kunsill lokali li applikaw biex jitħaddem il-kunċett ta' Public Private Partnership
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il kunsill lokali applika biex jitħaddem il-kunċett ta' Public Private Partnership (Memo 45/2010) fejn jidħol ir-resurfacing ta' toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali ? Liema huma l-kunsilli lokali? Liema huma t-toroq f'kull lokal li ġew identifikati biex isir ix-xogħol? Kemm għandha area kull triq li fiha mistenni jsir xogħol ta' resurfacing u kemm mistennija tiġi tiswa kull triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 41 kunsill lokali li applikaw għall-iskema ta’ Public Private Partnership għal resurfacing ta’ toroq fil-lokalitajiet. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra d-dettalji mitluba.
skola fi Triq il-Katidral f'Tas-Sliema — tneħħija ta' flower pots
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex iż-żewġ flower pots kbar li hemm fuq kull naħa tal-entratura ta' skola li tinsab fi Triq il-Katidral f'Tas-Sliema, baqgħu ma tneħħewx avolja ġew rapportati li fihom gieli jintefgħu xi siringi u għalhekk huma ta' periklu kbir għal kulħadd, speċjalment għat-tfal ta' din l-iskola? Meta mistennija jitneħħew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li, wara li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema rċieva lment dwar il-flower pots imsemmija, il-Kunsill Lokali ħa ħsieb jiżra’ siġar apposta tat-tip ‘glassola’ li, peress li huma aktar folti, jilqgħu milli jintefa’ aktar skart jew siringi fihom. Sussegwentement jirriżulta li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema ma reġax irċieva aktar ilmenti f’dan ir-rigward.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma s-segretarji eżekuttivi fil-pool ġdid ta' segretarjat eżekuttiv? F'liema dipartiment tal-gvern jinsabu? X'grad għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Organizzaturi kienu Sports Promotions Malta u l-kontribuzzjoni totali tal-Awtorità tat-Turiżmu għal din l-inizjattiva tal-World’s Strongest Man, li l-programm televiżiv dwaru xxandar kemm-il darba madwar id-dinja kollha, kienet ta’ ħmistax-il elf Ewro (Ewro 15,000).
Ara Korrezzjoni tal-mistoqsija parlamentari f'Papers Laid 4908 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta 236, nhar it-Tnejn 14 ta' Ġunju 2010.
Fid-dawl ta’ bosta lmenti li rċevejt dwar reconsideration li ngħatat ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali tas-sena 2008 (Frar 2008) lill-każ PA05057/04 f’ġieħ it-trasparenza, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tikkunsidrax li tirreferi l-każ lill-Awditur tal-Awtorità għall-Investigazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif żgur li jaf l-Onorevoli Interpellant, kull ċittadin inkluż l-Onorevoli Interpellant, li milli qed nifhem irċieva l-ilmenti fuq din id-deċiżjoni, jista’ jirreferi kull deċiżjoni tal-MEPA għall- konsiderazzjoni tal-Awditur.
Jista' l-Prim Ministru jgħid wara t-twaqqif tal-MEUSAC fejn inħolqot struttura biex tgħin lill-kunsilli lokali fil-mili tal-applikazzjonijiet għall-proġetti taħt il-programmi ta' fondi tal-Unjoni Ewropea u li bejn Diċembru 2008 u Frar 2010 il-Funding Unit tal-MEUSAC assista lill-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex fil-mili ta' 95 applikazzjoni taħt programmi varji li toffri l-Unjoni Ewropea, liema kienu l-kunsilli lokali li applikaw fil-mili ta' dawn l-applikazzjonijiet? Għal liema programmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju, il-MEUSAC assista fil-mili ta’ 120 applikazzjoni minn kunsilli lokali. Mhux possibbli li ngħatu dettalji dwar min kienu dawn il-kunsilli ħlief fejn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati u li jidhru f’tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Mhiex ħaġa sew u nistgħu nfixklu l-proċess ta’ selezzjoni ta’ proġetti jekk nagħtu dettalji ta’ applikazzjonijiet li għadhom pendenti.
Peress li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u martu, madwar għaxar snin ilu akkwistaw maisonette bi ġnien miegħu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u dan b'seħħ ta' kuntratt tal-15 ta' Novembru 2001 (in atti Not. C. Vella Zarb) mill-poter ta' terzi peress li hu indikat fil-pjan regolatur li l-għalqa de quo għandha tgħaddi triq minnha; peress li f'Novembru li għadda intervjeniet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u qabdet u naddfet kompletament il-ġnien mill-fjuri u siġar li safrattant laħqu ġew kultivati entro dawn id-disa' snin u anke inqered bir li kien jinsab hemmhekk; peress li t-triq li għandha tiġi proġettata tgħaddi direttament fuq bini skedat (il-Knisja ta' Apap Bologna) u minn fid-diżabitat; peress li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qabdet u fetħet passaġġ minn ġol-ħajt tas-sejjieħ fejn fl-ewwel ritratt hemm ċirku mmarkat fil-ħajt tas-sejjeħ, jista' l-Prim Ministru jgħid:
Għalfejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qerdet dan il-ġnien?
Fiex wasal il-proċess tal-mogħdija ta' din it-triq?
Għalfejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħolqot aċċess pubbliku minn fuq dan il-ġnien?
X'diffikultà jsib il-Gvern li l-konjugi jerġgħu jagħmlu ġnien u dan meta wieħed iqis li llum il-post sar maħmuġ u kollu ġrieden u ħmieġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità għandha bżonn site plan biex tindika b’mod inekwivoku l-lokalità li fuqha titratta l-mistoqsija parlamentari bir-referenza PQ 16349.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jsir il-bini tal-public convenience fi Ġnien Carmelo Mifsud Bonniċi (area ta' Pjazza Santa Margerita) Bormla, u dan peress li issa ilha li kienet imwiegħda u li l-permessi kollha ġew approvati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsijiet parlamentari numri 10835 u 14874 fejn ingħad li l-proċess ta’ bini tal-public convenience fi Ġnien Santa Margerita, huwa kompletament f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ Bormla.
L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu qed tgħin lill-Kunsill fil-finanzjament tal-proġett.
tħarbit fin-negozju minħabba l-żbroff tal-vulkan fl-Islanda
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iltaqax mal-istakeholders fil-qasam tat-turiżmu biex jiddiskuti magħhom it-tħarbit fin-negozju minħabba l-iżbroff tal-vulkan fl-Islanda? Jekk iva, min iltaqa' magħhom min-naħa tal-gvern u x'kien l-andament tal-laqgħa jew laqgħat? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għamilx kalkolu tat-telf min-negozju tat-turiżmu b'effett ta' dan? Jekk iva, kemm huwa stmat dan it-telf? Jekk le, se jagħmel dan il-kalkolu? Il-gvern se jagħti xi xorta ta' kumpens lil dan is-settur li qala' daqqa oħra fi żmien meta n-negozju kien diġà dgħajjef minħabba l-kriżi internazzjonali ekonomika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li matul il-kriżi, s-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, Ambjent u Kultura laqqa’ l-istakeholders prinċipali fosthom l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Linja Nazzjonali l-Air Malta, l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) u l-Federazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar (FATTA). Il-partijiet kollha żammew lil xulxin aġġornati bl-iżviluppi u nħarġu direttivi dwar kif turisti li ġew milquta mill-kriżi għandhom jiġu trattati.
Abbażi ta’ informazzjoni miġbura l-Awtoritajiet ħarġu stima ta’ kemm intilfu ljieli tat-turisti kif ukoll it-tnaqqis fl-infieq li seħħ b’riżultat ta’ dan. Skont din l-istima matul il-perjodu li kien hemm restrizzjonijiet fl-ispazju tal-ajru Ewropew, Malta tilfet madwar 90,000 lejl turistiku. L-infieq tat-turisti li tilfet Malta b’din il-kriżi kien stmat li jlaħħaq l-€10 miljun.
Din il-kriżi ġiet fiż-żmien meta l-industrija tat-turiżmu ta’ pajjiżna bdiet ħierġa mill-kriżi kawżata mir-riċessjoni ekonomika internazzjonali. Il-Gvern ħa numru ta’ miżuri biex jegħleb din il-kriżi, miżuri li qed jidher li qegħdin iħallu l-frott mixtieq. Il-Gvern qed iżomm ruħu aġġornat fuq is-sitwazzjoni u kif għamel fil-passat lest jieħu l-miżuri skont il-bżonn.
Dipartiment tal-Mużewijiet — Katakombi fi Triq tal-Barrani
Question
Peress li fil-bidu tas-snin disgħin waqt xogħlijiet li kienu qed isiru fit-Triq tal-Barrani kien instab katakombi, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport arkeoloġiku li kien sar mid-Dipartiment tal-Mużewijiet jew is-Superintendent għall-Wirt Kulturali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-rapport arkeoloġiku u xjentifiku tal-iskavi tal-katakombi Kristjan tal-Barrani għadu fi stadju ta’ kompilazjoni. Xogħol ta’ dan it-tip jieħu ħafna żmien sabiex jitlesta għal livelli akkademiċi mixtieqa, b’diversi elementi jirrikjedu ħafna riċerka li tieħu snin ta’ studji u kollaborazjoni ma’ esperti f’diversi oqsma. Bħalissa qed isir programm sħiħ ta’ xogħol post-skavi (post excavation), li jinkludi fost oħrajn il-preparazjoni ta’ fuħħar għal studju dettaljat, il-preparazjoni finali ta’ numru kbir ta’ pjanti, elevazjonijiet u illustrazjonijiet, analiżi ta’ DNA antika, analiżi ta’ datazjoni permezz ta’ Carbon Dating, ta’ stratigrafija u ta’ fuħħar u studju dettaljat osteoloġiku tal-għadam uman. Ftit minn dan ix-xogħol qed isir b’kollaborazjoni ma’ laboratorji speċjalizzati barranin, u ma’ diversi studjużi tal-arkeoloġija Kristjana.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16116 u jgħid x'passi ttieħdu s'issa mill-awtoritajiet tat-turiżmu sabiex ramliet kbar bħall-Għadira, Golden Bay, Marsalforn, Birżebbuġa u r-Ramla l-Ħamra jsiru totalment aċċessibbli billi jsiru passaġġi tal-injam li fuqu jista' jgħaddi siġġu tar-rotti mid-dħul tal-bajja sal-baħar u li jkunu jistgħu jintużaw mhux biss minn persuni b'diżabilità iżda ukoll ġenituri bit-trabi u anki anzjani? X'passi hemm maħsuba li jittieħdu matul din is-sena biex dawn ir-ramliet isiru aċċessibbli skont l-Access Design Guidelines (Diċembru 2006)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16116.
Jista' l-Prim Ministru jara li x-xogħol li għandu jsir f'San Pawl il-Baħar, minn ħdejn l-iskola primarja tal-gvern sa ħdejn il-Gillieru jinbeda kemm jista' jkun malajr?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proċess tat-tendering wasal fil-fażi konklussiva tiegħu. Għaldaqstant huwa maħsub li x-xogħol ikun jista’ jinbeda dalwaqt.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-bini ta' ċimiterji jew estenzjonijiet tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-Informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha pendenti quddiemha seba' applikazzjonijiet (7) għall-bini ta' ċimiterji jew estenzjonijiet tagħhom.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "
cemetery/ies
" u "ċimiterju/i".
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħtif dwar in-numru ta' talbiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-bini ta' krematorji? Fejn huma l-lokalitajiet fejn hemm tali talbiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-Informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha pendenti quddiemha applikazzjoni waħda (1) li tirrigwarda krematorji u l-lokalità tagħha hija fil-Kunsill ta' Raħal Ġdid.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "
crematorium/s
", u "krematorju/i".
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-kontirbuzzjoni tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta għall-avveniment tal-World Strongest Man li sar f'Malta f'Settembru/Ottubru 2009? Min kienu l-organizzaturi lokali involuti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Organizzaturi kienu Sports Promotions Malta u l-kontribuzzjoni totali tal-Awtorità tat-Turiżmu għal din l-inizjattiva tal-World’s Strongest Man, li l-programm televiżiv dwaru xxandar kemm-il darba madwar id-dinja kollha, kienet ta’ ħmistax-il elf Ewro (Ewro 15,000).
Ħaġar Qim u Imnajdra — ċelebrazzjoni għal ftuħ taċ-ċentru tal-vizitaturi u t-tined
Question
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li fis-7 ta' Gunju, 2010 se jkun hemm il-ftuħ taċ-ċentru tal-vizitaturi u t-tined ta' Ħagar Qim u ta' l-Imnajdra? X'ċelebrazzjonijiet se jsiru? Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jsiru in house jew inkella se jitqabbad xi ħadd minn barra Heritage Malta biex jieħu ħsiebhom? Jekk iva, min? F'kull każ x'se tkun l-ispiża minfuqa fuq dawn iċ-ċelebrazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Proġett ta’ Ħaġar Qim li jikkonsisti f’bini ta’ tined protettivi fuq it-tempji ta’ Ħaġar Qim u ta’ l-Imnajdra kif ukoll bini ta’ ċentru għall-viżitaturi tlesta. Grazzi għal dan il-proġett qed inħarsu t-tempji minn ħsara ambjentali u ser noffru esperjenza aħjar lill-eluf ta’ viżitaturi li jżuru dawn it-tempji. Dan il-proġett sar b’ko-finanzjament mill-Fondi Reġjonali tal-Unjoni Ewropea.
S’issa, id-data tal-ftuħ uffiċjali għadha mhiex stabbilità.
soluzzjoni għat-trab iswed f'diversi inħawi ta' Malta
Question
Jista' l-Prim Ministru jaġġorna lill-Parlament dwar il-ħidma li saret mit-tekniċi tal-gvern fl-aħħar xhur biex tiġi solvuta l-problema tat-trab iswed fiż-żoni tal-Fgura, Raħal Ġdid, Tarxien u l-madwar? X'soluzzjoni sabu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jaqra r-rapport li tqiegħed fuq il-mejda tal-kamra mill-Onorevoli Prim Ministru fil-25 ta’ Novembru 2009, u li qiegħed ukoll fuq is-sit elettroniku tal-MEPA http://www.mepa.org.mt/file.aspx?f=4212. Minn dak in-nhar sal-llum kompla jsir il-moniteraġġ kif rakkomandat.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema kmamar tan-nar li kienu liċenzjati fl-2005, qed jitolbu li jiġu rilokati jew estiżi fid-daqs tagħhom? Liema huma dawn il-kmamar tan-nar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m'għandhiex informazzjoni dwar liċenzji għall-kmamar tan-nar.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' applikazzjonijiet pendenti li jirrigwardaw rilokazzjoni jew estensjoni ta' kmamar tan-nar. Fl-istess lista hemm applikazzjonijiet għall-kmamar tan-nar ġodda, mmarkati bl-isfar, li avolja m'hemmx speċifikat fil-proposta li ser ikunu rilokati, mhux eskluż li dan jista’ jkun il-każ.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "kamra tan-nar", "kmamar tan-nar", "
fireworks
", "
pyrotechnic/s
", jew "pirotekniku".
Environmental Impact Assessments — noise pollution u emissions
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarx environmental impact assessment, inkluż għal noise pollution u emissions, fuq il-madwar tal-hangar eżistenti u dak li qed jinbena għal manutenzjoni tal-ajruplani, viċin Ħal Safi, Ħal Kirkop u anke l-Kulleġġ ta' San Benedittu? Jekk sar jista' jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx, xi kriterji intużaw biex ikun assigurat li l-familji, studenti u immigranti li jgħixu fil-madwar, ma tkunx effettwata negattivament is-saħħa mentali u fiżika tagħhom, il-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-valur tal-proprjetà taghhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità preżentament qed tqis il-merti ta’ dan il-każ.