Operazzjonijiet tal-katarretti — Lista ta’ stennija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29037 u 29160 u jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni tal-katarretti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
B’riżultat tal-inizjattivi li qed jittieħdu, fosthom operazzjonijiet extra kemm fl-Isptar Mater Dei kif ukoll fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 21 pazjent li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti. Ikun hemm diversi raġunijiet mediċi għala dan jiġri.
Infurmat li qed isir kuntatt ma’ dawn il-persuni sabiex naraw jekk għadhomx iridu jagħmlu l-operazzjoni, kif ukoll jekk il-kundizzjoni medika tagħhom tippermettix li din l-operazzjoni tista’ ssir. Nassigura lill-Onor. Interpellant li kull fejn ikun hemm każ urġenti, din l-operazzjoni ssir fi żmien qasir.
Operazzjoni ta’ kirurġija ġenerali — Lista ta’ stennija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29041 u 29159 u jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni relatata ma’ kirurġija ġenerali sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Kif diġa ħabbart diversi drabi oħra, il-Gvern ivvota €14-il miljun ewro sabiex jindirizza l-waiting lista permezz ta’ programm ta’ outsourcing ħalli l-pazjenti jinqdew fl-iqsar żmien possibbli.
Ninsab infurmat li hemm 807 pazjent li ilhom jistennew intervent għall colonscopy u ilhom jistennew aktar miż-żmien stipulat fic-Charter tal-Pazjent. Iż-żmien ta’ stennija jiddependi mill-urġenza tal-każ. Apparti minn hekk, ikun hemm diversi raġunijiet mediċi għala ikun hemm dan id-dewmien. Inserraħ ras kulħadd li kull operazzjoni urġenti u l-pazjent ikun f’kundizzjoni medika li tista’ ssirlu l-operazzjoni, din issirlu fl-iqsar żmien possibbli.
Ninsab infurmat ukoll li bejn Jannar u April ta’ din is-sena, saru 1,374 operazzjoni tal-colonscopy.
Jista’ l-Ministru jagħti l-gradi kollha tal-primary caregivers fil-Faċilità San Vincenz de Paul, kemm dawk li jaħdmu mal-Gvern kif ukoll dawk li jaħdmu mal-kuntrattur? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema f’kull livell?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.
Faċilità San Vincenz de Paul — Infermiera u carers
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29247 u jgħid kemm hu n-numru ta’ primary caregivers (infermiera u carers) li bħalissa qed jaħdmu ġewwa l-Faċilità San Vincenz de Paul, kemm dawk li jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll dawk li jaħdmu mal-kuntrattur? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn huma barranin u minn dawn il-barranin, jista’ jgħid kemm huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea u kemm minnhom huma third country nationals?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ primary caregivers (infermiera u carers) li bħalissa qed jaħdmu f’San Vinċenz de Paul huwa ta’ 625. Il-gvern jixtri s-servizz, bis-siegħat, mingħand il-privat abażi ta’ kuntratt.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29249 u jgħid kemm hemm dentisti jaħdmu fid-Dentistrija tal-Faċilità San Vincenz de Paul? Jista jgħid ukoll jekk dawn jaħdmux full-time jew part-time?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li hemm żewġ dentisti u jaħdmu full time.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28567 u 28816 u jikkonferma li kien hemm sessjonijiet u appuntamenti ma’ professjonisti fi ħdan is-servizz CYPS li kellhom jiġu kkanċellati minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani, saħansitra ċerti każijiet fejn tfal ilhom aktar minn sena mingħajr ma jaraw psikjatra? Jista’ jispjega għaliex hemm dan in-nuqqas ta’ professjonisti, u x’miżuri qed jittieħdu biex dan jiġi indirizzat?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li kien hemm appuntamenti li ġew posposti mhux kkanċellati. Dan ġara għax xi tobba kellhom perjodu ta’ studju biex ikomplu jispeċjaliżżaw u jibqgħu jagħtu l-aħjar servizz aġġornat. Każijiet urġenti baqgħu jiġu mogħtija priorità. Infurmat li s-sitwazzjoni sejra tiġi lura għan-normal fil-futur qrib.
Fid-dawl tar-riżultati tar-riċerka li saret mill-Isptar Mater Dei li minnha joħroġ li t-tobba jistgħu jidentifikaw b’mod preċiż li persuna hija Coeliac permezz ta’ testijiet seroloġiċi (tad-demm), jista’ l-Ministru jgħid jekk il-protokolli fl-Isptar Mater Dei ġewx aġġornati biex jirriflettu din il-bidla, u jekk pazjenti li ngħataw parir minn tobba privati biex jevitaw il-proċedura invażiva ta’ bijopsija endoskopika, humiex ser jiġu aċċettati fuq il-bażi ta’ riżultati tad-demm biss? Jista’ jgħid ukoll jekk issa dawn il-pazjenti hux se jkunu jistgħu jibdew jirċievu l-vouchers marbuta ma’ dik il-kondizzjoni mingħajr ma jkunu obbligati li jagħmlu l-proċedura invażiva ta’ bijopsija endoskopika?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi filwaqt li l-istudju juri informazzjoni importanti u wkoll dak li qed jiġri f’xi bnadi fix-xena internazzjonali, hemm proċess qabel tittieħed id-deċiżjoni jekk id-Dipartiment tal-Gastroenteroloġija u l-Immunoloġija jasal lil jadotta tali prattika, liema prattika għadha lil hinn mil-linji gwida internazzjonali kurrenti.
Bħalissa, għalkemm il- pazjenti adulti għadhom bżonn jagħmlu test endoskopiku biex tkun ikkonfermata id-dijanjożi ta’ Coeliac, it-tfal li jippreżentaw ruħhom fi stat sintomatiku, ikun biżżejjed għalihom it-test tad-demm, bħala konferma tad-dijanjożi.
Fir-rigward ta’ vawċer, ġaladarba ssir id-dijanjożi b’mod li jkun uffiċjalment magħruf u maqbul bħala validu, allura imbagħad ikun hemm il-kwalifika normali tal-vawċer.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan, jew korrispondenza għaddejja ma’ entitajiet oħra tal-Gvern li mhux neċessarjament jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, sabiex tissolva l-kwistjoni tal-aċċessibilità għall-ambulanzi fit-toroq tal-Belt Valletta, partikolarment dawk li fil-passat riċenti kellhom każijiet fejn l-ambulanzi sabu diffikultà biex jgħaddu? Jekk iva, jista’ jqiegħed din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Impjegati u Konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kompost bħala impjegati u konsulenti l-Ministeru tiegħu, f’liema skala tas-servizz pubbliku qiegħed is-salarju/paga tagħhom, x’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn l-impjegati/konsulenti, xi kwalifiki edukattivi għandhom, f’każ ta’ Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor, x’inhi l-expertise tiegħu/tagħha u x’tip ta’ kuntratt għandu kull wieħed minn dawn l-impjegati (inkluż Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor)? X’allowances ( bħal disturbance allowance, Secretariat Allowance, Bonus for Overtime Worked, Communications Allowance, Fully-expensed mobile telephony, Free Telephony, Pre-Paid top-ups for telephony service, Internet Service, Car Allowance, Transport Allowance, Fuel Vouchers, Use of car-hired car, Use of government-owned car, Internet Key, Tablets, Laptops, Peripherals, Expertise Allowance, Disturbance Allowance, Shift Allowance, eċċ.) u perkaċċi oħra, kull wieħed minn dawn l-impjegati/konsulenti għandhom u għal kemm jammontaw fi flus (fejn applikabbli)? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li kull impjegat/konsulent tal-Ministeru għandu u li għadu fis-seħħ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu f’interpellanza parlamentari kważi identika għal din bin-numru 23741.
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni ġew diagnosed b'kanċer tal-ġilda minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jekk kienx hemm żieda fuq l-istess perjodu fl-2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li saritilhom dijanjosi ta’ kanċer tal-ġilda minn Jannar 2025 sal-15 ta’ Ġunju 2025 kien ta’ 819 . Fl-istess perjodu fl-2024 in-numru kien ta’ 576. Ir-rapporti ta’ dawn is-sentejn għadhom deħlin u anki għadhom qed jiġu verifikati/validati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm infermiera speċjalizzati fil-mard newroloġiku u jispeċifika f’liema oqsma huma speċjalizzati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi hemm 63 infermiera li huma speċjalizzati fil-mard newroloġiku. Dawn jaħdmu f’dawn il-wards: Neuromedical, Neurosurgical, Neurosurgery u Stroke Wards.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni infettati bl-HIV mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni nfettati bl-HIV mill-2020 ’l hawn huwa kif ġej: fl-2020 kien hemm 457 persuna; fl-2021 kien hemm 539 persuna; fl-2022 kien hemm 612 persuna; fl-2023 kien hemm 650 persuna; fl-2024 kien hemm 696 persuna; u din is-sena hawn 754 persuna.
Dawn il-figuri li qed jidhru f'din it-tweġiba huma akkumulattivi minn sena għall-oħra. Dawn in-numri jindikaw ukoll persuni barranin li jkunu rriżultaw pożittiv u wara ma jkomplux bil-kura f’Malta jew isiefru.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn jinżammu l-priġunieri fl-Isptar Mount Carmel? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn humiex qed jgħixu fi swali flimkien ma’ pazjenti oħra li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali iżda li mhumiex priġunieri?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat l-priġunieri jiddaħħlu fil-Forensic Unit. Għalkemm din il-binja hi fiżikament parti mill-binja tal-Isptar Mount Carmel, il-Forensic Unit hi effettivament estensjoni tal-ħabs. Għalhekk din taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-amministrazzjoni tal-ħabs.
Din il-binja hi totalment separata miż-żoni l-oħra tal-isptar u għalhekk ma jkunx hemm taħlit bejn pazjenti li huma priġunieri u pazjenti oħra.
Sptar Mount Carmel — Każ ta’ priġunier li weġġa’ pazjent ieħor
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux rapporti rigward il-każ dwar priġunier li weġġa’ pazjent ieħor fl-Isptar Mount Carmel fit-18 ta’ Ġunju 2025? Jista’ jgħid ukoll jekk hux qed issir investigazzjoni u jipprovdi kopja lill-Kamra?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda rapport li kien hemm xi tip ta’ aggressjoni ta’ xi pazjent fuq pazjent ieħor fit-18 ta’ Ġunju ġewwa l-Isptar Monte Carmeli.
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29233, għar-rigward tal-Forensic Unit.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva - Public Expo Village 2025 - Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28692 u 29106 u jgħid jekk is-Segretarjat u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onor. Interpellanta biex tireferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29206.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Knisja - Tibdil fil-kulur tal-ilma tal-Menqa
Question
Fid-dawl li matul dawn l-aħħar jiem il-kulur tal-ilma fil-Menqa ta’ San Pawl il-Baħar (Triq il-Knisja) sar aħdar skur, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi testijiet partikolari mid-Dipartiment tas-Sanità u jekk iva, x’irriżulta minn dawn it-testijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li uffiċjal mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali investigat u vverifikat każ ta’ żbroff ta’ drenaġġ fil-viċinanza tal-Menqa, San Pawl il-Baħar.
L-investigazzjoni kkonfermat li kien hemm sadd fis-sistema tad-drenaġġ ta’ blokka ta’ appartamenti fil-viċinanzi, li wassal għal żbroff li kien qed jinfirex sal-baħar (Menqa). Dan ġie kkonfermat ukoll permezz tal-użu ta’ sustanza fluorexenti (fluorescein), li wriet li l-ilma kontaminat spiċċa fil-baħar tal-Menqa (żona li mhix klassifikata bħala żona ta’ għawm).
Kampjuni ta’ ilma ttieħdu miż-żona uffiċjali ta’ għawm fil-viċinanzi, u r-riżultati ma ndikawx l-ebda kontaminazzjoni. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda ħtieġa li tingħalaq iż-żona ta’ għawm.
Is-sitwazzjoni ġiet indirizzata fi żmien qasir permezz tal-ftuħ tas-sadd, u l-problema ġiet solvuta.