Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tagħlim tal-Lingwa Maltija bħala lingwa barranija – Suġġetti oħra bil-Malti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk suġġetti mgħallma bil-Malti, bħal Studji Soċjali, Ġeografija u Storja, humiex se jibqgħu jiġu mgħallma bil-Malti fil-klassijiet li jinkludu studenti li qegħdin isegwu t-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija u jekk l-assessjar ta’ dawn is-suġġetti huwiex se jkun kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li din is-sitwazzjoni diġà qed toħloq numru ta’ sfidi fi klassijiet fejn hemm numru ta’ studenti li ma jafux il-Malti. Il-programm tal-Malti bħala lingwa barranija jista’ ikun parti minn soluzzjoni għal dawn is-sitwazzjonijiet.

Tagħlim tal-Lingwa Maltija bħala lingwa barranija – kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jelenka fuq liema kriterji se tittieħed deċiżjoni sabiex student jitgħallem il-Malti bħala lingwa barranija u jgħid min se jieħu dik id-deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5970.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – social media advertising — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq social media advertising, però maqsuma skont Facebook, Instagram, YouTube, Twitter, Google eċċ, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġett ta’ tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija – laqgħat ta’ konsulenza ma’ stakeholders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa ta’ konsultazzjoni żamm ma’ stakeholders u ma’ konsulenti qabel ma’ vara l-proġett ta’ tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija parallela mat-tagħlim tal-Malti bħala l-lingwa nazzjonali? Jekk inżammet konsultazzjoni, jista’ jgħid ma’ min iltaqa’ kemm bħala stakeholders kif ukoll bħala konsulenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm tal-Malti bħala lingwa barranija tfassal waqt il-proċess tal-formulazzjoni tal-Learning Outcomes Framework. Dan il-proċess kien jinkludi proċess twil ta’ konsultazzjoni onlajn permezz tas-sit elettroniku http://www.schoolslearningoutcomes.edu.mt. Permezz ta’ dan is-sit, kulħadd kellu l-opportunità jagħti l-feedback tiegħu dwar il-programm. Saret ukoll konsultazzjoni wiesgħa u estensiva dwar dan il-qasam fit-tfassil tal-Profil ta’ Politika Lingwisitka għall-Edukazzjoni li saret bl-għajnuna u l-kontribut tal-Kunsill tal-Ewropa: https://www.coe.int/t/dg4/linguistic/Source/Profile-Malta_final2015_EN.pdf

Qasam tal-Lingwa tal-Malti – laqgħat ma’ stakeholders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex se jiltaqa’ ma’ stakeholders fil-qasam tal-Lingwa tal-Malti u jżomm diskussjonijiet magħhom dwar it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija parallela mat-tagħlim tal-Malti bħala lingwa nazzjonali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Iva, dawn diġà bdew isiru u hemm il-ħsieb li jsiru iktar laqgħat ta’ dan it-tip.

Tagħlim tal-Lingwa Maltija bħala lingwa barranija — kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk l-istudenti li se jkunu qegħdin jikkwalifikaw sabiex jitgħallmu l-Malti bħala lingwa barranija, u jindika jekk dawn jinkludix persuni li jkollom iċ-ċittadinanza Maltija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru digà spjega l-kunċett u d-dettalji relatati f’PR180654, PR180672 u PR180684 u se jkun qed jiffinalizza t-termini ta’ kwalifiċi waqt laqgħat tekniċi mal-istakeholders.

Tagħlim tal-Lingwa Maltija bħala lingwa barranija – ulied b’ġenitur barrani u ieħor Malti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tfal ta’ ġenituri fejn ġenitur ikun barrani u l-ieħor Malti, humiex se jitqiesu biex jikkwalifikaw għat-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija minflok bħala l-lingwa nazzjonali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 5970 li l-Ministeru se jkun qed jiffinalizza t-termini ta’ kwalifiċi waqt laqgħat tekniċi mal-istakeholders.

Tagħlim tal-Lingwa Maltija bħala lingwa barranija — tfal li ilhom fis-sistema edukattiva ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tfal imwielda f’Malta lill-ġenituri barranin iżda li ilhom fis-sistema edukattiva ta’ Malta, humiex se jitqiesu li jikkwalifikaw għat-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija jew humiex se jitqiesu bħala li għandhom jitħallew isegwu s-sillabu tal-Malti fil-Livell Ordinarju tal-Matsec?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 5970 li t-termini ta’ kwalifiċi qed jiġu ffinalizzati waqt laqgħat tekniċi mal-istakeholders.

Tagħlim tal-Lingwa Maltija bħala lingwa barranija — età

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mil-liema età se jibda jiġi offrut it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija? Kemm se jkun hemm lezzjonijiet f’ġimgħa għal dan it-tagħlim? X’taħriġ ingħata jew se jingħataw l-għalliema ta’ dan is-suġġett u x’riżorsi se jingħataw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi għad-dettalji kollha tal-livelli kollha tal-progamm fuq is-sit elettroniku http://www.schoolslearningoutcomes.edu.mt/mt/
Leg 13 PQ #5981 Sitting 124 2018-06-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għalliema tar-Reliġjon

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bżonn ta’ għalliema ġodda tar-Reliġjon fis-sena skolastika li jmiss? Kemm applikaw għalliema tar-Reliġjon u kemm biħsiebu jdaħħal il-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għar-Riżorsi Edukattivi bħalissa qiegħed fil-proċess li jiddetermina l-bżonnijiet tal-iskejjel tal-Istat għas-sena skolastika 2018/19. Waqt dan il-proċess jiġu wkoll ikkunsidrati t-talbiet tal-edukaturi għal ċaqliq minn skola għal oħra. Għal dawk li huma għalliema, dan il-proċess jingħalaq fl-aħħar ta’ Ġunju 2018. Ikun f’dan l-istadju li nkunu nafu eżattament kemm għandna bżonn nimpjegaw għalliema għal kull suġġett. Din is-sena applikaw disa’ persuni bħala għalliema tar-Reliġjon.

Work permit — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn jidher li l-file tagħha qiegħed għand il-Jobsplus u tixtieq li jitħaffef il-proċess għall-work permit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Jobsplus hija fid-dmir li tuża kull kawtela u żmien neċessarju sabiex tassigura li l-proċess tal-permessi għax-xogħol isir b’reqqa bla ebda interferenza jew indħil.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #5889 Sitting 121 2018-05-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Rabat Għawdex – Triq Varjinga — Arkivju Nazzjonali u l-Librerija – fire alarm

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2185, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet u jekk twaħħalx il-fire alarm li kellu jsir fl-Arkivju Nazzjonali u l-Librerija fi Triq Vajringa fir-Rabat, Għawdex u dan kif kien indika sena ilu fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27782 tat-12-il Leġiżlatura? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni jekk dan ix-xogħol għadu ma sarx, issa li għadda tant żmien? Ma jaħsibx li hemm periklu serju għal tant dokumenti importanti li hemm f'dan il-post?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li rigward fire safety ġew iċċekkjati l-fire extinguishers kollha li jinsabu fil-Librerija Nazzjonali fejn ġie evalwat liema ċilindri jridu jinbidlu, liema għandhom bżonn service u jekk hemmx bżonn li jinxtraw oħrajn ġodda. Infurmat ukoll li Malta Libraries qed jagħmlu użu minn servizz professjonali ta’ Inġiniera biex jaraw x’potenzjal hemm fil-binja msemmija, biex ikunu jistgħu jitwaħħlu cameras tas-sigurtà. Bħalissa dawn l-inġiniera qed jaħdmu fuq lista ta’ rekwiżiti tekniċi biex tkun tista’ tinħareġ it-tender. Peress li l-Arkivji Nazzjonali f’Għawdex joperaw f’parti mill-binja tal-Librerija Nazzjonali, il-proċess fl-Arkivji Nazzjonali ser ikun ukoll parti minn din il-ħidma.
Leg 13 PQ #5836 Sitting 120 2018-05-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skola Primarja Nadur — maintenance

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-maintenance tant meħtieġ fl-Iskola Primarja tan-Nadur peress li hemm partijiet sostanzjali minn din l-iskola li jinsabu fi stat ħażin? Jista' jgħid għaliex dan il-maintenance li kien previst li jsir fl-aħħar tliet snin, , qatt ma sar? Jista' jgħix x'maintenance hemm ippjanat għal din l-Iskola Primarja u meta hu mistenni li jinbeda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada għaddejja bil-proċess biex jintgħażel perit li se jkun qiegħed jaħdem fuq il-proġett ta' tisbiħ estensiv tal-Iskola Primarja fin-Nadur.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — persuni li huma maħtura bħala Kummissjunarji

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni fil-Ministeru inkluż f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-kariga ta' kull waħda minn dawn il-persuni u dwar xiex jingħataw il-ġuramenti quddiem kull waħda mill-imsemmija persuni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol hemm persuna waħda li għandha r-rwol ta' Commissioner for Oaths. Din il-persuna taħdem fl-Arkivji Nazzjonali.

Residenza San Vinċenz de Paule – servizz ta’ childcare centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi offrut servizz ta’ childcare ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s'issa mhemmx il-ħsieb li jinfetaħ dan iċ-ċentru.
Leg 13 PQ #5785 Sitting 119 2018-05-28 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Community Work Scheme — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm ħaddiema fil-Community Work Scheme ġewwa Għawdex u Malta li jagħmlu xogħol klerikali, xogħol ta’ messaġġier/a, xogħol ta’ telephone operator u xogħol ta’ cleaner? F’kull każ, jista’ l-Ministru jgħid ingħatawx xi forma ta’ kors, u jekk fl-affermattiv x'tip ta’ kors ingħataw? X’tip ta’ korsijiet hemm ippjanati li jingħataw lill-ħaddiema ta' din l-iskema matul is-sena 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li f’Jannar 2018 kien hemm total ta’ 839 parteċipant fil-Community Work Scheme - 503 f’Malta u 336 f’Għawdex. Minn dawn kien hemm: Malta Għawdex Xogħol klerikali 24 26 Xogħol ta’ messaġġier 11 3 Xogħol ta’ receptionist/Tel. Operator 23 9 Xogħol ta’ cleaner 237 112 Huwa min iħaddem li jara li l-ħiliet ta’ l-individwu huma adegwati għax-xogħol li jsir. Il-Jobsplus ma żżomm l-ebda informazzjoni dwar taħriġ li qed jieħdu dawn il-ħaddiema li huma ingaġġati ma’ employer privat.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – event organisation for promotional and communications realted events — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal event organisation for promotional and communications related events, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif speċifiku mitlub diffiċli li jinġabar mingħajr ma jkun jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati. L-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili.
Leg 13 PQ #5793 Sitting 117 2018-05-24 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Tim Nazzjonali tan-Netball – għajnuna finanzjarja minn SportMalta

Question

Jista' l-Ministru jara li tingħata għajnuna finanzjarja minn SportMalta biex it-tim nazzjonali tan-netball jieħu sehem fl-avveniment sportiv tan-Netball Europe Under 21 Challenge Section f'Ottubru li ġej?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat minn SportMalta li l-Assoċjazzjoni tan-Netball ma għamlet l-ebda talba għal assistenza għall-2018 u għaldaqstant ma hemm l-ebda talba pendenti għal tali assistenza. Ninforma wkoll lill-Onorevoli interpellant li l-Gvern kien u għadu kommess li jassisti għaqdiet sportivi fil-parteċipazzjoni tagħhom f’avvenimenti internazzjonali. Il-Bord ikun jista’ jevalwa t-talba tal-Assoċjazzjoni ladarba ssir tali talba, skont il-proċedura.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – promotional material — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq promotional material (brochures, websites, flyers, mailshots eċċ) minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.