Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija tal-ALE — investigazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn joħroġ id-dritt u l-poter tal-Pulizija (Administrative Law Enforcement) li arbitrarjament iwwaqaf bdiewa li jkun għaddejjin għal affari tagħhom riekba xi karru miġbud minn mutur tal-ħart u jfittxulhom fl-ixkejjer jew kaxxi tal-kartun għal għasafar? Jista' jara li dawn it-tip ta' abbużi jieqfu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet Parlamentari preċedenti. Però inħeġġeġ lill-Onorevoli Membru biex jekk jaf b'xi ħadd li ħassu aggravat bl-aġir tal-Pulizija, iressaq l-ilment tiegħu quddiem l-awtoritajiet kompetenti.
Leg 11 PQ #20501 Sitting 267 2010-10-26 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ħabs ta' Kordin — priġunieri li jaħdmu barra l-ħabs

Question

Peress li fl-imgħoddi kien hemm programm li bih priġunieri fil-ħabs ta’ Kordin kienu jkunu jistgħu taħt kondizzjonijiet adegwati ta’ sorvelja, joħorġu biex jagħmlu xogħol barra l-ħabs, u dan bħala parti minn proċess ta’ riabilitazzjoni u peress li dan il-programm għalkemm kien ta’ siwi kbir kien twaqqaf għax min jgħid minħabba abbużi li saru u min jgħid li għax ma kienx hemm riżorsi biex tinżamm sorvelja serja, jista’ l-Ministru jara x’jista’ jsir biex dan il-programm jerġa’ jinbeda malajr kemm jista’ jkun, u jgħid x’jista’ jsir u x’se jsir f’dan ir-rigward?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-programm li qed jirreferi għalih qiegħed jiġi kkunsidrat fil-qafas tal-Abbozz ta' Liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.

Kwartieri tal-Pulizija — għasses - Air Conditions units

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija huma attrezzati bl-air condition units filwaqt li l-għasses ma għandhomx?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi huwa l-ħsieb tal-Korp tal-Pulizija illi jattrezza l-Għasses kollha b'tagħmir ta' arja kondizzjonata. Dan il-proċess mistenni li jsir gradwalment.

Skwadri speċjali tal-Pulizija — special allowances

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-iskwadri speċjalizzati tal-Pulizija huma intitolati għal special allowance filwaqt li tad-distretti m'għandhomx?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sabiex membru tal-Korp jikwalifika għal special duty allowance irid ikun assenjat xogħol speċjaliżżat.
Leg 11 PQ #141 Sitting 266 2010-10-25 Written · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qrati ta' Malta u Għawdex — Ordnijiet ta' Protezzjoni

Question

Jista' l-Minisitru jgħid kemm inħarġu ordnijiet ta' protezzjoni mill-Qrati ta' Malta u f'Għawdex separatament f'din l-aħħar sena kull xahar separatament, kif ukoll kemm ingħataw ordnijiet ta' trattament fil-każijiet ta' vjolenza domestika fl-istess żmien?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi f'din l-aħħar sena in-numru ta' ordnijiet ta’ protezzjoni skont l-artikolu 412C (Kap 9) u ordnijiet tal-trattament skont l-artikolu 412D (Kap 9) li ngħataw mill-Qorti tal-Maġistrati (Malta) bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali fil-kawżi kriminali tal-familja u mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) huwa kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt:-

żgħażagħ li m'għandhomx 18 il-sena li jiffrekwentaw bars

Question

Jista' l-Ministru jagħti linji gwida lill-persuni li għandhom bars li jiġu frekwentati minn żgħażagħ li m'għandhomx 18 il-sena, għax iż-żgħażagħ li jiffrekwentaw dawn il-bars anke mingħajr ma jixorbu alkoħol, xorta jkunu qed jiksru il-ligi, anke jekk ma jkunu qed jagħmlu xejn ħażin? Jista' jgħid jekk din l-attività hijiex marbuta ma' xi ħinijiet ukoll, per eżempju li żgħażagħ taħt 18 il-sena jistgħu jifrekwentaw bars sal-11.00 pm, imma wara mhux permessibbli?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi persuna li tidħol ġewwa bar ta' liema eta' tkun, ma tkun qed tikser l-ebda liġi. Il-ligi tipprojbixxi li jkun servut xorb alkoħoliku lill-persuni taħt is-sbatax-il sena. Huwa d-dħul ta’ persuni taħt l-età ta’ sbatax-il sena f’postijiet ta’ divertiment, skont kif deskritt fir-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f’lokalitajiet ta’ divertiment, li huwa pprojbit bl-istess regolamenti. Sabiex persuni taħt is-sbatax-il sena jkunu jistgħu jitħallew jidħlu ġo postijiet ta' divertiment, il-proprjetarju tal-post irid japplika mal-Awtorità tat-Turiżmu li ser jorganizza attivita' għall-persuni ta' taħt is-sbatax-il sena. F'dik l-attività l-ebda xorb alkoħliku m'għandu jitħalla jidher, jinbiegħ, ikkunsmat jew servut. Ma hemm l-ebda liġi li tirregola sa x'ħin żgħażagħ ta' liema età jkunu jistgħu jifrekwentaw bar.
Leg 11 PQ #19983 Sitting 266 2010-10-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Għawdex — Tribunal għat-Talbiet iż-żgħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) Kemm saru seduti quddiem it-Tribunal għat-Talbiet Żgħar f'Għawdex fis-snin 2008, 2009 u sa Settembru ta' din is-sena 2010; b) kemm daħlu kawżi quddiem l-istess tribunal fl-2008, 2009 u sa Settembru 2010; ċ) kemm kawżi ġew deċiżi fl-2008, 2009 u sa Settembru 2010; d) kemm hemm kawżi fil-preżent pendenti quddiem l-istess tribunal; e) kull ġimgħa kemm isiru seduti quddiem l-istess tribunal u kemm ikun fiha l-lista ta' kull seduta; f) x'inhi r-raġuni li l-lista tal-kawżi quddiem l-istess tribunal u l-verbali u s-sentenzi ma jkunux online; u g) x'inhi r-rimunerazzjoni li daħħal iċ-chairman tal-istess tribunal fis-sena 2008, 2009 u sa settembru 2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif tidher fit-tabella t'hawn taħt:- Ninsab infurmat illi kull ġimgħa s-seduti jsiru bejn it-Tlieta u l-Ġimgħa u li n-numru ta' kawżi fuq il-lista jvarja. Infurmat ukoll li l-listi ta' kawżi, verbali u sentenzi kollha jkunu online. Pero' nixtieq inżid ngħid li l-verbali ma jkunux jidhru mill-ewwel peress li meta jiġu ttajpjati, dawn iridu jiġu mmarkati fis-sistema tal-Qorti u allura jkunu jidhru online xi ftit ġranet wara. Għandu jingħad ukoll li t-tribunal f'Għawdex mhux presedut minn persuna waħda u kien hemm żewġ Chaimen oħra u dawn bejnietom daħlu s-segwenti:-
Leg 11 PQ #20282 Sitting 266 2010-10-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Għawdex — Red Cross

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Red Cross ta' Għawdex ħa żżarma u fil-fatt neħħewlha anke r-rappreżentanza minn National Board tar-Red Cross? Kif ġie magħżul is-Segretarju Ġenerali tar-Red Cross f'Malta u x'kwalifiki għandu? Bħala NGO kemm tieħu l-Red Cross ta' Malta mill-Vot tas-CPD u kemm tieħu l-fergħa ta' Għawdex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li, kemm il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma rċevewx informazzjoni uffiċjali li s-sessjoni tas-Soċjeta' tas-Salib l-Aħmar (Red Cross) f'Għawdex ser iżżarma. Rigward it-tieni domanda ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-Soċjeta' tas-Salib l-Aħmar hija organizzazzjoni internazzjonali u awtonoma mill-Gvern, skont il-Konvenzjoni ta' Ġinevra u għalhekk il-Ministeru ma jidħolx fl-għażla tas-Segretarju Ġenerali tas-Soċjeta'. Infurmat ukoll illi din is-Soċjeta' tieħu €14,000 fis-sena bħala kontribuzzjoni mill-Vot tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Leg 11 PQ #20354 Sitting 266 2010-10-25 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

kawżi ta' separazzjoni taż-żwieġ pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi ta' separazzjoni taż-żwieġ pendenti fil-Qorti? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn ilhom aktar minn tliet snin biex jinqatgħu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20271. Ninsab infurmat illi hemm 297 kawżi ta' separazzjoni taż-żwieġ li ilhom pendenti għal aktar minn 3 snin.
Leg 11 PQ #20389 Sitting 266 2010-10-25 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ronda tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex ir-ronda tal-pulizija li ssir fil-Birgu sal-Casino di Venezia tiġi estiża ukoll biex tkopri Triq il-Foss fil-Birgu u t-toroq l-oħra tal-madwar illi huma mwarbin u suġġetti għal diversi abbużi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel ronda regolarment kemm fil-lokalita' msemmija mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll fit-toroq l-oħra.
Leg 11 PQ #20391 Sitting 266 2010-10-25 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — promozzjonijiet għal grad ta' maġġur

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-eżerċizzju ta' promozzjonijiet għal grad ta' maġġur fil-Korp tal-Pulizija li issa jidher li ilu wieqaf għal diversi xhur? Jista' jgħid f'liema data se joħorġu tali promozzjonijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-eżerċizzju ta' promozzjoni għal grad ta' Maġġur fil-Korp tal-Pulizija għadu għaddej.
Leg 11 PQ #20393 Sitting 266 2010-10-25 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — gradi ta' spettur

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-eżerċizzju tal-promozzjonijiet għall-grad ta' Spettur fil-Korp tal-Pulizija li issa jidher li ilu wieqaf għal diversi xhur? Jista' jgħid f'liema data se joħorġu tali promozzjonijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-eżerċizzju ta' promozzjoni għall-gradi ta' Spettur fil-Korp tal-Pulizija għadu għaddej.
Leg 11 PQ #20448 Sitting 266 2010-10-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

informazzjoni dwar persuna konċernata

Question

B’referenza għall-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jista’ l-Ministru jgħid: a. Minn meta ġie allokat fixed point mar-residenza ta’ din il-persuna; b. Għal-liema raġuni u fuq rakkmandazzjoni ta’ min ittieħdet din id-deċiżjoni; ċ. Kemm sewa s’issa dan il-fixed point; u d. Hija policy li l-fixed point jinżamm ukoll meta l-persuna tkun imsiefra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li mhix il-prassi li tingħata informazzjoni dwar miżuri ta' sigurtà li jittieħdu mill-awtoritajiet, meta u fejn ikun hemm il-ħtieġa.
Leg 11 PQ #20473 Sitting 266 2010-10-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ħal Far Fire Training Grounds

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11541, jista' l-Ministru jgħid: a) jekk l-ftehim iffirmat fis-7 ta' April 2000 kienx legali; b) x'kienet ir-raġuni għaliex id-Direttur tal-Artijiet ma deherx fuq dan il-kuntratt; ċ) kemm qed titħallas kera u jekk din hux qed issir skont il-ftehim iffirmat fis-7 ta' April 2000; u d) jekk il-gvern hux lest li jikkonsidra talbiet biex l-art fil-viċin ta' dik koperta bil-kuntratt imsemmi tiġi użata minn kumpaniji oħra li jagħmlu l-istess xogħol ta' dik il-kumpanija li magħha sar il-kuntratt imsemmi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diga nfurmajt lill-Onorevoli Interpellant fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11541, dan il-kuntratt sar quddiem in-Nutar tal-Gvern, dak iż-żmien in-Nutar Franco Pellegrini u allura skont il-ligi. Il-kuntratt jipprovdi għall-ħlas ta’ €16,305 (Lm7000) fis-sena għall-użu tal-art u l-faċilitajiet u ammont ieħor kalkolat bħala persentaġġ fuq kull parteċipant fi training courses li jsiru mill-kumpanija. Infurmat ukoll li l-ħlas dovut sal-2009 ġie mħallas lill-Gvern. Ninsab infurmat li l-Gvern diġa' kellu talba oħra minn kumpanija differenti, liema ġiet milqugħa u huwa lest li jikkonsidra talbiet biex l-art viċin ta’ dik koperta bil-kuntratt imsemmi tiġi wżata minn kumpaniji oħra li jagħmlu l-istess xogħol ta’ dik il-kumpanija li magħha sar il-kuntratt imsemmi.
Leg 11 PQ #20229 Sitting 265 2010-10-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

żvilupp ta' bini — tiswija fuq il-bankini

Question

Billi numru ta' persuni li jagħmlu żvilupp ta' bini ma jagħtux kas li jirranġaw il-ħsarat li wettqu fuq il-bankini quddiem il-proprjetà li tkun qed tiġi żviluppata, jista' l-Ministru jara li b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, l-pulizija tieħu l-passi kontra min jibqa' jinjora t-talbiet kollha li jsiru?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tieħu l-passi meħtieġa skont il-liġi kull meta jkollha rapport li xi ħadd għamel xi xogħol mingħajr permess jew għamel xi ħsara volontarja fuq proprjetà pubblika
Leg 11 PQ #20230 Sitting 265 2010-10-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ħ'Attard — bokka ta' ġiebja miftuħa

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 19981, li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Transport u Komunikazzjoni, jista' l-Ministru jara li l-pulizija tieħu l-passi neċessarja biex il-periklu indikat jitneħħa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex dan il-periklu jitneħħa.
Leg 11 PQ #19899 Sitting 264 2010-10-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

surġenti vakanti fil-Korp tal-Pulizija t'Għawdex

Question

Peress li wara li saru tibdiliet fix-shiftijiet fil-korp tal-pulizija f'Għawdex allura nħolqu vakanzi għal surġenti, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex maħsub li jiġu trasferiti surġenti lejn Għawdex biex appuntu jimlew dan il-vojt?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bħalissa m'hemmx postijiet ta' Surġenti vakanti fid-distrett t'Għawdex.
Leg 11 PQ #20188 Sitting 264 2010-10-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — flus globali għal hospitality

Question

Jista' l-Ministru jinformani kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus globali għal hospitality mill-Uffiċċju tal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministru għall-ewwel disa' xhur tas-sena 2010 rispettivament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-nefqa globali għal hospitality mill-uffiċċju ta' dan il-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu għall-ewwel 9 xhur tal-2010 kienet ta' €40,668,58.
Leg 11 PQ #20209 Sitting 264 2010-10-19 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

studenti tal-liġi — dħul il-qorti

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-istudenti tal-liġi li jkunu qed jagħmlu prattika ma' avukati fil-qorti jkunu jistgħu jidħlu fil-qorti mill-entratura li tagħti direttament għar-reġistru tal-qorti una volta jkunu akkumpanjati mill-avukati li magħhom jagħmlu l-prattika?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru illi l-bieb li jagħti direttament għar-reġistru tal-Qorti qiegħed hemm biss għall-użu ta’ l-avukati u l-prokuraturi legali u xi membri ta’ l-Amministrazzjoni tal-Qorti. Għal finijiet ta’ sigurtà, iżjed ma tħalli aċċess għal kategoriji oħra, aktar qed iżżid ir-riskju għall-istess sigurtà.

ALE — Invażjoni ta' art privata

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari 19694, jista' l-Ministru jispeċifika liema hu l-artikolu tal-Kodiċi Kriminali li jikkonferixxi tali poter lill-uffiċjali tal-Administrative Law Enforcement sabiex arbitrarjament jinvadu art privata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant kemm għat-tagħrif li tajt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19694, kif ukoll għat-Taqsima 1 tat-tieni Ktieb tal-Kodiċi Kriminali li jittratta fuq is-setgħat u d-dmirijiet tal-pulizija esekuttiva fil-proċedimenti kriminali.