Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skema ‘Nikru biex Nassistu’ – miżuri ta’ trasparenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’liema miżuri tat-trasparenza qed tinħadem l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Awtorita` tad-Djar ħatret Bord Indipendenti sabiex jistħarreġ l-applikazzjonijiet milqugħa. Il-każijiet milqugħa, li jirrispettaw il-kriterji stabbiliti fil-Gazzetta tal-Gvern u l-parametri tal-kirja stabbiliti mill-Awtorita` tad-Djar, jiġu riferuti lill-bord kompost minn Chairman, tlett periti, avukat u membru ieħor, flimkien mas-Segretarju tal-Bord. L-Avukat janalizza l-kuntratti sottomessi mal-applikazzjoni u jagħti l-opinjoni tiegħu rigward it-titlu tal-proprjeta`, filwaqt illi wieħed mill-Periti jispezzjona l-proprjeta` u jagħti r-rakomandazzjonijiet tiegħu rigward il-kundizzjoni tal-proprjeta` u jagħmel stima tal-kirja xierqa. Wara li jsir ir-rapport tal-Perit u tal-Avukat, il-bord jerġa’ jiltaqa’ u jagħmel rapport finali bir-rakomandazzjonijiet tiegħu. L-Awtorita` tad-Djar tkompli bil-proċess tal-għażla skont ir-rakomandazzjonijiet tal-bord.

Skema ‘Nikru biex Nassistu’ – kopja tal-kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti li saru s’issa fl-iskema ‘Nikru biex Nassistu’?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-kuntratti mitluba minnu jinkludu informazzjoni personali, dwar l-individwi li applikaw għall-iskema u għalhekk l-Awtorità tad-Djar ma tħossx illi għandha tgħaddi din l-informazzjoni, sakemm ma jkunx hemm l-kunsens tal-individwi kkonċernati.

Awtorità tad-Djar – postijiet mikrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid dawk l-inkwilini li jgħixu f’postijiet mikrija mis-settur privat imma amministrati mill-Awtorità tad-Djar, x’se jiġri minnhom meta l-kuntratti tal-għaxar snin jiskadu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ din l-iskema, fi tmiem il-kirja, l-Awtorità tad-Djar bi ftehim mas-sidien, ikollha d-dritt tal-ewwel rifjut, wara li jerġgħu jiġu re-negozjati l-kuntratti.

Awtorità tad-Djar – skemi li joffru assistenza finanzjarja għar-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni applikaw quddiem l-Awtorità tad-Djar għall-iskema li toffri assistenza finanzjarja għar-residenzi mhux użati? Kemm huwa l-budget għal din l-iskema?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn mindu daħlet fis-seħħ l-iskema tar-Restawr fuq Postijiet Battala, l-Awtorità tad-Djar irċeviet 26 applikazzjoni. Il-budget għas-sena kurrenti huwa ta’ €700,000 fuq xogħlijiet ta’ restawr u €70,000 fuq kirjiet relatati ma’ dawn id-djar.

Housing soċjali – residenzi privati — skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt sar għall-iskema fejn jiġu rranġati residenzi privati u offruti għall-iskop ta’ housing soċjali? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kull kuntratt?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, minn meta fetħet din l-iskema, sa Settembru 2018, ġew sottomessi 26 applikazzjoni, għall-għotja ta’ restawr fuq proprjeta` residenzjali, li tkun vojta u ta’ livell mhux aċċettabli. L-iskema hija intiża, sabiex tħeġġeg sidien ta’ din il-proprjeta`, jinvestu fir-restawr tagħha, biex din tiġi mikrija lill-Awtorita’ tad-Djar, għal skop ta’ akkomodazzjoni soċjali. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, minħabba li l-kuntratti jinkludu informazzjoni personali dwar l-individwi li applikaw għall-iskema, l-Awtorità tad-Djar ma tħossx li għandha tgħaddi din l-informazzjoni sakemm ma jkunx hemm il-kunsens tal-individwi kkonċernati.

Akkomodazzjonijiet Soċjali — Persuni b’Nuqqas ta’ Saħħa Mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti minn persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li qed jistennew post għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fid-dawl li l-kriterja tal-eliġġibiltà ma tagħmilx referenza speċifika għall-persuni li għandhom sfidi u problemi ta’ saħħa mentali, l-Awtorità tad-Djar m’għandiex din l-istatistika.

Persuni b’diżabilità – skemi ta’ għajnuna għall-xogħlijiet fir-residenza tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskemi li taħthom jiġu megħjuna persuni b’diżabilità sabiex ikunu jistgħu jwettqu xogħlijiet fir-residenza tagħhom? Jista’ jindika wkoll liema huma l-iskemi li jagħtu għajnuna finanzjarja u anke liema skemi li jagħtu għajnuna teknika, u jgħid kemm-il applikazzjoni rċeviet l-Awtorità tad-Djar matul dawn l-aħħar tliet snin, kemm minnhom ġew milqugħa u kemm kien it-total tal-għotjiet finanzjarji f’dawn is-snin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-AwtoritÀ tad-Djar għandha skema speċifikament intiża biex tgħin lill-persuni b’diżabilitÀ, jagħmlu t-tibdiliet neċessarji fir-residenza tagħhom skont l-bżonnijiet tal-persuna. Persuna b’diżabilitÀ tista’ wkoll tibbenefika mill-iskema miftuħa, għall-Irranġar u Titjieb sabiex isiru xogħlijiet diversi. It-tabella t’hawn taħt turi l-informazzjoni mitluba fuq l-applikazzjonijiet imsemmija ; Sena 2016 2017 2018* Applikazzjonijiet Riċevuti 218 146 141 Applikazzjonijiet Milqugħa 153 106 65 Għotjiet Finanzjarji €543,753 €553,903 €416,045 *sa Ottubru 2018

Persuni b’diżabilità – għajnuna għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni b’diżabilità jingħatawx għajnuna sabiex ikunu jistgħu jaċċedu għall-akkomodazzjoni soċjali, u jindika liema huma l-kriterji li tali persuni jridu jissodisfaw sabiex l-applikazzjoni tagħhom tkun valida, u jgħid ukoll kemm-il applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali hemm pendenti quddiem l-Awtorità minn persuni b’diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kull individwu li japplika għall-akkomodazzjoni soċjali, jeħtieġ li jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Awtorità tad-Djar. Fil-preżent l-Awtorita` tad-Djar għandha 181 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali minn persuni b’diżabilità.

Awtorità tad-Djar – akkomodazzjoni soċjali għall-persuni b’diżabilità fiżiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex akkomodazzjonijiet soċjali li huma aċċessibbli u mgħammra għal persuni b’diżabilitajiet fiżiċi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar tara li talloka postijiet skont il-bżonnijiet tal-applikant. Madankollu, f’każ li l-proprjetà ma tkunx mgħammra għall-bżonnijiet kollha, u l-inkwilin ikollu bżonn aktar aċċessibilità, l-inkwilin jista’ jagħmel talba lill-Awtorità biex isiru x-xogħlijiet neċessarji u adegwati għall-persuni b’diżabilitajiet fiżiċi.

Miżuri għal persuni li jixtiequ jsiru sidien ta’ darhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri għamel ġodda, biex jagħti sostenn lil min jikri u jixtieq isir sid ta’ daru?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fi Frar 2014 ġiet imħabbra skema bl-isem ta’ Sir Sid Darek, li permezz tagħha inkwilin ġewwa proprjeta` tal-Awtorita` tad-Djar jew tal-Gvern jista’ japplika sabiex jixtri l-fond u b’hekk isir sid ta’ daru. Taħt din l-iskema jingħata sussidju ta’ 50% fuq il-prezz, f’każ li persuna ma jkollix assi aktar minn €150,000. L-Awtorita` tad-Djar, b’kollaborazzjoni mall-APS Bank u l-Foundation for Social Welfare Services, ipparteċipat fi Skema mħabbra fl-2017, fejn persuni setgħu jixtru proprjeta` residenzjali għall-użu personali tagħhom u b’hekk isiru sidien ta’ darhom. Permezz ta’ din l-iskema, l-applikanti setgħu jieħdu self mill-APS sa’ massimu ta’ €100,000. Fi Frar 2018, l-Awtorita` din id-darba b’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta u l-Foundation for Social Welfare Services, varat skema fejn il-Bank jagħti self sa massimu ta’ €120,000 sabiex tinxtara proprjeta` fi stat finished, on plan u fi stat shell, lill-applikanti li jixtiequ jsiru sidien ta’ darhom. Taħt iż-żewġ skemi jingħata sussidju sa massimu ta’ €2,000 fis-sena fejn dan jiġi depożitat fis-self mogħti lill-applikanti. Permezz tal-iskema mħabbra f’Jannar tas-sena 2017, l-Awtorita` tad-Djar qegħda tagħti sussidju sa massimu ta’ €2,000 fis-sena, lill-inkwilini li qegħdin jikru proprjeta` mill-privat. Is-sussidju jinagħta skont il-kobor tal-familja kif ukoll id-dħul tal-applikanti.

Qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ħa mill-elezzjoni ‘l hawn biex ikabbar il-ħidma tiegħu fil-Qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Gvern jemmen fid-dritt għall-akkomodazzjoni diċenti għall-kulħadd. Din il-viżjoni, qed tħares li toħloq sistema ta’ akkomodazzjoni għal futur tal-pajjiż, fejn tara r-relazzjoni bejn il-familja u d-dar minn lenti ħolistika u kif id-dar u l-familja qed jiġu affetwati mill-ekonomija, ambjent u aspetti kulturali. Din il-viżjoni ħolistika, hija ibbażata fuq sistema ta’ ippjanar li toħloq ambjent soċjali, inklussiv u sigur għal kulħadd, billi toffri aċċess tajjeb għal servizzi pubbliċi, faċilitajiet u spazji miftuħin. Din is-sistema ħolstika, se toħloq faxx ta’ akkomodazzjoni affordabbli, li jkun imqabbad ma benefiċċji u programmi speċifiċi biex jgħinu lil persuni fi bżonn, isiru sidien ta’ darhom. L-għan huwa li tinħoloq sistema, fejn il-persuni jkunu jistgħu jimxu minn akkomodazzjoni soċjali għal dik affordabbli. Għalhekk, il-ħidma tal-Gvern f’dan is-settur, hija ffukkata li jiżdiedu l-alternativvi affordabbli fis-suq in ġenerali. B’aktar alternattivi affordabbli biss, nistgħu niffaċiltaw mobilita’ soċjali li ma tħalli lil ħadd warajha, kemm żagħżagħ, familji u nies anzjani.

Awtorità tad-Djar – sussidju tal-kera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’liema mod, l-Awtorità tad-Djar wessgħat it-threshold sabiex aktar persuni jikkwalifikaw għas-sussidju tal-kera?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant illi f’Jannar 2018, l-Awtorita` tad-Djar ħabbret li it- threshold tad-dħul tal-applikanti taħt l-iskema tas-sussidju tal-kera jiġi mwessa, sabiex nilħqu aktar familji, skont id-dħul annwali tagħhom, kif qed ikun elenkat fit-tabella t’hawn taħt, wara li ġiet imħabbra din l-mi¿ura. Kategorija Dħul Annwali Totali Għas-sena Bażi Kalendarja Sussidju Massimu Mħallas fis-sena Qabel 2018 € Wara Jannar 2018 € € Persuna li tgħix waħedha A 0,000 – 8,600 0,000 – 12,000 1,600 B 8,601 – 9,600 12,001 – 13,000 1,300 C 9,601 – 13,600 13,001 – 14,000 1,100 Familja ta’ 2 persuni (adulti) A 0,000 – 16,000 0,000 – 18,000 1,900 B 16,001 – 20,000 18,001 – 20,000 1,700 C 20,001 – 21,000 20,001 – 22,000 1,500 Familja ta’ 3 membri u aktar (familji bi tfal) A 0,000 – 19,000 0,000 – 20,000 2,000 B 19,001 – 20,000 20,001 – 21,000 1,800 C 20,001 – 21,000 21,001 – 22,000 1,600 D 21,001 – 22,000 22,001 – 23,000 1,400 E 22,001 – 23,000 25,001 – 26,000 1,200

Awtorità tad-Djar — Sussidju tal-kera - anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’liema mod, l-anzjani li għandhom 65 sena u aktar se jingħataw threshold speċjali sabiex jibbenefikaw aktar għal sussidju tal-kera?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant illi, f’Jannar 2018, l-Awtorita` tad-Djar ħabbret li it- threshold tad-dħul tal-applikanti li għandhom ‘l fuq minn 65 sena, taħt l-iskema tas-sussidju tal-kera, jiġi mwessa’, kif qed ikun elenkat fit-tabella t’hawn taħt, wara li ġiet imħabbra din l-miżura. Kategorija Dħul Annwu Totali Għas-sena Bażi Kalendarja Sussidju Massimu Mħallas fis-sena Qabel 2018 € Wara Jannar 2018 € € Persuna li tgħix waħedha A 0,000 – 8,600 0,000 – 14,000 1,600 B 8,601 – 9,600 14,001 – 15,000 1,300 C 9,601 – 13,600 15,001 – 16,000 1,100 Familja ta’ 2 persuni (adulti) A 0,000 – 16,000 0,000 – 20,000 1,900 B 16,001 – 20,000 20,001 – 22,000 1,700 C 20,001 – 21,000 22,001 – 24,000 1,500 Familja ta’ 3 membri u aktar (familji bi tfal) A 0,000 – 19,000 0,000 – 22,000 2,000 B 19,001 – 20,000 22,001 – 23,000 1,800 C 20,001 – 21,000 23,001 – 24,000 1,600 D 21,001 – 22,000 24,001 – 25,000 1,400 E 22,001 – 23,000 25,001 – 26,000 1,200

Kummissjoni Nazzjonali Għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità – approvazzjoni għax-xogħol fuq bankina fuq il-pont tal-Mistra

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità għax-xogħlijiet li saru reċentement minn Transport Malta fuq il-bankina li tinsab fuq iż-żewġ naħat tat-triq ta' fuq il-Pont tal-Mistra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità ma tapprovax proġetti jew pjanti, iżda sservi bħala waħda mill-entitajiet illi l-Awtorità tal-Ippjanar tikkonsulta magħha. Għal dan il-għan, meta mitluba, hija tindika jekk għandhiex oġġezzjoni jew le għall-pjanti li jiġu sottomessi lilha.

Naxxar – Proġett Reach – Pjanti protetti

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk fuq is-sit fin-Naxxar fejn bħalissa għaddejjin xogħlijiet mal-proġett "Reach " ( PA 04152/16) kienx hemm xi problemi relatati mal-qerda ta' speċi ta' pjanti protetti jew inkella kumplikazzjonijiet oħra li setgħu nqalgħu waqt li kien qiegħed isir tħaffir/skavar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, waqt ix-xogħlijiet fuq is-sit tal-proġett REACH fin-Naxxar, ma kienx hemm qerda ta’ speċi protetti u lanqas kumpikazzjonijiet oħra matul il-proċess ta’ skavar.

Kirjiet Kummerċjali Protetti

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kemm hawn kirjiet kummerċjali protetti li se jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili u li l-protezzjoni tagħhom tintemm fis-sena 2028? Jista’ jqassam dawn bil-lokalità fejn jinsabu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex tirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Proġetti ġodda — appartamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fil-preżent, liema huma l-proġetti l-ġodda li qegħdin fi stat ta’ kostruzzjoni? F’liema lokalitajiet jinsabu? Għal liema kategorija qed jinbnew u kemm hemm appartamenti f’kull binja?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent għaddejjin numru ta’ proġetti ġodda għall-bini ta’ 687 appartament imferrxin ma’ sittax il-lokalitá differenti. Il-proġetti li jinsabu fi stat ta’ kostruzzjoni huma dawk li jinsabu, Birkirkara u s-Siġġiewi. Fil-lokalitá ta’ Birkirkara, ser jinbdew 73 appartment, filwaqt illi fil-lokalitá tas-Siġġiewi ser jinbnew 84 appartament ġdid.