Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bypass tal-Mellieħa — nuqqasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ser jerfa’ r-responsabilità għan-nuqqasijiet li saru fil-bypass tal-Mellieħa, liema nuqqasijiet ħarġu issa aktar fil-beraħ bl-ewwel xita li għamlet fejn filwaqt li kien diġà jeżisti periklu kemm għas-sewwieqa kif ukoll għaċ-ċiklisti għall-mod ta’ kif saru l-affarijiet, issa l-istess periklu huwa ferm akbar b’riskju kbir li jseħħu inċidenti minn ħin għall-ieħor? (Nuqqasijiet oħra mhux biss mil-lat ta’ xogħol iżda wkoll għall-mod ta’ kif inbidlet il-policy fiż-żona, liema policy hija wkoll il-kaġun għal dan in-nuqqas li qed jiġi esperjenzat ta’ kuljum fiż-żona indikata minn dawk kollha li jagħmlu użu minn din it-triq)

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindika eżattament x’inhuma n-nuqqasijiet u perikli li qed jissemmew, u fejn jinsabu.

Vetturi liċenzjati fuq persuni residenti Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi liċenzjati fuq persuni residenti f'Għawdex? Kemm minn dawn il-vetturi huma kummerċjali? Jista' jgħid kemm tħallsu f'liċenzji lill-Awtorità dwar it-Trasport fis-sena 2017 fuq dawn il-vetturi reġistrati fuq persuni residenti f'Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt: Vetturi liċenzjati fuq persuni residenti f’Għawdex 36,201 Vetturi Kummerċjali 6,320 Liċenzji mħallsa lill-TM (2017) fuq vetturi reġistrati fuq persuni residenti f’Għawdex €6,112,131.34

L-Imdina — proprjetajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'proprjetajiet għandu l-Gvern fil-belt tal-Imdina? Jista' jgħid f'liema triq jinsabu dawn il-proprjetajiet, x'inhu l-użu ta' kull proprjetà, jekk humiex mogħtija b'enfitewsi, b'kirja b'encroachment, b'tolleranza jew b'titolu prekarju lil terzi u kemm huwa l-ammont ta' ċens, kirja jew xort'oħra li jitħallas lill-Gvern kull sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif jaf tajjeb hu ir-Regolament Ewropew dwar il-Protezzjoni tad-Dejta bdiet tapplika mill-25 ta' Mejju, 2018 fl-Istati Membri kollha sabiex nipproteġu il-privatezza tad-data. Żgur japprezza li dawn tip ta’ domandi mressqa jitlobu dejta personali li teħtieg prudenza fit-tweġibiet minħabba dejta protetta mill-liġi Ewropeja (Regulation 2016/679/EU) u li mniżżlha f’Kapitlu 586 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Awtorità tal-Ippjanar – membru miġjub Malta – passi kontra l-Kap Eżekuttiv

Question

In vista tat-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet parlamentari 7087, 7089, 7090 u 7091 fejn ripetutament qal li ma jaqbilx mad-deċiżjoni li ħa l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jinġieb membru tal-Awtorità minn barra permezz ta’ ajruplan privat imħallas mill-istess Awtorità sabiex tkun tista’ tivvota dakinhar tal-vot fl-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-applikazzjoni numru PA/03807/17 magħruf bħala ‘City Centre’, jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jieħu fil-konfront tal-istess Kap Eżekuttiv tal-Awtorità u jekk le, min se jerfa r-responsabilità għal din id-deċiżjoni manifestament ħażina?

Response (BORG, IAN)

Kif diġa nfurmajt lil Onorevoli Interpellant fir-risposta tiegħi għal mistoqsija parlamentari bin-numru 7087, ic-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorita’ tal-Ippjanar kien fil-limiti tal-poteri finanzjarji tiegħu (€10,000) meta awtorizza is-servizz ta’ ajruplan privat. Kif diġa’esprimejt fil-pubbliku jien la kont infurmat u wisq anqas kelli sehem f’din id-deċizjoni. B’mod kategoriku urejt ukoll li ma qbiltx ma d-deċiżjoni li l-ħadet l-Awtorita’ tal-Ippjanar li kif jaf l-Onor. Interpellant topera b’mod awtonomu u indipendenti.

Trasport pubbliku b’xejn liż-żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huwa kkalkulat li bbenefikaw żgħażagħ mit­trasport pubbliku b’xejn minn meta bdiet tiġi introdotta din il-miżura ftit tas-snin ilu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Budget tas-sena 2016 kien tħabbar li dawk il-persuni li kellhom jew inkella kienu sejrin jagħlqu tmintax (18) il-sena fl-2017 kienu sejrin jibbenefikaw minn sena trasport b’xejn meta jużaw it-trasport pubbliku bi skeda. Matul dik is-sena, jiġifieri 2017, kien hemm il-fuq minn 4,200 żagħżugħ u żagħżugħa li bbenefikaw minn din l-iskema. Fil-Budget tas-sena 2017 kien tħabbar li għas-sena 2018 din l-iskema kienet sejra tiġi mwessa’ sabiex tinkludi dawk iż-żgħażagħ ta’ bejn is-sittax (16) u l-għoxrin (20) sena. Infurmat ukoll li sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena kien hemm il-fuq minn 21,800 persuna li bbenefikat minn din l-iskema.

Santa Luċija – roundabout – arranġament ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x'arranġamenti ġodda tat-traffiku huwa ppjanat li jsir meta fix-xhur li ġejjin huwa mistenni li jibda x-xogħol fuq il-bini tal-mini taħt ir-roundabout ta' Santa Luċija, minħabba li din it-triq hija arterja prinċipali għan-nies li jgħixu fin-naħa t'isfel ta' Malta?

Response (BORG, IAN)

Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, permezz ta’ Infrastructure Malta, għaddej bl-aħħar tħejjijiet sabiex jibda x-xogħol tal-proġett ta’ żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija. Dan il-proġett ser ifisser madwar 30% inqas ħin fl-ivvjaġġar, inqas riskji ta’ aċċidenti għal eluf ta’ persuni li ta’ kuljum jivvjaġġaw minn u lejn in-nofsinhar tal-pajjiż, kif ukoll aċċess aħjar għar-residenti ta’ Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid. It-tnaqqis drastiku fil-konġestjoni tat-traffiku f’din ir-roundabout ifisser ukoll kwalità ta’ arja aħjar għall-lokalitajiet tal-inħawi. Wara l-approvazzjoni tal-permessi tal-iżvilupp meħtieġa għal dan il-proġett ix-xahar li għadda, Infrastructure Malta mistennija tibda l-ħidma meħtieġa fit-Triq tal-Barrani u fi Vjal Santa Luċija, it-toroq li ser jingħaqdu flimkien bil-mini ġodda, qabel l-aħħar ta’ din is-sena. Is-sejħa għall-offerti għall-kuntratturi meħtieġa għal dan il-proġett ħarġet aktar kmieni din is-sena. Il-proġett beda jitfassal fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, fuq talba tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, sabiex ikomplu jittaffew id-diffikultajiet fl-ivjaġġar għar-residenti u ħaddiema f’ħafna lokalitajiet fin-nofsinhar ta’ Malta. L-investiment f’din il-ħolqa ewlenija tas-sistema tat-toroq Maltin jinkludi disinn ġdid għar-roundabout sabiex issir aktar sikura, u l-bini ta’ ¿ewġ mini ta’ madwar 100 metru ‘l waħda, biex jgħaqqdu direttament Vjal Santa Luċija ma’ Triq Tal-Barrani. B’hekk, meta tkun għaddej minn Vjal Santa Luċija lejn Triq Tal-Barrani, jew bil-kontra, ma jkunx hemm għalfejn li ddur mar-roundabout iżda tkun tista’ tibqa’ għaddej mill-mini, mingħajr waqfien. Din ir-roundabout hija wkoll wieħed mill-aċċessi ewlenin għal Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid. Meta jitlestew il-mini l-ġodda, ser jonqsu wkoll id-diffikultajiet tar-residenti biex jidħlu jew joħorġu mid-djar tagħhom f’dawn il-lokalitajiet hekk kif ir-roundabout ser tkun iddisinjata b’mod li jonqsu r-riskji ta’ aċċidenti, waqt li tkun qed tintu¿a ferm inqas. Il-proġett jinkludi wkoll it-tibdil u t-tisħiħ ta’ diversi servizzi tad-distribuzzjoni tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni li hemm bħalissa taħt l-art f’dawn it-toroq. L-ewwel ħidmiet ta’ dan il-proġett ser isiru mal-ġnub tat-triq eżistenti, sabiex isir it-twessigħ tat-toroq meħtieġa. Taħt dawn il-korsiji ġodda ser jitpoġġew ukoll is-servizzi ġodda minflok dawk li hemm taħt il-karreġġjata eżistenti ta’ Vjal Santa Luċija u Triq tal-Barrani. Meta dawn il-korsiji ġodda jkunu lesti, jieħdu post dawk e¿istenti sabiex meta tivvjaġġa minn dawn l-inħawi tibqa’ tu¿a l-istess rotot mingħajr xkiel. Waqt it-twettiq ta’ dan il-proġett, fosthom anke t-tħaffir u l-bini tal-mini, Infrastructure Malta ser tadotta l-istess prinċipju li qed tu¿a fil-Marsa Junction Project fi Triq Aldo Moro u l-inħawi, fejn dejjem toffri korsiji u rotot alternattivi meta t-toroq eżistenti jkunu milquta mix-xogħlijiet. Il-proġett ta’ Santa Luċija qed jiġi kkordinat ukoll ma’ proġetti oħra fl-inħawi sabiex jiġi ¿gurat li dejjem ikun hemm rotot alternattivi adekwati li kapaċi jlaħħqu mad-domanda tal-ivvjaġġar. Fost oħrajn, Infrastructure Malta ser tkun qed tlesti t-tieni fażi tal-Marsa Junction Project fil-ġimgħat li ġejjin biex Triq Aldo Moro jkollha 10 korsiji, u ser tibda t-twessigħ ta’ Triq Ħal Luqa, bejn ir-roundabout ta’ Santa Luċja u l-Gudja, kif ukoll it-twessigħ ta’ Triq Ħal Qormi, bejn Ħal Luqa u Ħal Qormi dalwaqt. Kull tibdil li jsir fir-rotot f’dawn l-inħawi minħabba x-xogħol li jkun għaddej jiġi diskuss minn qabel mal-entitajiet u l-komunitajiet kollha konċernati, sabiex jiġi żgurat li l-proġett jitwettaq bl-inqas inkonvenjent possibbli għar-residenti u għal dawk li jgħaddu minn dawn it-toroq.

Roundabout li miż-Żejtun tagħti għal Ħaż-Żabbar — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti ħjiel dwar meta huwa kkalkulat li jitlesta x-xogħol kbir li qed isir biex tinbena mill-ġdid it-triq li miż-Żejtun tagħti għal Ħaż-Żabbar, magħrufa aħjar minn ħafna bħala t-Triq taċ-Ċawsli?

Response (BORG, IAN)

Aktar kmieni din is-sena, Infrastructure Malta bdiet ix-xogħol biex tinbena mill-ġdid Triq Bormla, magħrufa bħala “taċ-Ċawsli”, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun. Din it-triq ewlenija tintuża minn ħafna persuni li jgħixu jew jaħdmu fil-lokalitajiet tal-inħawi, fosthom Ħal Tarxien, il-Fgura, Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun. Għal snin twal, din it-triq b’tul ta’ madwar kilometru, kienet fi stat ħażin ħafna, bi ħsarat li saħansitra anke wasslu għal aċċidenti b’konsegwenzi għal dawk li jivvjaġġaw minnha. Permezz ta’ dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar €4 miljun, it-triq kollha qed tinbena mill-ġdid fuq pedamenti ġodda, u b’diversi faċilitajiet għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi. Fost oħrajn, it-triq ser ikollha korsija maqtugħa għaliha mit-triq biex minnha jkunu jistgħu jgħaddu dawk li jivvjaġġaw bir-roti jew bil-mixi (segregated shared use track). Dan ifisser li l-korsija għar-roti, f’żewġ direzzjonijiet, u l-passaġġ għall-mixi ser ikunu separati mit-triq innifisha permezz ta’ faxxa ta’ art bil-pjanti jew bis-siġar. B’hekk, l-ivvjaġġar bir-roti jew bil-mixi jkun ferm aktar sikur. Mal-ġnub tat-triq ser jinbnew ukoll għadd ta’ bus bays li permezz tagħhom dawk li jużaw it-trasport pubbliku jkunu jistgħu jinżlu jew jitilgħu fuq tal-linja mingħajr periklu. Fl-istess waqt, jonqsu d-diffikultajiet ta’ dewmien fl-ivvjaġġar peress li meta l-karozza tal-linja tkun qed ittella’ jew tniżżel il-passiġġieri ma tkunx qed tagħlaq il-korsija li minnha jgħaddu l-karozzi. Ser jiġu installati wkoll diversi sistemi oħra li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li jużaw it-triq bil-karozzi, muturi jew mezzi oħra. Qed jittieħdu wkoll diversi miżuri li s-siġar storiċi taċ-ċawsli li hemm f’din it-triq jiġu salvati u protetti wara li fis-snin li għaddew kienu ntlaqtu mill-marda tas-susa. Il-proġett kollu ser jitlesta sa qabel is-sajf li ġej, iżda ż-żewġ korsiji ġodda tat-triq, li qed jinbnew bħalissa, mistennija jinfetħu fiż-żewġ direzzjonijiet sal-aħħar ta’ din is-sena.

Iż-Żejtun – Triq Ħal Tarxien – twessigħ ta’ triq

Question

Minħabba li minn kemm ilu li ngħatat it-tarmak Triq Ħal Tarxien (li miż-Żejtun tagħti għal Bulebel), żdied ħafna t-traffiku f’din it-triq, partikolarment fil-ħinijiet ta' filgħodu, jista' l-Ministru jikkunsidra li fil-partijiet l-aktar dojoq tat-triq fejn ma jgħaddux żewġ karozzi, titwessa’ bi ftit metri b'mod li tittieħed mill-inqas art possibbli biex b'hekk ikun qed jiġi evitat periklu u tonqos il-konġestjoni f’din it-triq f’ħinijiet partikolari tal-ġurnata?

Response (BORG, IAN)

It-triq indikata qed tintuża aktar ta’ spiss bħalissa sakemm jitlesta l-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Bormla (taċ-Ċawsli). Meta Triq Bormla tinfetaħ mill-ġdid wara li jkun tlesta dan il-proġett ta’ €4 miljun, id-domanda għat-triq indikata tonqos. Madankollu, xorta waħda qed jiġu kkunsidrati xi miżuri addizzjonali li ser jittieħdu għal aktar sigurtà u effiċjenza f’din it-triq. L-idjaq partijiet tat-triq indikata għandhom il-bini fuq żewġ naħat u mhux daqstant faċli jitwessgħu.

Awtorità tal-Ippjanar – proċess għal reviżjoni tal-pjani lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġu reveduti l-pjani lokali mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex kompla għaddej u issa qed ikun hemm focus fuq numru ta’ issues li huma ta’ natura aktar strateġika u li jinħtieġ ġbir ta’ aktar informazzjoni u evalwazzjoni ta’ options differenti.

Pont tal-Mistra – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti u kemm sewa x-xogħol li sar fl-aħħar xhur fuq il-Pont tal-Mistra u fl-istess waqt ipoġġi r-rapporti tal-perit fejn allura ċċertifika li l-perikli li seta kien hemm, issa ġew issorpassati?

Response (BORG, IAN)

It-tiswijiet u r-restawr tal-pont tal-Mistra, li minn fuqu tgħaddi t-triq ewlenija li twassal għall-Mellieħa u għall-port tat-trasport lejn Għawdex, inbena fl-1884, tkabbar darbtejn fis-snin għoxrin u fis-snin ħamsin, iżda tħalla mingħajr manutenzjoni meħtieġa għal għexieren ta’ snin. Wara li bdew studji dwar ix-xogħol meħtieġ biex dan il-pont jiġi rrestawrat, f’April li għadda l-esperti internazzjonali imqabbda biex jgħinu lill-periti ta’ Infrastructure Malta talbu biex parti mit-triq ta’ fuq il-pont tingħalaq mill-ewwel, minħabba l-periklu li ċċedi. Ix-xogħol meħtieġ beda mill-ewwel, f’April stess. F’din il-ħidma, il-ħitan tal-ġenb tal-parti l-aktar antika tal-pont, li fuqha hemm il-korsija mix-Xemxija għall-Mellieħa, inħattu u nbnew mill-ġdid fuq pedamenti aktar adekwati. Dawn ix-xogħlijiet neħħew il-periklu li din il-parti tal-pont tikkrolla, u għalhekk it-triq setgħet tinfetaħ mill-ġdid. Fl-istess waqt, il-wiċċ tat-triq tranġa b’asfalt ġdid u ġiet installata sistema ġdida ta’ crash barriers għal aktar sigurtà għal dawk li jivvjaġġaw f’din ir-rotta. Dan ix-xogħol inizjali sabiex il-pont tal-Mistra jitranġa u jissaħħaħ tlestew fi ftit ġimgħat, qabel beda s-sajf, meta din it-triq tibda tintuża ferm aktar minn ¿minijiet oħra tas-sena. Fl-istess waqt, l-istudji tekniċi dwar ir-restawr tal-kumplament tal-istruttura għadhom għaddejjin, bl-għajnuna tal-esperti tekniċi internazzjonali, sabiex ix-xogħol ikun jista’ jkompli għaddej. S’issa, investejna aktar minn €180,000 fit-tiswijiet u restawr ta’ dan il-pont. Ir-rapporti tekniċi tax-xogħlijiet li saru u tal-programm ta’ restawr u manutenzjoni kontinwa li dan il-pont jeħtieġ biex nibqgħu nużawh fis-snin li ġejjin jiġi ffinalizzat meta jintemmu l-istudji kollha.

Triq li tagħti mix-Xemxija għat-telgħa tal-Mellieħa — tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raguni li fit-triq li tagħti mix-Xemxija għat-telgħa tal-Mellieħa ngħataw biss partijiet minnha bit-tarmak meta fil-fatt jirriżulta li baqa' żoni fl-istess triq li għadhom qed jikkawżaw periklu għas-sewwieqa u ħsarat għall-vetturi li jgħaddu mill-istess triq minħabba l-ħofor li għadhom hemm?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 7180, nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant li fil-passat, it-triq indikata qatt ma nbniet b’pedamenti adatattati u b’saħħithom biżżejjed biex jifilħu għad-domanda tal-istess triq. Fl-istess waqt, hemm diversi servizzi taħt il-livell tat-triq li jeħtieġ jinbidlu qabel ma’ tkun tista’ tinbena mill-ġdid bl-istess mod li qed naraw f’toroq arterjali oħra li fihom qed issir qabża ‘l fuq fil-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà. Filwaqt li dan ix-xogħol jinsab fil-pjanijiet futuri ta’ Infrastructure Malta, qabel is-sajf li għadda nħass il-bżonn li partijiet mit-triq jiġu rranġati b’mod temporanju waqt ħidma ta’ titjib tar-rotot li jwasslu għal postijiet popolari tas-sajf. Dan ix-xogħol sar biss f’dawk il-partijiet tar-rotta bejn il-bajja tax-Xemxija u l-Mellieħa li l-aktar li kellhom ħsarat. Infrastructure Malta qed tkompli taħdem sabiex fiż-żmien li ġej isir aktar investiment infrastrutturali f’din it-triq u sabiex eventwalment jissolvew id-diffikultajiet ikkawżati mit-telqa u nuqqasijiet oħra tal-passat.

Mellieħa – Ir-Razzett tax-Xjaten

Question

Jista' l-Ministru jindika preżentement lil min tgħajjat il-binja fil-Mellieħa magħrufa bħala "Ir-Razzett tax -Xjaten" u jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qattx talab lid-Dipartiment tal-Artijiet biex dan is-sit jiġi devolut lilu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-propjetà magħrufa bħala "Ir-Razzett tax-Xjaten" hija mikrija għand terzi. L-Awtorità tal-Artijiet ma kellha ebda talba mingħand ebda entità għall-devoluzzjoni.

Forti Campbell fil-limiti ta’ Selmun – talbiet/interessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi talbiet/interess minn entitajiet privati jew għaqdiet mhux governattivi lid-Dipartiment tal-Artijiet dwar il-binja magħrufa bħala Forti Campbell li tinsab fil-limiti ta' Selmun?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-2010 saret talba minn għaqda non-governattiva permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport,sabiex l-inħawi ta’ Fort Campbell jintużaw bħala Airsoft Range. Fl-2014, id-Dipartiment tal-Artijiet irċieva rikjesta minn entità privata għal dettalji dwar tas-sit u dwar il-possibilità li Forti Campbell tiġi devoluta lilhom.

Triq il-Kbira, Triq il-Fortizza u Triq in-Nases – applikazzjoni għall-bini ta’ lukanda

Question

Jista' l-Ministru jindika f’liema stadju waslet l-applikazzjoni (PA 5909 / 17 ) ta' bini ta' lukanda u appartamenti fil-Mellieħa fiż-żona li tinsab bejn Triq il-Kbira, Triq il-Fortizza u Triq in-Nases? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm kien hemm oġġezzjonijiet għal din l-applikazzjoni u jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kienx wieħed minn dawk li formalment ressqu oġġezzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni (PA5909/17) ġiet validata fi 13 ta’ Lulju 2018 u għaddiet mill-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni fejn irriżulta li jeħtieg aktar informazzjoni kif ukoll emendi tal-pjanti. Għaldaqstant, l-Awtorità tal-Ippjanar qegħda tistenna s-sottomissjonijiet rikjesti biex b’hekk tkun tista’ tgħaddi għat-tieni fażi ta’ konsultazzjoni. Matul il-konsultazzjoni pubblika l-Awtorità tal-Ippjanar irċceviet erba’ rappreżentazzjonijiet li tinkludi waħda f’isem il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.

Mosta — Triq Fabrizio Bartolo - aċċessibilità

Question

Jista' l-Ministru permezz ta' Transport Malta, jgħid jekk Triq Fabrizio Bartolo, il-Mosta, li hija trejqa dejqa li minnha bilkemm tgħaddi vettura, issir "one way except for un/ loading by residents" u dan ifisser li din it-trejqa tkun għalhekk aċċessibbli biss għal ftit residenti fl-istess triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li Transport Malta kienet f’komunikazzjoni mall-Kunsill Lokali tal-Mosta fir-rigward ta’ din it-triq fejn kienu ġew ssuġġeriti miżuri ta’ traffic calming / management. Fil-każ li hemm min jixtieq li din it-triq ikollha aċċess limitat, għandha ssir applikazzjoni mill-kunsill lokali minħabba li din it-triq hija responsabiltà tal-kunsill, u Transport Malta tkun tista’ tevalwa l-applikazzjoni.

In-Naxxar — Triq Gaetano Vitale - Xogħol ta' Kostruzzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6256 u 6106 peress li għadu ma qalx meta se jibda x-xogħol fuq l-imsemmija triq fl-ebda risposta, jista' l-Ministru jgħid meta fil-fatt se jibda x-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Il-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, fil-jiem li għaddew din l-aġenzija li twaqqfet fis-sajf diġa ħabbret l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid is-sena d-dieħla. Ix-xogħol meħtieġ għall-bini mill-ġdid ta’ aktar toroq qed jiġi ppjanat bħalissa u ser jitħabbar fiż-żmien li ġej. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.

Proġett ta’ twessiegħ ta’ toroq – raba’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-proġett ta’ twessiegħ ta’ toroq, kemm-il biċċa raba’ ġiet mittiefsa, bħala numru, f’kull triq? Jista’ jgħid ma’ min ikkonsulta għal kull biċċa art jew raba’? Jista’ jgħid x’kontribut finanzjarju Transport Malta jew il-Ministeru spiċċa ħallas bħala kumpens?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Vassallo biex ġentilment jispeċifika eżattament għal liema toroq qed jirreferi, u f’liema żmien saru x-xogħlijiet indikati, sabiex ikun jista’ jinġabar it-tagħrif mitlub.

Awtorità tal-Ippjanar – tieni passiġġier miġjub Malta

Question

In vista tal-fattura (invoice) ppreżentata mill-Ministru għat-Trasport għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 7090, jista’ l-Ministru jgħid min kien it-tieni passiġġier li twassal minn Sqallija għal Malta dakinhar tal-vot fl-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-applikazzjoni numru PA/03807/17 magħruf bħala ‘City Centre’ u jista’ jgħid ukoll għaliex kien meħtieġ li jinġieb it-tieni passiġġier?

Response (BORG, IAN)

Infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li t-tieni passiġġier kien il-minuri li kien qiegħed fuq il-btala mal-persuna kkonċernata. L-awtorità nfurmatni li s-servizz jkopri t-titjira magħmula u mhux kemm il-passiġġier ivvjaġġa.

Awtorità tal-Ippjanar – membru miġjub Malta – għażla tal-kumpanija

Question

In vista tal-fattura (invoice) ppreżentata mill-Ministru għat-Trasport għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 7090, jista’ l-Ministru jgħid għaliex u fuq liema bażi ntgħażlet kumpanija Svizzera bbażata f’Ġinevra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li wara li l-Awtorità ġabet żewġ kwotazzjonijiet, il-kumpanija ntgħażlet peress li kienet l-irħas offerta.