn? Jista’ jgħid ukoll minn fejn inxtraw u minn min sar ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex – Wied il-Lunzjata u widien oħrajn – Ilma ġieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa biex l-ilma ġieri ta’ Wied il-Lunzjata u widien oħrajn fil-qrib f’Għawdex ma jibqax jintilef fil-baħar, iżda jiġi salvat u utilizzat? Meta (xahar u sena) se jittieħdu l-passi neċessarji biex isir ix-xogħol meħtieġ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Wied il-Lunzjata huwa sit li jifforma parti minn Natura 2000. Għaldaqstant biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa fuq il-ġibjun għall-ilqugħ tal-ilma ġieri - li ġej mill-Għajn tal-Ħasselin u minn Għajn Tuta - jeħtieġ li jsiru xi assessments. Mal-mhedda taż-żmien dan il-ġibjun li kien ilu jintuża għal-bosta snin, imtela bil-ħama. Dan irid jiġi mmarkat biex eventwalment jibda l-proċess tat-tħammil tal-ħama u ssirlu l-manutenzjoni meħtieġa. Dan kollu jrid isir wara li jinkisbu l-permessi meħtieġa, u eventwalment jkunu jistgħu jinbdew ix-xogħlijiet fuq din iż-żona tar-reservoir fiż-żmien qarib. Min-naħa l-oħra, bħalissa hemm applikazzjoni mal-Awtorita tal-Ippjanar biex isiru interventi f’Wied tal-Grixti li jagħmel parti mill-catchment area ta’ Wied il-Lunzjata. Permezz tal-applikazzjoni PA/03095/24, li bħalissa qiegħda tistenna li tiġi approvata, l-interventi se jinvolvu xogħol ta’ tindif ġenerali, tħammil, tneħħija ta’ speċi aljeni u invażivi, tħawwil ta’ siġar u arbuxelli addattati, u restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ. Dawn l-interventi huma iffinanzjati mill-proġett LIFE RBMP Integrated Project. Wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-proġett huwa li jirrijabilita l-Wied ħalli tiżdied iż-żamma tal-ilma ġieri u titħares l-bijodiversità.

Għawdex — Ir-Ramla – Master Plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-Master Plan tar-Ramla u jgħid ukoll meta nbeda (sena u xahar) u meta hu ppjanat li jiġi konkluż? Jista’ jgħid ukoll fil-konkret, x’sar matul is-sena 2023 u matul is-sena 2024 dwar dan il-Master Plan, kemm intefqu flus matul dan il-perjodu u fuq xiex intefqu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-proġett - li qed issir referenza għalih - għad iridu jinġabu l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar. L-applikazzjoni giet sottomessa lejn l-aħħar tas-sena 2022.

CPPS — Fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm fondi tal-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS) għand l-Awtorità tal-Ippjanar preżentement, maqsuma lokalità lokalità? Jista' jgħid ukoll kemm hemm fondi taħt skemi oħra għand l-Awtorità tal-Ippjanar preżentement, u taħt liema skema, maqsuma lokalità lokalità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Riforma — sospensjoni tal-eżekutibbiltà tal-permessi tal-iżvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19693 u jgħid meta se tkun implimentata r-riforma li fl-2023 kienet is-suġġett tal-konsultazzjoni pubblika ‘Dokument ta' Diskussjoni dwar emendi proposti relatati mas-sospensjoni tal-eżekutibbiltà tal-permessi tal-iżvilupp’?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq id-drafting tal-liġi.

Rapport dwar l-iżvilupp f’Għawdex – Proposti u xogħlijiet

Question

Fid-dawl li kienu saru aktar minn 30 proposta mis-Sindki kollha Għawdxin f’rapport dwar l-iżvilupp f’Għawdex ippreżentat lill-predeċessur tiegħu fil-bidu ta’ April 2021, jista’ l-Ministru jgħid kemm minnhom ġew attwati sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex wasal ix-xogħol fuq kull waħda minn dawn il-proposti u f’kull każ meta hu mistenni li jitwettqu? Jekk hemm proposti li ma ġewx aċċettati mill-Gvern, jista’ jgħid liema huma u x’inhi r-raġuni għaliex ma ġewx aċċettati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Settembru 2023 ġiet ippublikata l-istrateġija reġjonali għall-iżvilupp ta’ Għawdex. Din hija l-istrateġija li magħha qed jimxi l-Gvern.

Għawdex — Carbon neutral - Miżuri u proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri u xi proġetti huma maħsuba sabiex Għawdex isir Carbon Neutral sas-sena 2030?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar qed iwettaq proġetti sostenibbli bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet, u fl-istess waqt, jiżdied il-carbon capture. Il-proġett tal-Multi-Modal Hub huwa eżempju ċar ta’ proġett sostenibbli li se jkun qed inaqqas il-konġestjoni tat-traffiku fix-xatt tal-Imġarr; l-inizjattiva li se tgħin biex jonqsu l-emissjonijiet. Fl-istess waqt, il-green open space se jkun qiegħed inaqqas l-ammont ta’ karbonju fl-arja. Min-naħa l-oħra, il-faċilita’ ta’ charging pillars fl-istess sit se tkun qed tippromwovi l-użu ta’ karozzi elettriċi. Dan minbarra numru ta’ proġetti oħrajn ta’ urban greening projects li qed jiġu imwettqa madwar Għawdex. Min-naħa l-oħra, l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex ippubblikat konsultazzjoni preliminari tas-suq (Preliminary Market Consultation) fil-bidu tal-2024 dwar pjan għall-gżira Għawdxija. Dan kien l-ewwel pass lejn il-formulazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni dettaljat, bil-għan li jintlaħaq it-tragward tan-newtralità fil-klima. L-istess Awtorità se tkun qed tippubblika tender fil-ġimgħat li ġejjin biex tqabbad ditta rinomata u b’għarfien tekniku, ħalli twettaq dan l-eżerċizzju.

Għawdex — Diversifikazzjoni tal-ekonomija - Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti hemm maħsuba sabiex Għawdex jiddiversifika l-ekonomija tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għaddej b’ħidma kontinwa biex jinħolqu aktar opportunitajiet, filwaqt li tiġi iddiversifikata l-ekonomija Għawdxija. Din il-ħidma qed issir fil-kuntest aktar wiegħsa, fosthom fl-isfond tat-tkabbir ekonomiku bla preċedent li rreġistrat l-ekonomija Għawdxija. Infatti, tajjeb li jiġi sottolineat li jekk wieħed iħares lejn il-Gross Value Added tal-gżira Għawdxija, hekk kif ippubblikati mill-NSO f’Diċembru tal-2023, jista jiġi nnotat kategoriji stabbiliti skont in-NACE Codes għal fini ta’ kumpilazzjoni ta’ data maħruġa mill-Unjoni Ewropea. B’kollox hemm 11-il NACE Code fejn wieħed isib kontribut importanti f’diversi kategoriji. Dan jirrifletti l-iżvilupp soċjo-ekonomiku li esperjenza Għawdex fl-aħħar snin. F’dan il-kuntest il-Ministeru nieda żewġ skemi ġodda - li se jibnu fuq il-Gozo Employment Refund Scheme u l-Gozo Back Office Scheme - bl-għan aħħari li jiġi inċentivat il-qasam ta’ knowledge based economy; liema qasam se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi aktar stabbli u t-tisħiħ tas-sostenibbilita’ ekonomika tal-gżira Għawdxija. Iż-żewġ skemi li ġew imnedija huma; · Supporting Knowledge Based Sectors in Gozo Scheme; u · Supporting Sustainable Quality Employment in Gozo Scheme. It-tnedija ta’ dawn iż-żewġ skemi tikkumplimenta partijiet mill-istrateġija mnedija mill-Awtorita’ għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (GRDA). Infatti l-istrateġija mnedija mill-GRDA tagħmel referenza għall-‘Ekonomija Ġdida’, fejn hemm elenkati għadd ta' mizuri b’rabta mat-tisħiħ tad-diversifikazzjoni ekonomika ta’ Għawdex. Fost il-miżuri li telenka l-istrateġija hemm il-proġett state of the art tal-Gozo Indoor Sports & Aquatic Pavilion, li se jkompli jsaħħaħ u jiddiversifika l-ekonomija Għawdxija permezz tal-impatt notevoli li mistenni jħalli fuq in-niċċa tat-turiżmu sportiv. Dan is-settur turistiku huwa ikkunsidrat bħala turiżmu kwalittativ li jrendi attivita’ ekonomika f’xhur li mhux neċessarjament huma kkunsidrati bħala peak. Apparti hekk, qed issir ħidma fuq proġetti oħrajn, fosthom ir-Rural Airfield li għandu l-potenzjal li jixpruna niċeċ ekonomiċi ġodda. Sa issa, diġa’ hemm interess minn operaturi barranin biex joperaw ċertu drones u testing tagħhom; fatturi li eventwalment se jgħinu biex jinħolqu opportunitajiet oħra fis-settur tal-avvjazzjoni. Intant, aktar informazzjoni u tagħrif dwar il-ħidma tal-Ministeru fil-qasam tad-diversifikazzjoni tal-ekonomija, inċentivi ta’ investiment u x-xogħol f’Għawdex, tinsab fil-pjattaforma diġitali investgozo.gov.mt li ġiet imnedija f’Marzu li għadda.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea matul is-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll għal liema fondi applikaw u x’kien l-eżitu, kemm ingħataw fondi kull direttorat u entità għal kull applikazzjoni u għal xiex ingħataw u f'liema stadju jinsabu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn barra l-proġett li diġa’ ġie indikat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18708, id-Direttorat għas-Servizzi Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ingħata fondi li jammontaw għal €41,380 mill-programm Erasmus+ u kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Matul l-2024, il-Ministeru applika wkoll għal numru ta’ proġetti oħrajn. L-eżitu ta’ dawn l-applikazzjonijiet għadu jrid jiġi deċiż.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direttur Ġenerali (Major Projects)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hi l-persuna li f'dawn l-aħħar ġimgħat u fil-preżent, qed tokkupa l-kariga ta' Direttur Ġenerali (Major Projects) fi ħdan il-Ministeru u kif ġiet magħżula? Jista’ jgħid ukoll jekk din il-persuna hijiex fuq bażi ta' 'acting' jew inkella ntgħażlitx b'mod permanenti mis-Senior Advisory Appointments Committee?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali (Major Projects) is-Senior Advisory Appointments Committe ma nnomina lil ebda uffiċċjal.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direttur Ġenerali (Strategy and Support)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hi l-persuna li f'dawn l-aħħar ġimgħat u fil-preżent, qed tokkupa l-kariga ta' Direttur Ġenerali (Strategy and Support) fi ħdan il-Ministeru u kif ġiet magħżula? Jista’ jgħid ukoll jekk din il-persuna hijiex fuq bażi ta' 'acting' jew inkella ntgħażlitx b'mod permanenti mis-Senior Advisory Appointments Committee?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pożizzjoni ta’ Direttur Generali (Strategy & Support) imtliet bi proċess mis-Senior Advisory Appointments Committee.

L-Imġarr Għawdex — Uffiċċju tal-Gozo Channel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset s’issa f’kera għall-proprjetà li nkriet mill-Gozo Channel fl-Imġarr, Għawdex, biex isservi ta' uffiċċji tal-Gozo Channel? Jista' jgħid jekk s’issa l-Gozo Channel bdietx topera minn dawn l-uffiċċji mikrija? Jista' jgħid ukoll kemm tħallas s’issa fuq xogħol ta' kostruzzjoni, tibdil, manutenzjoni, bini f'din il-proprjetà mill-Gozo Channel minn meta nkriet sal-lum u kemm mistennija tkun l-ispiża totali li l-Gozo Channel se tagħmel biex tkun tista' tibda topera minn din il-proprjetà mikrija minnha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara diskussjonijiet li saru mas-sid tal-proprjetà, it-total tal-kera dovuta sa nhar it-30 ta’ Ġunju 2024 tammonta għal Eur130,416. L-ammont ta’ kemm tħallas s’issa fuq xogħol ta' kostruzzjoni, tibdil, manutenzjoni, bini f'din il-proprjetà mill-Gozo Channel, minn meta nkriet sal-lum, huwa ta’ Eur117,175. Ninsab infurmat li t-tender tal-finishing għadha ma ġietx awarded u għaldaqstant l-informazzjoni f’dan r-rigward ma tistax tkun fornuta.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Entitajiet regolatorji

Question

Fir-rigward ta’ entitajiet regolatorji (irrispettivament mill-mod kif deskritti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jista’ l-Ministru f’kull każ jgħid: a. jekk din l-entità għandhiex il-poter skont il-liġi ordinarja li timponi penalitajiet finanzjarji (irrispettivament minn kif deskritti) ta’ natura ċivili jew amministrattivi u, jekk iva, jgħid kemm hu l-massimu tal-penali li tista’ tiġi imposta minn dik l-entità, kemm fuq bażi one-off u/jew għal jum ta’ nuqqas ta’ konformità u f’kull istanza fejn applikabbli jagħmel referenza għad-dispożizzjonijiet tal-liġi ordinarja li tagħti lil dik l-entità l-poter li timponi tali penalitajiet; b. quddiem liema forum ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, jistgħu jiġu kkontestati deċiżjonijiet fejn l-entità kkonċernata timponi penali ta’ din ix-xorta; u ċ. jekk kienx hemm u/jew jekk hemmx pendenti kawżi ta’ natura kostituzzjonali li fihom intalab li d-dispożizzjonijiet taħt il-liġi ordinarja li jagħtu l-poter li l-entità kkonċernata timponi tali penalitajiet jiġu ddikjarati li jikkostitwixxu ksur tal-Kostituzzjoni b’mod partikolari tal-artikolu 39 tal-istess Kostituzzjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Promozzjonijiet/żidiet fl-iskali tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il promozzjoni jew żieda fi skala ngħatat lill-ħaddiema mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2024 u t-8 ta' Ġunju 2024? F'liema grad/skala kienu u f'liema grad/skala tpoġġew?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.

Il-Manikata — Triq il-Knisja il-Qadima u Triq il-Fuħhar - Titolu ta' art

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq min hu t-titolu ta' art bejn Triq il-Knisja il-Qadima u Triq il-Fuħhar, il-Manikata, kif muri fil-pjanta li qed tintbagħat separatament? Jista’ jgħid x’inhi l-intenzjoni dwar din l-art u x’jista’ jsir skont il-pjan lokali? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-livelli tal-art komparat mal-livell tat-triq kif inhi llum (jekk hix se tkun 'il fuq mil-livell tat-triq)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex ġentilment jindika - permezz tal-mapserver https://pamapserver.pa.org.mt - d-delinazzjoni tas-sit li tikkonċerna l-mistoqsija.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Reklami fuq stazzjonijiet tat-televixin - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu f’reklami fuq stazzjonijiet tat-televixin mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn ir-reklami, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-istazzjonijiet li l-Ministeru xtara r-reklami?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - Press conferences

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru press conferences mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jgħid ukoll: (i) x’kienet it-tema; (ii) kemm ġiet tiswa din il-press conference; (iii) kif intefqu l-flus (eż. post, catering, backdrop, sound, dawl, eċċ.); (iv) min kienu l-kuntratturi u/jew l-individwi li għamlu x-xogħol; (v) kemm minn din in-nefqa kienet permezz ta’ direct order u kemm kienet permezz ta’ sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tingħata l-informazzjoni kif mitluba, se jinqabeż l-advisory cost.

Għawdex – Nefqa fuq Xogħlijiet fl-iskejjel

Question

In vista ta' fuljett li kien intbagħat fid-djar kollha ta' Għawdex dwar xogħol ippjanat fi skejjel f'Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa matul is-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari: a. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja ta' Kerċem; b. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja taż-Żebbuġ; ċ. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja tal-Għarb u d. fuq it-tisbiħ ta' diversi faċċati ta' diversi skejjel f'Għawdex, u f'kull każ, jagħti data meta se jkun lest ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq l-iskejjel - li saret referenza għalihom fid-domanda - jinsabu għaddejjin. Rigward l-iskola Primarja ta’ Kerċem, qiegħed jitħejja l-abbozz tas-sejħa pubblika għall-offerti, b’investiment kapitali li jlaħħaq Eur 2.8 miljun. Ix-xogħol huwa maħsub li jsir matul din il-leġiżlatura. Min-naħa l-oħra, is-sejħa pubblika għall-offerti tal-iskola Primarja taż-Żebbuġ, se ssir fil-ġimgħat li ġejjin. Hawnhekk, l-investiment kapitali jlaħħaq Eur 3.5 miljun u x-xogħol huwa maħsub li jkun lest matul is-sena skolastika 2024-2025. Qed jitħejja wkoll l-abbozz tas-sejħa pubblika għall-offeri tal-iskola Primarja tal-Għarb, b’investiment kapitali li jammonta għal Eur 3.2 miljun. Ix-xogħol huwa maħsub li jsir matul din il-leġiżlatura. Fl-istess waqt, f’għadd ta’ faċċati ta’ diversi skejjel f’Għawdex sar xogħol ta’ estensjoni, tisbieħ u rinovazzjoni. Fost dawn hemm l-iskola Primarja Nadur u l-iskola Medja fir-Rabat. Dan filwaqt li x-xogħol ta’ kostruzzjoni tal-iskola primarja l-ġdida fir-Rabat qiegħed fi stadju avvanzat ħafna.

Għawdex – Proġetti taħt il-programm 'Connecting Europe Facility of the European Union'

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti f’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom s'issa u liema minnhom ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati biex isiru mill-programm 'Connecting Europe Facility of the European Union' (Perjodu 2021-2027), peress li dawn jagħlqu din is-sena (2024)? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħataw flus s’issa u kemm se jingħataw flus minn dan il-fond lill-Ministeru għal Għawdex għal dawn il-proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li nirreferih għall-informazzjoni li ngħatat fil-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18699, il-Ministeru għal Għawdex u Ippjanar se jibqa’ viġilanti għal kull applikazzjoni li toħroġ sa meta jagħlaq dan il-programm fis-sena 2027.