Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Direttur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttur preżenti tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin huwiex ser jinbidel, jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni u xi proċess ser ikun adottat biex jinħatar ieħor minfloku?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttur preżenti attiva l-klawsola fil-kuntratt tiegħu u ta avviż ta’ riżenja u dan minħabba raġunijet personali. Peress li kien jokkupa kariga meqjusa bħala waħda ta’ Headship, tali vakanzi joħorġu ċentralment mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u tiġi segwita l-proċedura normali ta’ reklutaġġ f’dawn il-pożizzjonijiet. Dan ma jeskludix il-possibilita’ li l-Gvern jidentifika persuni idoni oħra biex jokkupaw tali kariga.

Forzi Armati ta’ Malta – nefqa fuq titjieb infrastrutturali eżistenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-FAM minn Marzu 2013 ‘il hawn biex ittejjeb l-infrastrutturi eżistenti li hi responsabbli minnhom u eventwalment biex jitjiebu l-kundizzjonijiet li jaħdem fihom kull suldat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fiż-żmien imsemmi, intefqu €9.7M fi proġetti biex jitjiebu l-infrastrutturi eżistenti tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Forzi Armati ta’ Malta – riżorsi umani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan hemm biex il-FAM tilħaq in-numru stabbilit ta’ riżorsi umani bżonnjużi ħalli taqdi r-rwoli kollha mistennija minnha bħala forza tal-ordni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-FAM tippjana li tingaġġa, kull sena, numru ta’ rekluti u uffiċjali kadetti biex tagħmel tajjeb kemm għal dawk li jitilqu mill-FAM kif ukoll biex tintlaħaq il-forza kif stabbillita fl-Establishment tal-FAM. Il-forza ta’ Riżerva ta’ Volunteri qiegħda tiġi msaħħa b’iktar ingaġġi biex tkun riżorsa addizzjonali għall-FAM kemm waqt xogħol ta’ rutina kif ukoll waqt emerġenzi.

Forzi Armati ta’ Malta – taħriġ lill-membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-FAM biex tinvesti fil-membri tagħha? X’taħriġ qed jingħata lis-suldat u jekk dan jistax b’xi mod jgħin lis-suldat għal meta jtemm il-karriera tiegħu fis-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar tliet snin il-Forzi Armati ta’ Malta għamlet avvanz kbir fejn jidħol taħriġ, żviluppar u kwalifiċi għall-membri tagħha. Bħala taħriġ il-FAM diġà żdidilha l-fond relatat b’mitejn elf ewro fis-sena u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex dan ikompli jiżdied. Il-Forza għamlet titjib sostanzjali u investiet sew fl-iskola interna tagħha u qed isir issa programm strutturat annwali ta’ taħriġ. Il-FAM rrevediet diversi programmi u kontenut ta’ programmi ta’ taħriġ ħalli dan ikun jirrifletti iktar il-bżonnijiet u ż-żminijiet tal-lum. Reġgħu bdew jintbagħtu kadetti f’akkademji navali barra l-pajjiż, ħalli tiġi riżolta l-problema ta’ nuqqas ta’ uffiċjali kwalifikati fl-imsemmi qasam. Iddaħħlu wkoll korsijiet ta’ tmexxija relatati ma’ promozzjonijiet u li jirriflettu r-responsabbiltajiet ġodda li membri tal-FAM jkunu ser jokkupaw. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalifiċi l-Forza għamlet arranġamenti u diskussjonijiet fit-tul man- National Commission for Further and Higher Education (NCFHE) sabiex ċertu korsijiet li qed isiru jkunu rikonoxxuti skont il-livelli li din il-Kummissjoni tirrikonoxxi. Diġà ġie rikonoxxut it-taħriġ relalat ma’ reklutaġġ ta’ suldati ġodda u dan f’livell tlieta. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet finali sabiex jiġu rikonoxxuti wkoll korsijiet oħra bħal korsijiet ta’ kmand marbut mal-promozzjonijiet, kif ukoll korsijiet għal dawk li jkunu qed jippreparaw sabiex isiru uffiċjali bil-kummissjoni. Il-FAM bdiet ukoll tibgħat diversi membri tagħha jsegwu korsijiet f’istituzzjonijiet rikonoxxuti esterni, bħall-MCAST, Transport Malta u l-ITS f’ċertu ħiliet marbuta max-xogħol tal-FAM, u dan minflok mal-kors isir internament. Dan qed jassigura l-ogħla livelli kif ukoll kwalifika rikonoxxuta fi kwalunkwe impjieg ieħor għall-membru tal-FAM. Dan ovvjament b’investiment finanzjarju.

Forzi Armati ta’ Malta – missjonijiet ta’ tiftix ta’ salvataġġ

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm saru sigħat ta’ titjiriet bl-ajruplani u tbaħħir bil-laneċ fuq missjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ matul l-2016? Kemm ġew salvati persuni mill-FAM?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lilll-Onor. Interpellant illi, fil-perijodu msemmi fil-mistoqsija, il-FAM wettqet 64 siegħa ta’ titjir u 1251 siegħa ta’ tbaħħir fuq missjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ. Ġew salvati 1276 persuna.

Persuni li għaddejjin proċeduri kriminali kontrihom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 kemm kien hemm persuni li kienu għaddejjin proċeduri kriminali kontra tagħhom fil-Qorti, imma li ntilfet it-traċċa tagħhom u llum il-pulizija ma tafx fejn huma minkejja li l-proċeduri fil-Qorti għadhom ma ntemmux

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-proċeduri kriminali li ġew mgħajta bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017, u li wħud minnhom ilhom għaddejjin snin fil-Qrati, ħames mija u disgħa u tmenin (589) persuna ntilfu t-traċċi tagħhom minkejja li l-proċeduri fil-Qorti għadhom ma ntemmux. Dawn fil-maġġoranza jinkludu persuni li kienu għaddejjin proċeduri f'seduti, speċjalment dawk tal-ALE li jsiru regolari kull ġimgħa.

Għases – xogħlijiet ta’ manutenzjoni, tiswija u/jew immodernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema għases sar xi xogħol ta’ manutenzjoni tiswija u/jew modernizzar u kemm kienet l-ispiża f'kull waħda minn dawn l-għases bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi hija l-prassi tal-Korp tal-Pulizija li manutenzjoni, tiswijiet jew modernizzar, isir regolarment u kontinwament. Hekk sar fil-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Awwissu, ta' din is-sena. L-akbar xogħol li sar kien fl-Għases taż-Żejtun, ta' Birżebbuġa u ta’ Ħaż-Żabbar, f'liema għases sar xogħol ta’ tisbiħ u modernizzar estensiv. Fir-Rabat , Għawdex, il-Mosta, Raħal Ġdid u l-Imtarfa, barra minn manutenzjoni saru wkoll 'Interviewing Rooms'. Xogħol ieħor sar l-Imsida, l-Isla, Birkirkara, Raħal Ġdid, ĦaŻ-Żebbuġ, Ħal GĦaxaq u Ħal Qormi, Ħal Balzan, u l-Qawra, iż-Żurrrieq u l-Fgura. Ix-xogħol estensiv ta' manutenzjoni u tisbiħ għadu għaddej fl-Għassa ta' San Ġiljan. L-ispiża f'ħafna minn dawn l-Għases kienet konsiderevoli minħabba x-xogħol estensiv li sar fi wħud minnhom u oħrajn fejn ix-xogħol għadu għaddej kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. Il-figuri li jidhru ħdejn kull għassa huwa approssimattiv għax mhux possibbli li jingħata ammont ta' spejjeż preċiż għal kull għassa. Ta’ min jgħid li kważi fl-għasses kollha, ix-xogħol sar “in house”. Lokalità tal-Għassa Ammont minfuq għax-xogħol li sar. (approssimattiv) 1 Isla Euro 1,500 2 Msida Euro 5,000 3 Żejtun Euro 28,800 4 Żabbar Euro 72,000 5 Birżebbuġa Euro 65,000 6 Birkirkara Euro 500 7 Raħal Ġdid Euro 6,000 8 Mosta Euro 3,500 9 Mtarfa Euro 3,500 10 Rabat, GĦawdex Euro 3,500 11 Żebbuġ Euro 2,500 12 Għaxaq Euro 700 13 Qormi Euro 1,800 14 Balzan Euro 1,200 15 San ĠIljan Euro 1,300 (xoghol ikompli) 16 Qawra Euro 800 17 Żurrieq Euro 3,000 18 Fgura Euro 120

Pulizija – ħlas ta’ overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas f’overtime lill-pulizija fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Awwissu 2016 u fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Awwissu 2016 tħallsu €1,933,940.12 f’overtime lill-pulizija filwaqt li għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 tħallsu €2,140,909,45.

Pulizija – ħlas ta’ extra duty

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu f’extra duty il-pulizija fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Awwissu 2016 u fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Jannar 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li għall-perjodu ta’ tmien xhur bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Awwissu 2016 tħallsu €2,142,428.50 f’exra duty filwaqt li għall-perjodu ta’ xahar bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Jannar 2017 tħallsu €308,203.16.

Vetturi tal-pulizija — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu f’manutenzjonijiet fil-vetturi tal-pulizija fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi għall-perjodu bejn Jannar 2017 u Ġunju 2017, intefqu Ewro 153,493 f’manutenzjonijiet fil-vetturi tal-pulizija. Dan l-ammont jinkludi wkoll materjal anke fejn kien hemm il-bżonn li jintuża servizz privat.

Rapporti ta’ persuni li qegħdin fil-pajjiż mingħajr il-permess meħtieġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm rapporti daħlu lill-pulizija dwar persuni li jinsabu fil-pajjiż mingħajr il-permess meħtieġ skont il-liġi fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 il-pulizija tal-Immigrazzjoni kellha mija u tnejn u tletin (132) każ, wara rapporti u spezzjonijiet dwar persuni terzi li nstabu fil-pajjiż mingħajr il-permess meħtieġ skont il-liġi.

San Pawl il-Baħar, Qawra u Buġibba — Persuni li nqabdu jarmu skart barra jew iħammġu - ċitazzjonijiet

Question

Jista’ jekk jogħġbu l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet u ttieħdu passi kontra persuni li nqabdu jarmu skart barra jew inkella nqabdu jħammġu b’xi mod fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, inkluż il-Qawra u Buġibba, bejn Mejju 2013 u Mejju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' ċitazzjonijiet u li ttieħdu passi kontra persuni li kissru l-provedimenti tal-Litter Act fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, inkluż il-Qawra u Buġibba, bejn Mejju 2013 u Mejju 2017 kien ta' mitjen u għoxrin (220).

Forzi Armati ta’ Malta – fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) ibbenefikat minn fondi tal-Unjoni Ewropea minn Marzu 2013 sal-lum u f’kemm il-proġett issarrfu dawn il-fondi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perijodu msemmi, il-FAM ibbenefikat minn €159,855,272 (mija u disa’ u ħamsin miljun, tminn mija u ħamsa u ħamsin elf, mitejn u tnejn u sebgħin ewro) mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għal 23 proġett.

Korp tal-Pulizija – membri – taħriġ fi sparar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-membri tal-Korp tal-Pulizija li ngħataw taħriġ fi sparar mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li matul il-prejodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017, kien hemm 37 Membru tal-Korp li attendew kors ta' taħriġ fi sparar fl-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati. Fl-istess perjodu, il-Membri kollha tal-RIU ingħataw taħriġ fi sparar ukoll. Matul is-snin 2015 u 2016 ammont konsiderevoli ta' Membri tal-Korp ħadu taħriġ fl-użu tal-armi, u dawn kienu madwar elf u ħames mitt membru. Qed jittieħdu l-passi neċessarji biex taħriġ in ġenerali jjiġi intensifikat u jkun aktar regolari.

Rapporti ta’ vjolenzi domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ vjolenza domestika mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 kienu rrappurtati 865 każ ta’ vjolenza domesika.

Persuni mressqa l-Qorti fuq vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ persuni li tressqu l-Qorti akkużati bi vjolenza domestika mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kif diġà ġie mwieġeb f’mistoqsija parlamentari 1464, skont is-sistema elettronika tal-Pulizija kien hemm tmien mija u ħamsa u sittin (865) każ ta’ vjolenza domestika, li ġew irrapurtati lill-pulizija matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġà kien spjegat fi tweġibiet għal mistoqsijiet simili, fil-każijiet fejn irriżulta ksur tal-liġijiet f'rapporti ta’ dawn ir-reati, il-persuni responsabbli jiġu investigati u jittressqu l-Qorti.

Lokalitajiet – rapporti ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ serq ġie rrapurtat fil-lokalitajiet msemmija hawn taħt, lokal b’lokal mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017: a. Valletta; b. Il-Furjana; c. Il-Marsa; d. Il-Ħamrun; e. Santa Venera; f. Raħal Ġdid; g. Ħal Tarxien; h. Ħaż-Żabbar; i. Wied il-Għajn; j. Marsaxlokk; k. Ħal Qormi; l. Ħaż-Żebbuġ; m. L-Imġarr (Malta) n. Ir-Rabat (Malta) o. Ħ’Attard; p. Ħal Balzan; q. Ħal Lija; r. L-Iklin; s. Birkirkara; t. Il-Mosta; u. In-Naxxar; v. Il-Mellieħa; w. Il-Għargħur; x. San Ġwann; y. San Ġiljan; z. Is-Swieqi; aa. Tas-Sliema; bb. Il-Gżira; cc. L-Imsida; dd. Iż-Żejtun; ee. L-Imqabba; ff. Ħal Safi; gg. Ħal Kirkop; hh. Il-Qrendi; ii. Is-Siġġiewi; jj. L-Isla; kk. Bormla; ll. Il-Birgu; mm. Il-Kalkara; nn. San Pawl il-Baħar; u oo. Għawdex kollu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi rapporti ta’ serq li saru fil-lokalitajiet imsemmija f’Malta u Għawdex mill-1 ta’ Jannar 2017 sa 31 ta’ Awwissu 2017, kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni mressqa fuq suspett ta’ traffikar ta’ drogi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ġew arrestati fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 kien hemm 112 persuna, li ġew arrestati fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga.

Persuni mressqa akkużati bi traffikar ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni akkużati bi traffikar ta’ droga bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 tressqu erbgħa u sittin (64) persuna, akkużati bi traffikar ta’ droga.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — nefqa fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz ta’ media (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) fl-2017 xahar b’xahar sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa totali li ntefqet f’reklamar bejn Jannar u Settembru 2017 kienet ta’ €134,027.