Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħad-Dingli — ġibjun li mhux jintuża

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33024, jista' l-Ministru jgħid x'jinvolvu x-xogħlijiet? Kemm huwa stmat li jiswew? Kemm hija l-ħażna tal-ilma li jesa' l-ġibjun?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

każ tal-mercaptan

Question

Jista' l-Ministru jiċħad jew jikkonferma jekk fil-minuti tal-Bord tal-Korporazzjoni Enemalta qattx kien hemm xi referenza għal każ tal-mercaptan u jekk iva, jista' jgħarraf lill-Kamra dwar x’kienu jgħidu speċifikament u preferibbilment testwalment?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi sakemm il-każ kien msemmi fuq il-media, il-kwistjoni qatt ma ġiet għall-attenzjoni tal-istess Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni Enemalta.

Pożizzjoni ta' Malta fid-Diskussjonijiet dwar Politika Ewropea fil-qasam finanzjaru u bankarju

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-working papers jew dokumentazzjoni oħra li jispjegaw il-pożizzjoni li ħadet Malta fid-diskussjonijiet dwar politika Ewropea komuni fil-qasam finanzjarju u bankarju, dwar ir-riżervi kapital li se jkunu jridu jżommu l-banek kif ukoll materji konnessi ma' dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika — informazzjoni dwar il-ħaddiema

Question

Jista' l-Minsitru jgħid kemm hemm persuni fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li huma gradwati (first jew second degree jew aktar) unikament fl-istatistika? Jista’ jelenka l-gradi universitarji fl-istatistika li għandhom dawn il-persuni?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-NSO hemm 16-il persuna li huma gradwati fl-istatistika, kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Enterprise — impjieg

Question

Jista' l-Ministru jiddikjara kemm ġew impjegati nies fil-Malta Enterprise fil-gradi tal-ftehim kollettiv bejn l-2007 u 2012 u kemm minn dawn ma bdewx mill-minimu tal-grad skont il-ftehim kollettiv?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Malta Enterprise — ftehim kollettiv

Question

Jista' l-Ministru jiddikjara kemm hemm impjegati fil-Malta Enterprise li jaqgħu fil-ftehim kollettiv u kemm ma jaqgħux taħtu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi preżentament il-Malta Enterprise Corporation tħaddem 113 impjegat u minn dawn 51 jaqgħu taħt il-ftehim kollettiv. Dawn jeskludu dawk il-pożizzjonijiet li huma imħallsa minn assistenza teknika.

Malta Enterprise — promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm impjegati fil-Malta Enterprise ġew mogħtija promozzjoni bejn l-2007 u l-2012 permezz ta' vakanza jew ta' evalwazzjoni tal-grad jew ta' progressjoni oħra, u kemm minn dawn seħħu bejn November 2007 u Frar 2008?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Malta Enterprise — informazzjoni fuq soċjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) xi ftehim intlaħaq mas-soċjetà li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament bejn il-gvern u/jew l-Malta Enterprise sabiex joperaw ġewwa Malta; b) x'inhuma l-obbligazzjonijiet u kontribuzzjonijiet ta' din is-soċjetà; ċ) għal kemm żmien u x'inhuma l-prezzijiet tal-kirja minn fejn qed joperaw; d) kemm għandhom impjegati lokalment; u e) sar xi tip ta' assessment fuq l-impatt ta' din is-soċjetà fuq in-negozji li joperaw u li ilhom joperaw lokalment?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proġett propost mis-soċjetà riferita mill-Onor. Interpellant ġie approvat mill-Bord tal-Malta Enterprise fil-11 ta’ Jannar 2011 u ingħata spazju ġewwa l-Business Incubation Centre ta’ Kordin għal 3 snin. Il-‘Letter of Intent’, għal dan il-proġett inħarġet fi Frar tal-2011. Ninsab infurmat ukoll illi fost affarijiet oħrajn, il-kumpanija hija marbuta li tuża l-ispazju allokat għall-manutenzjoni ta’ elettroniċi tal-baħar ta’ bastimenti kummerċjali kif ukoll li timpjega 4 persuni fi żmien 3 snin. Skont l-aħħar records tal-ETC, il-kumpanija kienet qed timpjega 5 persuni f’Marzu 2012. Ir-rata tal-kera applikabbli hija ta’ €70 għal kull metru kwadru. Peress li l-kumpanija hija ta’ daqs mikro, ma sar l-ebda assessment fuq l-impatti ta’ din is-soċjetà.

Airmalta — kiri ta' uffiċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se tħallas kera l-Airmalta għal ħames snin li se tkun qiegħda tikri uffiċini mingħand Skyparks? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim tal-kera bejn l-Airmalta u Skyparks?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta ma tistgħax tingħata għaliex hija ta’ natura kumerċjalment sensittiva.

Mosta — ħwienet tal-logħob

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga permezz tal-awtorità kompetenti kif kien possibli li fil-Mosta f'ċentru tal-istess komunità propju fil-limiti tal-pjazza qed isiru l-preparamenti sabiex f'żewġ siti se jkun qed joperaw ħwienet tal-logħob? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kundizzjonijiet li kienu ġew ippubblikati fil-liġi li jiddeterminaw fejn jistgħu jiġu miftuħa u mgħotija liċenzji l-ħwienet tal-logħob?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħti aktar dettalji dwar iż-żewġ siti li qed jirreferi għalihom fill-Mosta. Hemm applikazjoni pendenti mal- Awtorita' dwar il-Lotteriji u l-Loghob ghal post fit-Triq il-Kbira, (li huwa maghruf bhala 'Tal-Euro Family') li bhal kull applikazzjoni mal- Awtorita' dwar il-Lotteriji u l-Loghob, tali applikazzjoni kienet suggetta ghal-perjodu ta' notifikazzjoni lil-Pubbliku skond id-direttivi mahruga mil- Awtorita' dwar il-Lotteriji u l-Loghob. Dan il-perjodu skada fil-29 ta' Marzu 2012, fejn l-ebda persuna jew organizzazjoni ma' ghamlet ebda oggezzjoni. Ninsab infurmat fil-Mosta, l-Awtorita' dwar il-Lotteriji u l-Loghob harget licenzja wahda dik lil-'BestPlay' Pjazza 16 ta’ Settembru, Mosta. L- Awtorita' harget ukoll 'No Objection Certificate' ghal-zewg postijiet ohra, 16/18, Eucharistic Congress Road, u 86B Eucharistic Congress Road, li jippermetti lis-sidien ta' dawn iz-zewgt positijiet biex japplikaw mal-MEPA ghall-planning permit/change of use. Jekk il-Mepa tohrog il-permess, ikunu jistghu japplikaw formalment mal- Awtorita' dwar il-Lotteriji u l-Loghob ghal-licenzja. Ta' min nghid li l-hrug ta' permess mill-MEPA ma jfissirx hrug awtomatiku ta' Licenzja ghal hanut tal-loghob mill- Awtorita' dwar il-Lotteriji u l-Loghob. Rigward it-tieni part ital-mistoqsija, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti li jelenkaw il-kundizzjonijiet dwar l-għoti ta’ liċenzja lill-ħwienet tal-logħob.

Air Malta — kiri ta' uffiċċju

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34102, jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-Air Malta hiex se tikri uffiċċju jew uffiċini mingħand l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta fil-bini l-ġdid magħruf bħala SkyPark? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li r-risposta li ta' lill-Parlament hija dik li ma jistax jagħtina r-risposta għax hija ta' natura kummerċjalment sensittiva meta tlabt sabiex jgħid kemm se tiswa din il-kirja u sabiex jitqiegħed il-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra meta qed nitkellmu dwar l-interessi ta' kumpanija li hija kumpanija nazzjonali u mhux kumpanija privata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta ma tistgħax tingħata għaliex hija ta’ natura kumerċjalment sensittiva.

Arms Ltd — kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha kontijiet pendenti l-Arms Ltd mis-sena 2008 sal-lum, kemm dawk residenzjali kif ukoll dawk kummerċjali?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi mis-sena 2008 sal-aħħar ta’ Frar 2012 ta’ kontijiet pendenti li l-ARMS Ltd. għandha huwa kif gej: · Min total ta’ 222,589 account residenżjali li ilhom reġistrati għal aktar minn sena hemm 4,178 account pendeni. · Min total ta’ 43,773 account kummerċjali li ilhom reġistrati għal aktar min sena, 2,661 account għadhom pendenti.

Sospenzjoni tal-provvista tad-dawl u l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm bejn il-bidu ta’ Mejju 2011 u l-aħħar ta’ Awwissu 2011 kienu dawk li kellhom kontijiet domestiċi li rċevew notifika uffiċjali min-naħa tal-Arms Ltd li kienu se jissospendulhom il-provvista tad-dawl u l-ilma tagħhom jekk ma jħallsux l-ammont mitlub fi żmien għaxart ijiem?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-ewwel ta’ Mejju 2011 sal-31 t’Awwissu, 2011 ġew mibgħuta 18,032 notifika ta’ għaxart ijiem fuq kontijiet pendenti b’rata domestika u kummerċjali. Dawn kienu maqsuma hekk: Domestiċi – 5,951 Kummerċjali – 12,081

xogħol li kien dieħel f'Malta u ġie miżmum mid-dwana

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu każijiet ta' xogħol li kien dieħel f'Malta u għal xi raġuni jew oħra nżamm mid-dwana ta' Malta milli jidħol fil-pajjiż tul dawn l-aħħar 20 sena, sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi biex wieħed jasal għal konklużjoni ta’ kemm inqabdu każijiet ta’ xogħol dieħel f’Malta f’dan l-aħħar għoxrin sena, wieħed irid jikkunsulta ma’ numru volumuż ta’ files sabiex jikkonferma jekk ix-xogħol baqgħax miżmum jew rilaxxjat lil sidu. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant bies jekk qed jirreferi għal xi każ speċifiku, jindikalna liema hu u b’hekk l-uffiċjali tad-Dwana jirreferu għaliha.

uffiċjali pubbliċi li d-dwana żammewlhom xi xogħol milli jidħol f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm uffiċjali pubbliċi bħala propjetarji - jew li għandhom parti minn xi kumpanija - li minħabba xi raguni d-dwana ta' Malta żammewlhom ix-xogħol tagħhom milli jidħol f'Malta matul dawn l-aħħar 20 sena? Jekk iva, x'kien il-każ u kif ġie solvut?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dwana ta’ Malta meta żżomm xi xogħol milli jidħol f’Malta ma titlobx dettalji dwar jekk dak li jkun huwiex uffiċjal pubbliku jew le, għax il-liġi hija l-istess għal kulħadd.

Dwana — Xogħol miżmum milli jidħol f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'każijiet kien hemm fejn kien dieħel xi xogħol f'Malta min-naħa tad-dwana fl-aħħar 20 sena u nżamm milli jidħol fil-pajjiż? X'kien il-prodott li kien se jigi importat f'Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29281.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — karozzi mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi mikrija li għandu l-Ministeru, dipartimenti, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu llum? Kemm hija l-ispiża globali f'ċifra ta' flus li titħallas kull xahar għal dawn il-vetturi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nefqa globali fuq mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-mobile phones (kemm xiri kif ukoll it-telefonati) għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settembru 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

mains tal-ilma li nbidlu

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien it-tul ta' mains tal-ilma li nbidlu matul l-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena? F'liema lokalitajiet tas-7, il-11 u t-12-il Distrett Elettorari saru bidliet minn dawn il-mains?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tul ta’ mains tal-ilma li nbidlu matul l-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena jammontaw għal total ta’ 33.8Km, li 10.5Km minnhom inbidlu fis-7, 11 u 12 –il distrett kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

NSO — metoloġija fuq labour supply

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li għadha qed tintuża l-istess metodoloġija bħal qabel mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u fl-economic survery dwar stimi ta' gainfully employed u nies jirreġistraw għax-xogħol li flimkien jammontaw għal-labour supply? Jista' jiċċara jekk il-gainfully employed għadhomx jinkludu biss dawk li għandhom impjieg full-time?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jippublika news release fuq il-gainfully occupied kull xahar minn informazzjoni amministrattiva meħuda mill-ETC. F’din ir-release l-informazzjoni referuta bħala gainfully occupied tirreferi għal min jaħdem full-time u din tinsab fl-ewwel żewġ tabelli. Fl-istess release hemm informazzjoni relatata ma’ l-impjiegi part-time u din tinsab fit-tabelli 3 u 4. Rigward il-labour supply, din hi magħmula minn dawk li jaħdmu full-time u minn dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol taħt l-Ewwel Parti u t-Tieni Parti. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni li tidher f’paġna 44 tal-Economic Survey fejn hemm referenza għal gainfully occupied population. Din tirreferi għal dawk li jaħdmu full-time filwaqt li l-labour supply tirreferi għal dawk li jaħdmu full-time u għal dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol. Matul l-aħħar snin, l-NSO ma ġiex infurmat b’xi tibdil jew aġġornament li seta’ sar mill-ETC fil-metodoloġija li seta affettwa l-figuri maħruġa f’din ir-release.