Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #10261 Sitting 230 2019-06-03 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għat-Turiżmu

Ġnien Laparelli — lift

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10227 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid meta se jerġa’ jibda jaħdem il-lift li hemm fi Ġnien Laparelli taħt Bieb il-Belt?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninsab infurmat li l-lift ser jerġa’ jibda jitħaddem fi ftit tal-ġranet oħra wara li titlesta t-tiswija fuq is-sistema elettronika tal-lift u jerġa’ jiġi ċċertifikat tajjeb għal użu tal-pubbliku.
Leg 13 PQ #10290 Sitting 230 2019-06-03 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ġnien Dom Mintoff — xogħlijiet u nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol finalment sar fuq Ġnien Dom Mintoff ġewwa Raħal Ġdid? Jista' jindika kemm effettivament ġie minfuq fuq il-proġett kollu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn huma x-xogħlijiet kollha li saru fi Ġnien Duminku Mintoff: · Saru ’l fuq 2000 sqm ta’ passaġġi skont id-disinn il-ġdid b’ sub-base li jinkludi fih is-servizzi kollha neċessarji ta’ dawl u ilma. · Inbnew żewġ ġibjuni li flimkien jammontaw għal aktar minn 500 metru kubu ta’ ilma, bil-għan li jinġabar l-ilma tax-xita li jinġema’ fil-wied. · Ġiet mibnija ukoll pump room bil-għan li l-ilma li jinġabar fil-ġibjuni jerġa’ jintuża għat-tisqija tal-pjanti u siġar, u anke biex jitħaddmu ż-żewġ water features li saru. · Saru żewġ water features - waħda naturali li timtela’ mill-ġibjun u l-oħra magħmula apposta għad-divertiment tat-tfal li tuża ilma mill-provvista diretta tal-gvern biex ikun sigur għat-tfal; · Sar ammont konsiderevoli ta’ xogħol ta’ tisbiħ u landscaping. · Inżabru s-siġar kollha tal-ġnien, tpoġġiet ħamrija ġdida, kif ukoll 75 siġra u 23,000 pjanti u fjuri. · Ġiet installata ukoll sistema totalment ġdida ta’ irrigazzjoni b’tul ta’ aktar minn 4km, liema sistema tissupplixxi l-ilma għal pjanti u s-siġar skont il-bżonn tal-istaġun. · Twaħħlu total ta’ 53 bank ġdid. · Saru 3 bike racks ġodda. · Ġew installati 6 kontenituri tar-reċiklaġġ u 3 bins għal ħmieġ tal-klieb. · Saret bankina ġdida mad-dawra tal-ġnien twila kważi 400 metru. · Twaħħlu 14-il CCTV Camera li huma wireless u mgħammra apposta sabiex jissorveljaw iż-żona anke fid-dlam. · Il-ġnien ġie mgħammar b’dawl adekwat li jinkludi 60 bollard tad-dawl baxxi, 16-il pole tad-dawl għoljin u 11 uplighters tas-siġar. Dan l-investiment sewa miljun ewro.
Leg 13 PQ #10194 Sitting 229 2019-05-29 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Safar — Dubai

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9513 u 9712 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9237 li fiha l-Ministru għat-Turiżmu ammetta li żar Dubai fil-leġiżlatura li għaddiet, jista’ l-Ministru jgħid meta żar Dubai, bid-dati preċiżi taż-żjarat, għal liema raġuni mar, kemm dam, jekk kienx akkumpanjat minn uffiċjali u f’dak il-każ minn min kien akkumpanjat jew jekk kienx hu li akkumpanja lil ħaddieħor, u f’dak il-każ lil min akkumpanja? Jista’ jgħid ukoll kemm ġiet tiswa ż-żjara tiegħu, maqsuma fi spejjeż li jirriflettu l-ispejjeż tal-vjaġġ, tal-lukanda, tal-ikel u spejjeż oħra?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li żort Dubai tlett darbiet fuq xogħol tal-Gvern f’Awwissu 2015, fi Frar 2016 u f’Novembru 2016.
Leg 13 PQ #10130 Sitting 228 2019-05-28 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Wied il-Għajn — Prijoritajiet /Inizjattivi ġodda

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9989, jista’ l-Ministru issa jindika l-inizjattivi ġodda li se jsiru f’Wied il-Għajn billi din hija żona turistika? Meta se jibdew jitwettqu dawn l-inizjattivi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9989, ċjoè li inizjattivi ġodda se jitħabbru fiż-żmien li ġej.
Leg 13 PQ #10046 Sitting 227 2019-05-13 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Letter of engagement — fattura

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim u/jew tal-ittra ta' ingaġġ (letter of engagement) li l-Gvern ta' Malta għandu mad-ditta Ingliżi li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, kif ukoll kopja ta' kwalunkwe fattura u/jew talba għal ħlas maħruġa mill-istess ditta Ingliża u mibgħuta lill-Gvern ta' Malta għas-servizzi mogħtija lilu mill-istess imsemmija ditta Ingliża b'rabta ma' art pubblika li tinsab fil-Bajja ta' San Ġorġ f'San Ġiljan?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument huwa wieħed kummerċjalment sensittiv u ta’ natura kunfidenzjali.
Leg 13 PQ #9981 Sitting 224 2019-05-06 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

Boutique Hotels

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn boutique hotels f'Malta, lokalità b'lokalità?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kategorija ta’ Boutique Hotels ma teżistix fil-liġi preżenti. Bħalissa qed tiġi mfassla emendi fil-liġi biex jiġu ntrodotti kategoriji ġodda fosthom il-Boutique Hotels, B&B Residence, Albergho Diffuso u Serviced Apartments.
Leg 13 PQ #9989 Sitting 224 2019-05-06 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Wied il-Għajn – prijoritajiet biex tiġi stimulata l-ekonomija

Question

Jista’ l-Ministru jindika xi prijoritajiet wettaq u qed iwettaq il-Ministeru tiegħu f’Wied il-Għajn sabiex tiġi stimulata l-ekonomija f’din il-lokalità peress li din hija żona turistika?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi wettqet diversi xogħlijiet f’Wied il-Għajn fosthom: · titjib fil-bankijiet li hemm fuq il- promenade li twassal għal Bajja ta’ San Tumas; · manutenzjoni taż-żona tal-Fajtata f’termini ta’ tikħil, żebgħa, żbir ta’ siġar u ħaxix, irranġar ta’ puġġamani; · installazzjoni ta’ bankijiet ġodda fiż-żona tal-iskola. Min-naħa tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed isostnu lill-kunsill lokali f’numru ta’ inizjattivi żgħar, u qed jaraw kif flimkien mal-FTZD tiġi mtejba l-bajja tal-Fajtata. Inizjattivi ġodda ser jitħabbru fiż-żmien li ġej.
Leg 13 PQ #9862 Sitting 221 2019-04-15 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Bajja tal-Balluta — rapport Proposed Beach Replenishment Project

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport intitolat "Proposed Beach Replenishment Project – Balluta Bay" dwar il-Bajja tal-Balluta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8955.
Leg 13 PQ #9863 Sitting 221 2019-04-15 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Bajja tal-Balluta — rapport Beach Profiles, Sections and Bathymetric Soundings

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport intitolat "Beach Profiles, Sections and Bathymetric Soundings" dwar il-Bajja tal-Balluta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8955.
Leg 13 PQ #9859 Sitting 220 2019-04-11 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Bajja tal-Balluta — rapport Balluta Bay Beach replenishment

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport intitolat "Balluta Bay Beach Replenishment" dwar il-Bajja tal-Balluta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8955.
Leg 13 PQ #9860 Sitting 220 2019-04-11 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Bajja tal-Balluta — rapport Marine Benthic Survey

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport intitolat "Marine Benthic Survey" dwar il-Bajja tal-Balluta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8955.
Leg 13 PQ #9861 Sitting 220 2019-04-11 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Bajja tal-Balluta — rapport Balluta Bay Beach Re-nourishment

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport intitolat "Balluta Bay Beach Re-nourishment – Pilot Experimental Project" dwar il-Bajja tal-Balluta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8955.
Leg 13 PQ #9904 Sitting 220 2019-04-11 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ħal Farruġ – Triq Ħal Farruġ- tankijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'ser ikun l-użu ta' żewġ tankijiet kbar li ġew installati fil-perimetru tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta li jidhru hekk kif tgħaddi minn Triq Ħal Farruġ, Ħal Farruġ? X'tip ta' materjal / likwidu ser ikun maħżun f'dawn it-tankijiet? Saru l-assessments neċessarji biex ikun assigurat li tali ħażna ma tkunx ta' periklu kemm għal kull min jgħaddi minn din it-triq, kif ukoll għar-residenti tal-viċinanzi, b'mod speċjali dawk ta' Ħal Farruġ, għall-ħaddiema tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta u għal dawk kollha li jużaw l-ajruport internazzjonali ta' Malta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 13 PQ #9838 Sitting 219 2019-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex – Eko-kontribuzzjonijiet — Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8934 u jgħid xi proġetti infrastrutturali saru ġewwa Għawdex s’issa u kemm intnefqu flus, mill-Eko-kontribuzzjoni li jħallas kull turist li jżur pajjiżna u xi proġetti hemm ippjanati li jsiru matul is-sena 2019 u x'inhi l-ispiża ta’ dawn il-proġetti infrastrutturali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jidher biċ-ċar l-impenn kontinwu tal-Gvern biex itejjeb il-prodott turistiku ġewwa Għawdex. Fil-fatt il-Ministeru għat-Turiżmu wettaq diversi xogħlijiet ġewwa l-gżira Għawdxija kemm permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Projects Malta u l-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu investiet bis-saħħa fil-prodott u l-immaniġjar tal-bajjiet ġewwa Għawdex bil-għan li jitjiebu l-faċilitajiet u s-servizzi fid-diversi żoni turistiċi. Bejn l-2017 u l-2018 l-MTA nefqet kważi €650,000 f’Għawdex. Bis-saħħa ta’ dan l-investiment, fl-2017 il-bajjiet ta’ Marsalforn u Ħondoq ir-Rummien rebħu l-istatus ta’ Blue Flag , u kien ukoll possibbli li jiġġedded il- Blue Flag status ġewwa l-bajja tar-Ramla. Għas-sena 2019 huwa ppjanat li dan l-investiment ikompli jissaħħaħ. Flimkien mal-Ministeru għal Għawdex, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kienet katalista sabiex inġieb il-festival Abode on the rock direttament għal Għawdex, torganizza wkoll l- International Fireworks Festival fejn waħda mis-serati sseħħ propju ġewwa Għawdex, tellgħet ukoll il- Gozo Alive u għenet diversi attivitajiet li saru ġewwa Għawdex fosthom il- Gozo Carnival u Gozo New Year’s Eve. Permezz ta’ Conventions Malta saru wkoll diversi konferenzi ta’ daqs żgħir u medju ġewwa l-gżira Għawdxija. Min-naħa tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Conventions Malta, Għawdex qiegħdha tiġi promossa bħala destinazzjoni minnha nfisha li għandha n-neċessitajiet kollha għal avvenimenti MICE. Filfatt waqt fieri MICE, Għawdex tkun promossa bħala post ideali għal programmi soċjali u inċentivi marbuta ma’ negozju, minbarra li sservi wkoll bħala destinazzjoni alternattiva. Il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi qegħdha tikkolabora mal-Ministeru għal Għawdex fuq ir-rigenerazzjoni tax-Xlendi u titjieb fuq il-bajjiet, filwaqt li sa mit-twaqqif tagħħha Projects Malta Ltd dejjem tat prijorita’ għall-proġetti relatati mal-qasam tas-saħħa fil-gżira Għawdxija, fosthom il-proġett ta’ Barts Medical School. Il-Ministeru tat-Turiżmu flimkien mal-Ministeru għal Għawdex ħabbru wkoll l-iskema Enable Tourism li permezz tagħha stabbilimenti turistiċi ġewwa Għawdex jistgħu jagħmlu xogħol relatat mal-aċċessibilita’ ta’ siti turistiċi b’50% tal-ispiża tkun iffinanzjata mill-Gvern taħt din l-iskema. Ġew imħabbra ukoll pjanijiet għar-riġenerazzjoni tax-Xlendi, fejn apparti li l-parkeġġ eżistenti se jikber b’60 parking spaces oħra, għaddejjin ukoll diskussjonijiet bejn iż-żewġ Ministeri fuq ir-riġenerazzjoni u sand replenishment tal-istess bajja. L-istrateġija tal-Gvern dwar it-turżmu f’Għawdex hija li tiġi ndirizzata aktar il-kwistjoni tal-istaġjonalita’ u jitjiebu r-rati tal-okkupanza fix- shoulder months.
Leg 13 PQ #9829 Sitting 218 2019-04-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex — films

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'produzzjonijiet/films hemm ippjanati li jinġibdu ġewwa Għawdex matul is-sena 2019 u kemm hu l-valur fi flus ta’ dawn il-produzzjonijiet/films?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-Kummissjoni Maltija għall-Films tinsab f’diskussjonijiet ma’ producers indipendenti u studios barranin biex jagħżlu lil Malta u lil Għawdex għall-produzzjonijiet tagħhom matul din is-sena u fis-snin li ġejjin. L-aħbar riċenti li se jingħata massimu ta’ 40% cash rebate lill-produzzjonijiet li jiffilmjaw f’pajjiżna, se tkun qed tgħin bil-kbir biex jiġu iżjed produzzjonijiet ta’ kwalità lejn pajjiżna.
Leg 13 PQ #9869 Sitting 218 2019-04-09 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Safar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8772, 8895, 9106, 9311 u 9633 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8566, jista' l-Ministru jagħti rendikont tas-safar għall-perjodu mill-2013 sal-2017 kif mitlub fil-mistoqsija oriġinali? Jista' jgħid ukoll x'inhi r-raġuni għalfejn l-istess Ministru ilu fil-fatt kważi ħames snin biex jirrispondi din il-mistoqsija li fil-fatt saret għall-ewwel darba fit-12-il Leġiżlatura fit-2 ta' Ottubru 2014?

Response (MIZZI, KONRAD)

It-tagħrif qed jinġabar.
Leg 13 PQ #9571 Sitting 217 2019-04-08 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Eko-kontribuzzjonijiet — flus miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ammont ta’ flus li nġabru mill-eko-kontribuzzjoni fuq l-akkomodazzjoni (skont l-Att dwar l-Eko-Kontribuzzjonijiet Kap. 473) minn meta ddaħħlet fl-2016 sal-lum u jagħti l-informazzjoni xahar b’xahar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 13 PQ #9572 Sitting 217 2019-04-08 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Eko-kontribuzzjonijiet — flus miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ammont ta’ flus li nġabru mill-eko-kontribuzzjoni fuq l-akkomodazzjoni (skont l-Att dwar l-Eko-Kontribuzzjonijiet Kap. 473) minn meta ddaħħlet fl-2016 sal-lum u jaqsam l-informazzjoni skont il-lokalitajiet li minnhom inġabret l-imsemmija eko-kontribuzzjoni?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 13 PQ #9573 Sitting 217 2019-04-08 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Eko-kontribuzzjonijiet – proġetti/inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema proġetti/inizjattivi ġew użati l-fondi kollha miġbura mill-eko-kontribuzzjoni fuq l-akkomodazzjoni (skont l-Att dwar l-Eko-Kontribuzzjonijiet Kap. 473) u għal kull proġett/inizjattiva jgħid: a. fiex kien jikkonsisti l-proġett/inizjattiva; b. f’liema lokalità twettaq il-proġett/inizjattiva; c. min wettqu; u d. kemm tħallsu jew intefqu flus fuq il-proġett/inizjattiva?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti li twettqu mill-fondi miġbura mill-eko-kontribuzzjoni fuq l-akkomodazzjoni li ġew allokati lill-Ministeru tat-Turiżmu fl-2017 u l-2018 huma: 1. Xogħlijiet ta` resurfacing fit-toroq tal-Promenades ta’ Buġibba u l-Qawra li twettaq mill-Ministeru tat-Turiżmu permezz ta` Transport Malta. 2. Proġett pilota tal-Pulizija għaż-Żoni Turistiċi li twettaq mill-Ministeru tat-Turiżmu permezz tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi. 3. Titjib f’bajjiet li twettaq mill-Ministeru tat-Turiżmu permezz tal-Awtorita` Maltija tat-Turiżmu. 4. Riġenerazzjoni ta` Paceville li qed jitwettaq mill-Ministeru tat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-MHRA. 5. Road Markings wara li sar resurfacing ta` toroq f’Paceville li twettaq mill-Ministeru tat-Turiżmu permezz tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi. 6. Proġett relatat ma 3D modelling tal-riferti arkejoloġiċi li jinsabu f’qiegħ il-baħar bil-għan li niżviluppaw iktar l-industrija tad-diving. Il-proġett qed jitwettaq mill-Ministeru tat-Turiżmu permezz tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
Leg 13 PQ #9574 Sitting 217 2019-04-08 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – appartamenti/proprjetajiet liċenzjati bħala postijiet ta’ akkomodazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm appartamenti/proprjetajiet liċenzjati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) li jistgħu jservu bħala postijiet għall-akkomodazzjoni fuq bażi short-let, f’dawn id-dati: 31 ta’ Diċembru 2012, 31 ta’ Diċembru 2013, 31 ta’ Diċembru 2014, 31 ta’ Diċembru 2015, 31 ta’ Diċembru 2016, 31 ta’ Diċembru 2017, 30 ta’ Ġunju 2018 u l-31 ta’ Diċembru 2018?

Response (MIZZI, KONRAD)

It-tagħrif qed jinġabar.