Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #17057 Sitting 231 2010-06-01 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord tal-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Question

Peress li l-Bord tal-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol jidher li ilu ma jiltaqa', jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan spiċċalux it-terminu? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid meta se jinħatar il-bord il-ġdid?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord ta’ tmexxija tal-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol reġa’ ġie maħtur fid-19 ta’ April 2010 għall-perjodu ta’ sentejn, jiġifieri sat-18 ta’ April 2012.
Leg 11 PQ #17230 Sitting 231 2010-06-01 Oral · Interim From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — pompi tal-fuel

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 16973, 16459, 15661, 13591 u 13055 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 12807 u 13036 li saru lill-Prim Ministru u mistoqsija parlamentari 13037 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni dwar il-pompi tal-petrol/fuel f'pajjiżna, jirriżultalu l-Prim Ministru li fil-gżejjer tagħna tliet pompi għamlu l-investiment sabiex ikunu konformi mar-regoli/direttivi u standards tal-Unjoni Ewropea bid-detriment li waħda minnhom għadha magħluqa min-naħa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jekk huwa l-każ, għaliex qabel is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti ma nediex skema biex jgħin lill-pompi in kwestjoni jiġu aġġornati ma' dawn ir-regoli/standards tal-Unjoni Ewropea? X'assessment għandu l-Gvern dwar dan in-nuqqas f'pajjizna? X'inhi s-sitwazzjoni għall-futur tas-sidien, l-operaturi u l-ħaddiema tal-pompi li għad mhumiex allineati ma' dan l-iżvilupp in kwestjoni? X'inhi l-pożizzjoni tal-ħaddiema u ċ-ċittadini vis-à-vis l-assigurazzjonijiet, jekk jirriżulta xi inċident? X'inhi l-pożizzjoni tas-sidien u tal-ħaddiema fil-każ tal-pompa li hija konformi ma' dawn l-istandards/regoli u direttivi tal-Unjoni Ewropea, iżda miżmuma mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fil-mument? Xi pjan għandu l-Gvern quddiem din iċ-ċirkostanza u x'kumpens jew għajnuna se tingħata lis-sidien biex iwettqu l-iżviluppi meħtieġa u dan fid-dawl li jonqos il-periklu attwali għall-ħaddiema, l-operaturi u ċ-ċittadini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #17249 Sitting 231 2010-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — salarji u kundizzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17018, 16488, 15658 u 14682 u jgħid fil-mument kemm huwa numru ta' persuni li jinsabu jaħdmu abbażi ta' kuntratt fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fid-dekasteri li jaqgħu taħtu? X'pożizzjoni jokkupaw u x'salarji u kundizzjonijiet għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #17338 Sitting 231 2010-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — persuni li bdew l-impjieg tagħhom

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17087 u jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bdew bl-impjieg/xogħol tagħhom fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u/jew fid-dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru li jaqa' taħtu, matul dawn l-ewwel erba' xhur tas-sena? X'kariga u/jew xogħol għandhom? X'salary scale għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #17401 Sitting 231 2010-06-01 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Chairman - remunerazzjoni u benefiċċji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma ċ-chairman u d-diretturi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant l-informazzjoni fuq il-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fit-tabella ta’ hawn taħt: Isem Data tal-ewwel ħatra Remunerazzjoni u benefiċċji Chairman Is-Sur Austin Walker 16/06/2008 €93,689.70 fis-sena, użu ta’ karozza, ħlas ta’ telefonija fissa u ċellulari, servizz ta’ internet, ħlas tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, ħlas ta’ miżati f’żewġ għaqdiet professjonali, ħlas ta’ assigurazzjoni medika privata inklużi l-mara u dipendenti oħra, u pagament għall-attendenza f’kumitati ta’ €27.95 kull laqgħa Membri Is-Sur Michael Ellul 1/11/2004 €3,494 fis-sena flimkien ma’ pagament ta’ €27.95 kull laqgħa għall-attendenza f’kumitati Is-Sur Joe Tabone Jiacono 1/11/2004 €3,494 fis-sena flimkien ma’ pagament ta’ €27.95 kull laqgħa għall-attendenza f’kumitati Is-Sinj Elena Borg Costanzi 8/01/2008 €3,494 fis-sena Is-Sur Charles Bonnici 21/12/2007 €2,620.54 fis-sena Is-Sur Anthony Zammit 11/09/2007 €2,620.54 fis-sena Is-Sur Joe Vella 1/12/2008 €3,494 fis-sena Ing Joe Farrugia 30/01/2008 €3,494 fis-sena flimkien ma’ pagament ta’ €27.95 kull laqgħa għall-attendenza f’kumitati Is-Sur Roderick Galdes 7/07/2008 €3,494 fis-sena Perit Joseph Falzon 30/09/2008 €3,494 fis-sena
Leg 11 PQ #17607 Sitting 231 2010-06-01 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — skema ta' ġbir u riċiklaġġ

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17297 u jikkonferma li sal-lum hemm kumpanija waħda biss li hija awtorizzata u liċenzjata mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sabiex topera skema ta' ġbir u riċiklaġġ tal-iskart f'Malta? Liema hi? Kemm ilha fis-seħħ din il-liċenzja? Hemm xi applikazzjonijiet oħrajn pendenti? Ta' min huma? Meta intefgħu? Hemm xi applikazzjonijiet li ġew rifjutati? Jekk iva, liema huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #17643 Sitting 231 2010-06-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dumping illegali f'Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17332 u 17153 u jgħid kemm ilu jsir dumping illegali f’Għawdex fil-limiti tad-Dwejra qrib San Lawrenz? L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar meta ndunat b’dan? Skont l-istess awtorità dan l-iskart meta u kemm ilu li ġie depożitat? Fid-dawl tal- image ta’ eko-Għawdex li l-gvern qed jipprova jippromwovi, x’inhi t-tweġiba tal-gvern għar-rapporti fil-gurnal The Sunday Times li skont għadd ta’ residenti dan it-tip ta’ dumping minn skart u rubble ilu jsir mingħajr ma ttieħed ebda azzjoni snin sħaħ? Il-kunsill lokali meta għarraf lill-awtoritajiet dwar dawn l-abbużi li allegatament ilhom għaddejjin is-snin? X’passi ħadu l-awtoritajiet meta skont rapport fl-istess ġurnal id-dumping tal-construction waste allegatament ilu għaddej sa mis-sena 2000 tant li l-landfill żgħir li hemm, spiss jirreferu għaliha bħala l-mini Magħtab? Ma jħossx il-Prim Ministru li dan l-abbuż baqa' jsir ripetutament mingħajr ma ħadd jieħu ebda passi kontra min kien responsabbli għalih minn nies li sabuha konvenjenti li jarmu l-iskart tal-kostruzzjoni b’dan il-mod biex jiffrankaw li jħallsu l-landfill charges tal-construction waste? Ma jħossx il-gvern li flok jistrieħ fuq il-fatt li sal-lum Għawdex minkejja li ilu li ġie ddikjarat eko-Għawdex u straħ fuq eco-warden biss, għandu bżonn nies adegwati mqabbdin mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar innifisha biex jiżguraw li tiġi implimentata l-enforcement f’mod serju u effettiv? Kif jistgħu l-awtoritajiet inklużi l-Pulizija jiġġustifikaw il-fatt li ma kenux jafu b’dan l-abbuż, li ilu jkaxkar is-snin, meta biex isir dan l-abbuż regolarment intużaw trucks kbar permezz ta’ trips ripetuti minn u lejn id-dumping sites illegali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi wasal rapport fil-MEPA illi kien hemm xi rdim fl-inħawi li rriżulta jissejħu Ta' Maxwell. Dan ir-rapport wasal il-MEPA xi 3 ijiem qabel deher fil-gazzetta tal-Ħadd. Sa dakinhar laħaq inħareġ Enforcement Notice fuq il-każ irrappurtat. Qabel dan, kien hemm 4 Enforcement Notices oħra fl-inhawi - 3 rigward kmamar illegali, u oħra dwar dumping . L-informazzjoni li kienet qed tasal għand il-MEPA minn diversi sorsi, kienet qed tingħadda mill- management tas-sezzjoni ta' l-Infurzar tal-MEPA lill-Pulizija, u fil-fatt dan għen lill-pulizija biex jinvestigaw aħjar u jiftħu kawżi proprju fuq hekk. Intant saru iktar spezzjonijiet mis-sezzjoni ta' l-infurzar tal-MEPA, flimkien mal-Pulizija, u nħarġu 13-il Enforcement Notice oħra, li waħda minnhom tkopri art pjuttost imdaqqsa, u li tinsab xi 400 metru 'l bogħod mill-irdim li kien deher fil-gazzetta.
Leg 11 PQ #17679 Sitting 231 2010-06-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lista ta' Ħlasijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17455, 17242 u 16596 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat lista ta' ħlasijiet li saru lill-individwu, li dettalji dwaru qed jingħataw separatament, mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, entitajiet, kummissjonijiet, kunsilli u mid-dekasteru kollu tiegħu għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2002 sal-lum billi jagħti f'kull każ kemm kien l-ammont imħallas, għal liema fini u d-data meta sar kull ħlas relattiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #17744 Sitting 231 2010-06-01 Oral · Interim From: PHILIP MIFSUD To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ — xogħol infrastrutturali

Question

No question text.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li d-Dipartiment ikkonċernat talab l-informazzjoni lill-Kunsill Lokali. Hekk kif tasal l-informazzjoni tiġi ppreżentata fil-parlament.
Leg 11 PQ #16106 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartimenti tal-Gvern li huma aċċesibbli

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn u liema huma d-Dipartimenti tal-Gvern li huma aċċessibbli u liema m'humiex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma sar ebda accessibility audit tad-dipartimenti tal-Gvern. Madanakollu, il-Gvern jesiġi li kull bini ġdid jew adattament ta’ bini eżistenti biex iservi bħala dipartiment ikun aċċessibbli. Fuq medda ta’ żmien (skont il-prinċipju ta’ progressive realisation li hemm fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità) in-numru ta’ dipartimenti tal-Gvern aċċessibbli qed jiżdied.
Leg 11 PQ #16337 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEUSAC — mili ta' applikazzjonijiet taħt programmi li toffri l-Unjoni Ewropea

Question

Fid-dawl li l-MEUSAC qed toffri servizz b'xejn fil-mili ta' applikazzjonijiet taħt programmi varji li toffri l-Unjoni Ewropea, jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex minnu li qed jinqalgħu każijiet fejn l-uffiċjali responsabbli fil-MEUSAC mhumiex isibu l-koperazzjoni sħiħa ta' xi kunsilli lokali għaliex jew qed jiġu injorati d-deadlines jew saħansitra ikun hemm xi kunsilli li jirtiraw mill-proġett fl-aħħar minuta? Jista' jispeċifika? Liema huma l-kunsilli involuti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #16338 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEUSAC — kunsilli lokali - fondi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minħabba li xi kunsilli lokali kienu applikaw taħt programmi varji tal-Unjoni Ewropea fil-mili tal-formoli fil-Funding Unit tal-MEUSAC u dawn irtiraw mill-proġetti fl-aħħar minuta jew anki injoraw id-deadlines, liema huma l-entitajiet l-oħra fosthom NGOs li setgħu jibbenefikaw mill-għajnuna tal-Funding Unit u dawn ma setgħux jiġu megħjuna għaliex l-uffiċjali tal-MEUSAC ma setgħux jaċċettaw iktar talbiet għal għajnuna minħabba limitazzjonijiet ta' riżorsi umani? Jista' jsemmi l-NGOs kollha li riedu dan is-servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #16339 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEUSAC — ħlas ta' depożitu għall-mili tal-applikazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li qed tiġi introdotta sistema li fejn kunsill lokali li jirrikorri għall-assistenza tal-MEUSAC se jibda jiġi mitlub iħallas depożitu qabel ma jibda l-proċess tal-mili tal-applikazzjoni? Kemm hu dan id-depożitu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-MEUSAC, bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, introduċa sistema ta’ penali fejn qabel ma tibda timtela l-applikazzjoni għal kunsill lokali jew NGO jintalab depożitu li jista’ jintilef kollu jew parti minnu skont jekk il-kunsill lokali jew l-NGO jirrispetta id-deadlines li jkunu qablu fuqhom il-partijiet fil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni. F’każ li kunsill lokali jew NGO iżżomm mad-deadlines kollha, id-depożitu jingħata kollu lura. Bħala riżultat ta’ din il-miżura, il-MEUSAC rat titjib sostanzjali fil-kooperazzjoni tal-kunsilli lokali u NGOs. Hu importanti li dawn iżommu mad-deadlines għaliex mingħajr l-informazzjoni li trid tiġi mingħandhom l-applikazzjoni ma tistagħx timtela. Kien hemm każijiet fejn kunsilli lokali jew NGOs ġew bl-informazzjoni fl-aħħar minuta, ħaġa li mhiex ġusta fuq l-istaff tal-MEUSAC li jkollha ħafna applikazzjonijiet biex tipporċessa qabel id-deadline stabbilit għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet. Id-depożitu jvarja minn €500 għal €800 (għal kunsilli lokali ta’ 7 kunsilliera u akbar). Id-Direttur tal-Gvern Lokali bagħat Memo lill-kunsilli lokali fit-30 ta’ Marzu 2010 fejn tahom l-informazzjoni kollha. Il-Kelliemi Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali kien ikkupjat mid-Direttur f’din il-korrispondenza.
Leg 11 PQ #16341 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14402 u jgħid liema kunsilli lokali qed jiġu monitored bħalissa? Għal liema raġuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 14402.
Leg 11 PQ #16342 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEUSAC — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14581, 12968 u 12085 u ċioe: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10565, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi t-tifsira ta' kull programm: Europe for Citizens, Youths in Action, MED, Youth in Action-EVS, Youth in Action-Youth Initiative, ERDF, ERDF-Education, Rural Funds Measure 313, Rural Funds Measure 323? Jista' jgħid x'benefiċċju għandu kull programm u fejn waslet it-talba li għamlu l-kunsilli lokali għall-applikazzjoni biex jibbenefikaw minn wieħed jew aktar minn dawn il-programmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

The Europe for Citizens programme Għandu numru ta' prijoritajiet immirati lejn iċ-ċittadin biex dan jingħata rwol attiv fl-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea Youth in Action Programme Dan hu l-programm għaż-żgħażagħ (15 - 28, jew f'xi każijiet 13-30) bl-għan li jispira fihom sens qawwi ta' ċittadinanza attiva, solidarjeta' u tolleranza fost iż-żgħażagħ Ewropej u jinvolvihom fit-tfassil tal-futur tal-Ewropa. Youth Initiative Youth initiative hu proġett taħt il- Youth in Action Programm li hu maħsub u żviluppat kollu miż-żgħażagħ infushom. Dawn l-inizjattivi huma Action 1.2 tal-Programm Youth in Action . EVS Il- European Voluntary Service (EVS) joffri liż-żgħażagħ Ewropej iċ-ċans li jesprimu l-impenn personali tagħhom permezz ta' attivitajiet full-time u bla ħlas f'pajjiż barranini fl-UE jew barra mill-UE. MED Il-Programm MED 2007-2013 hu l-programm għall-kooperazzjoni tranznazzjonali li għandu l-għan li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fil-Mediterran f'9 Stati Membri: Ċipru, Spanja, Franza, Greċja, Italja, Malta, Portugal, Renju Unit, Slovenja, kif ukoll f'2 pajjiżi kandidati Kroazja u Montenegro. ERDF Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR jew ERDF) għandu l-għan li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE billi tindirizza żbilanċ bejn ir-reġjuni fl-UE. F'Malta, dan il-fond imur għall-iżvilupp u ġenerazzjoni tat-tkabbir ekonomiku bbażat fuq l-attivitajiet ekonomiċi li jinkoraġġixxu l-kompetittivita’, u jsaħħu l-infrastruttura ta’ Malta, għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini Maltin. ERDF It-Tisħiħ ta’ l-Għarfien u l-Innovazzjoni It-Tisħiħ ta’ l-Għarfien u l-Innovazzjoni hu l-Assi ta’ Prijorita’ 1 u għandhom l-għan li jappoġġjaw l-isforzi biex Malta jkollha ekonomija kompetittiva u msejsa fuq l-għarfien. L-allokazzjoni finanzjarja għal dawn l-Assi ta’ Prijorita’ jammontaw għal €102,000,000 mill- ERDF . Rural Funds Measures 313, 323 Measure 313 – Encouragement of Tourism Activities Measure 323 – Conservation and upgrading of the Rural Heritage Jaqgħu taħt l-Assi ta' Prijorita' 3 - Promozzjoni ta' assi multi funzjonali f'żoni rurali marbutin ma’ attivitajiet sostenibbli fil-qasam tal-Ambjent u tal-Wirt Rurali taħt il- European Agricultural Funds for Rural Development. Dwar benefiċċji ta' kull programm - dan hu self-evident : il-benefiċċju għal kull entita' hu propju it-twettiq (b'fondi ġejjin fil-maġġor parti mill-UE) tal-proġett li jkun ġie sottomess. Fejn jidħlu l-kunsilli lokali li ngħataw għajnuna mill- MEUSAC , s'issa ngħataw 22 risposta pożittiva lil dawn il-kunsilli: Għasri, Isla, Kirkop, Għarb, San Lawrenz, Mqabba, Swieqi, St. Paul’s Bay, Marsaskala, Ta’ Xbiex, Mġarr, Birżebbuġa, Naxxar, Mellieħa, Żejtun and Kerċem. Ingħataw tminn (8) risposta negattiva: 82 aplikazzjoni huma pendenti - qed jiġu proċessati mill-awtorita’ responsabbli li tiddeċiedi tilqax jew le l-applikazzjoni.
Leg 11 PQ #16902 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Istandards — Bord tad-Diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-persuni li jiffurmaw il-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Istandards? X'inhuma l-benefiċċji li jgawdu kull wieħed minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar il-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-iStandards.
Leg 11 PQ #16903 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord tal-Public Service Commission

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-persuni li jiffurmaw il-Bord tal-Public Service Commission? X'inhuma l-benefiċċji li jgawdu kull wieħed minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku hija komposta minn: Chairperson : Is-Sur Alfred Fiorini Lowell Deputat Chairperson : Dott Jeanette Laferla Membri: Is-Sinj Yvonne Micallef Stafrace Is-Sinj Mary Vella Is-Sur Tonio Farrugia Il-benefiċċji li jgawdu minnhom huma kif imsemmija hawn taħt: - Iċ- Chairperson għandu onorarja ta’ €19,708.83 fis-sena, is-servizz ta’ karozza, u spejjeż tat-telefon fiss u ċellulari imħallsin mill-Gvern. - Id-Deputat Chairperson għandha onorarja ta’ €14,782.20 fis-sena. Il-Membri għandhom onorarja ta’ €10,512.46 fis-sena, kull wieħed.
Leg 11 PQ #16904 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord tad-Diretturi ta' Heritage Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-persuni li jiffurmaw parti mill-Bord tad-Diretturi tal-Heritage Malta? X'inhuma l-benefiċċji li jgawdu kull wieħed minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar il-Bord tad-Diretturi ta’ Patrimonju Malta.
Leg 11 PQ #17210 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — numru ta' karozzi/vetturi mikrija

Question

Jista' l-Prim Ministru jinfurmani bin-numru tal-karozzi/vetturi mikrija għall-użu tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u d-dekasteri/entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu? Jista' jgħid ukoll kemm hija ċ-ċifra ta' flus li tħallset fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2010 għal dan is-servizz u kemm huwa kkalkulat li jrid jitħallas sal-aħħar tas-sena rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #17529 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — membri tal-familja fuq delegazzjoni barra minn Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid matul din il-leġislatura, jekk qattx kien akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu, jew xi membru ieħor tal-familja tiegħu, waqt safar uffiċjali tal-Gvern jew Parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba, min kienu l-membri tal-familja u fejn marret din id-delegazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jiena kont akkumpanjat mis-Sinjura tiegħi f’dawn l-okkażjonijiet: 1. Żjara fi Munich (1-3 Awissu 2008) meta ġejna mistiedna għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 anniversarju tal-Frosh Touristik GmbH (FTI). L-ispejjeż marbuta mal-vjaġġ u l-akkomodazzjoni tad-delegazzjoni Maltija (inkluż tas-Sinjura Gonzi) kienu mħallsa mill-organizzaturi u mhux mill-Gvern. 2. Żjara f’Pariġi (19-21 ta’ Ottubru 2008) għall-inawgurazzjoni tal-esibizzjoni “Between the Battle Sword and the Cross: Masterpieces of the Armoury of Malta” organizzata mill-Ambaxxata Maltija ġewwa Pariġi bil-koperazzjoni tal-Heritage Malta u l-MTA. 3. Iċ-CHOGM (26-30 ta’ Novembru 2009) fi Trinidad and Tobago. Hija proċedura taċ-CHOGM li l-Kapijiet tal-Gvern ikunu akkumpanjati minn żwieġhom li fil-fatt ikollhom programm għalihom. L-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni u spejjeż oħra fid-destinazzjoni tiegħi u tas-Sinjura Gonzi kienu mħallsa mill-organizzaturi. Fil-vjaġġi uffiċjali l-oħra tiegħi ma kont akkumpanjat mill-ebda membru tal-familja.