Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni f’riskju ta’ faqar

Question

Jista’ l-Minsitru jgħid kemm hawn persuni f’Malta li huma identifikati li qegħdin f’riskju ta’ faqar?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi skont statistika dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Ħajja (EU-SILC) ta’ l-2023, l-istima rigward in-numru ta persuni li huma f riskju ta’ faqar (ARP) hija ta’ 88,462. Din iċ-ċifra tirrelata biss ma’ faqar monetarju, jiġifieri dawk il-persuni li jaqgħu taħt il- poverty line (li fl-2023 kien ta’ €11,364), ekwivalenti għal 60 fil-mija tal- median national equivalised income ta’ persuni li jgħixu fi djar privati.

Ministeru għall-Finanzi — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fid-dekasteru u fis-segretarjat tiegħu li jaħdmu part-time?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’seduta oħra.

Trabi mwielda fl-2023 u fl-2024

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi fis-snin 2023 u 2024 skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO)? Jista’ jgħid ukoll: a. kemm minnhom huma minn ġenituri Maltin; b. kemm minnhom huma minn ġenituri barranin; ċ. kemm minnhom huma minn ġenitur Malti u l-ieħor barrani; d. kemm minnhom huma minn ġenitur single parent Malti; u e. kemm minnhom huma minn ġenitur single parent barrani?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar statistika disponibbli relatata ma’ twelid ħaj ta’ residenti hija għas-sena ta’ referenza 2023. Fl-2023 kien hemm 4,462 twelid ħaj ta’ residenti. Iċ-ċittadinanza tal-ġenituri hija mqassma kif ġej: · Iz-zewġ ġenituri kienu Maltin – 2,688 · Iz-zewġ ġenituri kienu barranin – 1,220 · Ġenitur wieħed kien Malti u ġenitur wieħed barrani – 427 · Ġenitur li welldet kienet Maltija u ġenitur l-ieħor ma ġiex iddikjarat waqt ir-reġistrazzjoni – 64 · Ġenitur li welldet kienet barranija u ġenitur l-ieħor ma ġiex iddikjarat waqt ir-reġistrazzjoni – 27 Is-36 twelid li jifdal ġew estratti minn rekords mizmuma mill-awtoritajiet tas-saħħa. Dan is-sors jiġbor biss informazzjoni dwar il-ġenitur li weldet u għalhekk dawn it-twelid ma jistgħux jiġu kklassifikati kif deskritt hawn fuq.

Karozza elettriċi — Grants

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux kull min se jixtri karozza elettrika qabel l-aħħar ta’ din is-sena, se jieħu l-grant?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi min ser jixtri karozza elettrika ser jieħu l-grant.

Transitional allowance — Rekwiżiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-rekwiżiti biex Ministru jieħu transitional allowance ta’ sena salarju meta jispiċċa mill-kariga tiegħu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Dħul ta’ iktar minn €40,000 – Persuni li rreġistraw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rreġistraw dħul tagħhom bħala ’l fuq minn €40,000 matul is-sena 2020? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu self-employed?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 34,519 persuna li ddikjaraw dħul għal finijiet tat-taxxa li jeċċedi l-€40,000 għas-sena 2020. Minn dawn kien hemm 4,698 li ddikjaraw dħul bħala self-employed.

Airmalta — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu baqgħu ħaddiema mal-Airmalta sal-aħħar ġurnata tal-operazzjoni tagħha?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm 443 il-ħaddiem mal-Airmalta fl-aħħar ġurnata tal-operazzjoni tagħha (30 ta’ Marzu 2024).

KM Malta Airlines – eks ħaddiema tal-Airmalta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li hemm impjegati mal-KM Malta Airlines fuq bażi full time u part time u kemm minnhom huma eks ħaddiema tal-Airmalta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija KM Malta Airlines tħaddem 385 impjegat li minnhom 371 huma fuq bazi full-time filwaqt li 14 huma fuq bazi part-time. Minn dawn 80% huma eks ħaddiema tal-Air Malta.

KM Malta Airlines – Outsourcing contracts

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-outsourcing contracts tal-KM Malta Airlines, x’inhu s-servizz kopert minn dawn il-kuntratti u l-valur ta’ dawn il-kuntratti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

KM Malta Airlines u Airmalta – ġarr ta’ passiġġieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġarret passiġġieri l-KM Malta Airlines fil-perjodu 1/05/2024 sa 30/09/2024 u jgħid kemm-il passiġġier ġarret l-Airmalta fl-istess perjodu fis-sena 2019?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perjodu 1/05/2024 sa 30/09/2024 KM Malta Airlines ġarret 905,295 passiġġier fuq 17 il-rotta; filwaqt fl-istess perjodu fis-sena 2019 l-Air Malta kienet ġarret 1,036,402 passiġġier fuq 40 rotta.

KM Malta Airlines – Ground handling

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hija l-kumpanija li qed tagħmel ix-xogħol tal-ground handling tal-KM Malta Airlines u kif intgħażlet din il-kumpanija u kemm qed titħallas?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija li qed tagħmel ix-xogħol ta’ Ground Handling tal-KM Malta Airlines hija l-Aviation Services Handling Limited. Din hija l-istess kumpanija li f’dawn l-aħħar snin kienet tagħmel ix-xogħol ta’ Ground Handling lil-Air Malta. Ir-rata bazika kuntrattata hija dik ta’ €835 għal kull rotation.

Ministeru għall-Finanzi — Rapporti ta’ fastidju sesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport ta' fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol kien hemm fil-Ministeru jew fl-entitajiet li jaqgħu taħtu, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jipprovdi wkoll l-eżitu u x'passi ttieħdu fuq kull każ?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu tal-Leġislatura XIV 'l hawn, ma kien hemm ebda rapport ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol fil-Ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu.

Dħul mit-tnaqqis tal-pensjonijiet tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu d-dħul tal-Gvern mit-tnaqqis li jsir mill-pensjonijiet tal-anzjani li qegħdin fir-Residenza San Vincenz de Paul, fl-isptarijiet u fid-djar tal-anzjani sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll x'kien id-dħul tal-Gvern għas-snin 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023, maqsuma sena b'sena?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

CIR – Ġbir ta’ Income Tax

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu t-total ta’ income tax li għadu ma nġabarx mis-CIR sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Minn dawn, jista’ jgħid kemm ġejjin minn ċittadini u kemm minn kumpaniji?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ arretrati gross ta’ income tax fil-31 ta’ Diċembru 2023 kien ta’ €1,079,346,907. Minn dan l-ammont hemm €885,605,819 li huwa meqjus bħala ammont li ma jistax jinġabar, għax jikkonsisti prinċipalment fi stimi ta’ taxxa li ġew iġġenerati wara nuqqas li tintbagħat il-formola tal-income tax. Huwa stmat li 60% ta’ dan il-bilanċ ġej minn kumpaniji.

Ġbir ta’ VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu t-total ta’ VAT li għadu ma nġabarx?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ arretrati gross fil-31 ta’ Diċembru 2023 kien ta’ €4,837,387,908. Minn dan l-ammont hemm €4,469,947,885 li huwa meqjus bħala ammont li ma jistax jinġabar għax jikkonsisti prinċipalment fi stimi ta’ taxxa li ġew iġġenerati wara nuqqas li tintbagħat il-formola tal-VAT.

Airmalta – Voluntary Retirement Scheme — Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat għall-Voluntary Retirement Scheme u skemi oħra maħruġa għall-impjegati tal-Airmalta tul l-2023 u l-2024 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm-il persuna rtirat taħt dawn l-iskemi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2023 ma ġiet offruta ebda skema mill-kumpanija Airmalta filwaqt li fis-sena 2024, 49 ħaddiem applikaw għall-iskema Voluntary Employee Transfer Scheme.

Airmalta – Voluntary Retirement Scheme – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa totali taħt il-Voluntary Retirement Scheme u skemi maħruġa għall-irtirar ta’ ħaddiema tal-Airmalta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Finanzi — Konsulenti/Persons of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux konsulenti jew persons of trust li jaħdmu fil-Ministeru tiegħu? Jekk hemm, jista’ jgħid kemm huma mill-Unjoni Ewropea u kemm huma Third Country Nationals?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti/persons of trust jiġu impjegati skont il-manwali li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-preżent il-konsulenti u l-persons of trust li jaħdmu fil-Ministeru għall-Finanzi huma kollha ċittadini Maltin.

FIAU — Sanzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-2018 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) ħarġux xi deċiżjonijiet fejn imponew xi forma ta’ sanzjoni irrespettivament tal-mod kif deskritta fuq entità li hi stabbilita oltre l-ġurisdizzjoni Maltija?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2108 sal-ġurnata tal-lum, l-FIAU ma ħarġet ebda deċizjoni fejn imponiet xi forma ta’ sanzjoni fuq entita li hi stabbilita oltre l-ġurisdizzjoni Maltija.