Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport skolastiku — Dokumenti fiskali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu biex matul is-sena finanzjarja 2008 ma jigix ripetut in-nuqqas gravi li kuntratturi tas-servizz tat-trasport skolastiku ma jgħaddux id-dokumenti fiskali neċessarji meta jressqu t-talbiet tagħhom għall-ħlas tas-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul l-2008 kien kuntrattur wieħed li ma kienx qiegħed jibgħat l-irċevuti fiskali. Dan il-kuntrattur bagħat l-irċevuti kollha neqsin din is-sena. Il-kuntratturi l-oħrajn kollha qegħdin jibagħtu l-irċevuti fiskali.

School Transport Section

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena skolastika kurrenti kemm hemm persuni jaħdmu fl-School Transport Section? Kermm minnhom huma uffiċjali pubbliċi u kemm minnhom m'humiex u dawk li m'humiex x’tip ta’ relazzjoni kuntrattwali għandhom mal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din is-sena ir-responsabbilta’ tat-tmexxija tat-trasport ta’ l-iskejjel ġiet mifruxa fuq diversi sezzjonijiet tad-Direttorat. Jagħtu sehem fl-andament tal-Unit hemm żewġ persuni mis-sezzjoni ta’ l-Accounts, Assistent Direttur mis-sezzjoni tal-Finanzi, il-Customer Care Unit u żewġ persuni mid-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta’ Riżorsi ta’ l-Iskejjel. Jagħtu sehem separat uffiċjali mill-iskejjel tal-Gvern taħt il-ħarsien tal-Prinċipali tal-Kulleġġi. Fil-preżent, ix-xogħol hu koordinat mid-Direttur għall-Immaniġġjar ta’ Riżorsi ta’ l-Iskejjel, fl-assenza ta’ Service Manager responsabbli għall-Educational Services tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Dawn il-persuni kollha huma uffiċjali pubbliċi minbarra persuna waħda li għandha l-grad ta’ Enforcement Officer II u hija mislufa lid-Direttorat mill-ADT.

Trasport skolastiku — Ħlas

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi qed jittieħdu biex kuntratturi tas-servizz tat-trasport skolastiku jitħallsu tas-servizz tat-trasport li jipprovdu iżda mhux iżjed milli jipprovdu kif hemm indikat li baqa’ jiġri mis-sena 2002 sal-lum skond kif indikat fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur għas-sena 2007 f’paġna 97 taħt ‘Invoicing and Issuing of Payments’?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fir-rigward tal-invoices li jintbagħtu mill-kuntratturi tat-trasport għall-iskejjel qed isir checking kemm mis-Sezzjoni tat-Trasport ta’ l-Iskejjel fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u kemm mill-Assistent Direttur (Servizzi Finanzjarji) biex jiġi żgurat li l-invoices jkunu korretti. Barra minnhekk, qed jiġi applikat software ġdid li l-għan tiegħu huwa li jinkludi aktar informazzjoni biex jiġi evitat li jsiru pagamenti żejda. Ġew organizzati laqgħat mall-kapijiet u assistenti kapijiet ta’ l-iskejjel kif wkoll mas-segretarji ta’ l-istess skejjel fejn ingħataw informazzjoni dwar it-tħaddim ta’ dan is- software . Għal dan il-għan l-iskejjel ġew mitluba biex jgħatu aktar informazzjoni preċiża rigward il-vjaġġi li jkunu saru mill-kuntratturi. Is-Sessjoni tat-Trasport ta’ l-Iskejjel qed tkompli tinforma lis-Sezzjoni ta’ l- Accounts bil-bidliet kollha li jkun hemm matul is-sena.

School Transport Section — Ħlasijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhuma d-dmirijiet differenti li għandhom il-persuni li jaħdmu fl-Ischool Transport Section u min huwa nkarigat biex jivverifika l-ħlasijiet li jsiru minn din is-sezzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-rekords li jinġabru matul ix-xahar fl-iskejjel jintbagħtu lid-Direttorat eżatt kif jispiċċa x-xahar. Kopja diġitali minn kull skola tintbagħat lill-uffiċjali fis-Sezzjoni ta’ l-Accounts li jaħdmu database globali bir-rekords kollha. Kopja oħra stampata, iffirmata mill-Prinċipal tal-Kulleġġ, tintbagħat lid-Dipartiment għall-Immaniġġjar tar-Riżorsi ta’ l-Iskejjel. Din il-kopja tiġi iċċekjata mar-rekords u l-complaints li jkunu nġabru matul ix-xahar sew mill-Uffiċċju tat-Trasport, kif wkoll mill-Customer Care Unit. Jiġu applikati l-penali skond in-nuqqasijiet kommessi li wara jiġu diskussi u approvati mid-Direttur responsabbli. Dawn il-kopji stampati, flimkien mal-penali approvati skond il-ftehim bejn l-operaturi u d-Direttorat, jgħaddu għand l-Accounts Section, li wara li jagħmlu cross-checking mar-rekords globali, jaħdmu l-ħlasijiet. L-Assistent Direttur responsabbli mill-Finanzi jagħmel random checks tal-kontijiet li jgħaddu għal ħlas.

Servizz tat-trasport skolastiku — Overpayments

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inġabru lura mill-overpayments fis-sena finanzjarja 2007 li saru lill-kuntratturi li jipprovdu s-servizz tat-trasport skolastiku? Kemm jonqos jinġabru u x’qed isir biex jinġabru? X’verifika saret dwar jekk sarux overpayments simili fis-sena finanzjarja 2008 u x’passi ttieħdu jekk instab li saru overpayments?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ħafna mill-overpayments indikati mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Awditur irriżultaw li ma kienux, infatti, overpayments, fejn irriżulta li saru overpayments, dawn ġew miġbura. Fil-fatt inġabru €16,791. Mill-bidu tas-sena finanzjarja 2008, beda jsir checking mill-Assistent Direttur (Servizzi Finanzjarji) u fil-bidu tas-sena skolastika 2008/09 beda jiġi applikat software ġdid li l-għan tiegħu huwa li jinkludi aktar informazzjoni biex jiġi evitat li jsiru pagamenti żejda. Għal dan il-għan l-iskejjel ġew mitluba jagħtu aktar informazzjoni preċiża rigward il-vjaġġi li jkunu saru mill-kuntratturi.

Trasport skolastiku — Servizz

Question

Tista' l-Ministru tara li jingħata rendikont fid-dettal dwar x’passi ttieħdu dwar il-11-il rakkmandazzjoni fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur (pagni 97 – 99) dwar tmexxija aħjar u kontroll finanzjarju aħjar tas-servizz tat-trasport skolastiku? X’passi jonqos jittieħdu biex dawk ir-rakkmandazzjonijiet jitwettqu kollha b’mod sodisfaċenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Libreriji pubbliċi — żieda fil-kotba

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inxtraw kotba ġodda għal-libreriji pubbliċi matul is-sena 2008? Kemm kienet din l-ispiża? Kemm żdiedu l-kotba fil-libreriji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul is-sena 2008 inxtraw 1,084 ktieb ġdid għall-Libreriji Pubbliċi. L-ispiża għal dan kienet ta’ Ewro 10,148. Minbarra dawn il-kotba kien hemm 22,113-il ktieb mogħtija bħala donazzjoni u b’hekk iż-żieda totali ta’ kotba fil-libreriji kienet ta’ 23,197.

Libreriji pubbliċi — self ta' kotba

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew mislufa kotba mil-libreriji pubbliċi matul is-sena 2008? Tista' tagħti rendikont librerija b'librerija? Tista' tgħid jekk it-trend f'dawn il-libreriji jurix li s-self ta' dawn il-kotba hux qed jiżdied jew hux qed jonqos?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Nefqa ta' flus fuq ċelebrazzjoni tal-ħames sena mis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li se jintnefqu flus bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet biex infakkru l-ħames sena mis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport mhux se jagħmel spejjeż f’ċelebrazzjonijiet biex ifakkru l-ħames sena mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Facilitators fl-iskejjel tal-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm facilitators jaħdmu fl-iskejjel tal-Gvern fis-snin 2007 u 2008? Kemm min dawn huma każwali u full-time? Kemm minnhom huma gradwati? Kemm studenti applikaw biċ-ċertifikati biex ikollhom facilitators u t-talba tagħhom s'issa ma ġietx milqugħa? Għaliex it-talbiet ma ġewx milqugħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaġar Qim u l-Imnajdra — distanza bejn it-tempji u strutturi tat-tined

Question

Tista' l-Ministru tagħti l-informazzjoni mitluba f'mistoqsija parlamentari 7291, jiġifieiri d-distanza minima bejn il-ġebel tat-tempju u l-istruttura tat-tined?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħala riżulatat tal-ġeometrija rregolari tal-fdalijiet megalitiċi, d-distanza minnhom sal-istrutturi prottetivi li qed jiġu installati fuqhom hija varjabbli ħafna. Fil-każ tal-Imnajdra, f’punt wieħed fejn megalita waħda tisporġi ħafna l-fuq mill-ġebel ta’ madwarha tasal sa ftit aktar minn metru mill-materjal tat-tinda. Bl-eċċezzjoni ta’ dan il-punt wieħed, m’hemm ebda punt ieħor fejn l-istruttura protettiva ta’ l-Imnajdra hija eqreb minn żewġ metri mill-fdalijiet li qed tipproteġi. Id-distanza medja bejn il-fdalijiet tal-Imnajdra u l-istruttura protettiva hija ta’ aktar minn sitt metri. Fil-każ ta’ Ħaġar Qim, il-punt fejn l-istruttura protettiva toqrob l-aktar lejn il-bini megalitiku ewlieni huwa fejn waħda mill-arkati li jsostnu t-tinda tgħaddi madwar 1.2 m bogħod minn megalita waħda li tisporġi sewwa il-fuq mill-ġebel ta’ madwarha. Bl-eċċezzjoni ta’ dan il-punt wieħed, m’hemm ebda punt ieħor fejn l-istruttura protettiva hija eqreb minn żewġ metri mill-fdalijiet li qed tipproteġi. Id-distanza medja bejn il-fdalijiet ta’ Ħaġar Qim u l-istruttura protettiva hija ta’ aktar minn ħames metri.

Skejjel ġodda — miżuri anti seismic

Question

Tista` l-Ministru tgħid jekk l-iskejjel il-ġodda ġewx mibnija skond miżuri anti seismic?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Tradizzjonalment l-aspett siżmiku qatt ma kien ikkunsidrat bħala parti mid-disinn ta’ l- iskejjel. Dan ma jfissirx li l-iskejjel ġodda u eżistenti m’humiex reżistenti għal ċaqlieq siżmiku aktar u aktar għaliex il-bini ta’ l-iskejjel huwa baxx kif ukoll il-forma u d-daqs tal-bini u l-metodu solidu ta’ kostruzzjoni ta’ ħitan ikomplu jgħinu biex iżidu r-reżistenza tal-bini kontra xi ċaqlieq li jista’ jkun hemm. Il- pożizzjoni ġeografika u t-tip ta’ saffi ta’ blat tal-gżejjer Maltin ikomplu jnaqqsu l-vulnerabilita tal-bini f’każ ta’ ċaqlieq.

għalliema li laħqu l-età ta' l-irtirar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema fl-iskejjel ta' l-istat li ngħataw estenzjoni għalkemm laħqu l-età ta' l-irtirar? X'suġġetti jgħallmu? Għaliex inħass il-bżonn li tingħata din l-estenzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Suġġetti Settur Primarju 5 Primarju Settur Sekondarju 9 Autocad Design & Technology Graphical Communication Maltese Systems of Knowledge English Italian Maths Dawn l-għalliema li hawn f’din it-tabella ġew impjegati bħala Retired Teachers għax ma kienx hemm għalliema regolari ġodda li applikaw biex jgħallmu s-suġġetti msemmija. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ma jagħtix estensjoni għal għalliema li laħqu l-eta’ ta’ l-irtirar.

Studenti li jmorru ħarġa kulturali — Ħlas tad-dħul

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li studenti li jittieħdu fuq ħarġa kulturali f'xi mużew tal-Malta Heritage qed jintalbu ħlas għad-dħul? Jekk fl-affermattiv, tgħid jekk qattx ġie ikkunsidrat li dan il-ħlas ma jsirx f'dawn il-każi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mhux minnu li studenti li jittieħdu fuq ħarġa kulturali f’xi mużew tal-Heritage Malta qed jintalbu ħlas għad-dħul. Il-proċedura hi li timtela applikazzjoni minn ġimgħa qabel, din tintbagħat b’e-mail sabiex jingħata l-permess lit-tfal biex iżuru s-siti storiċi b’xejn.

Skejjel għal tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn skejjel għal tfal bi bżonnijiet speċjali u kemm hemm klassijiet f'kull waħda minn dawn l-iskejjel? Tista' tgħid ukoll kemm qed jattendu studenti fihom separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, għandu: · Erba’ skejjel għal tfal bi bżonnijiet speċjali f’Malta · Unit li jagħmel parti mill-iskola Primarja ta’ Sannat għal tfal bi bżonnijiet speċjali f’Għawdex · Skola u Craft Centre għal tfal b’imġiba diffikultuża f’Malta Skola Numru ta’ Klassijiet Numru ta’ Studenti Guardian Angel 9 83 Dun Mikiel Attard, Wardija 6 51 San Miguel 6 44 Helen Keller 4 20 Mater Dei 4 29 St. Patricks Craft Centre 4 27 Sannat Special Unit 3 19

Assenteiżmu mill-iskejjel tal-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien l-assenteiżmu mill-iskejjel tal-Gvern fis-sena skolastika li għaddiet mqassma fi skejjel primarji, sekondarji, eċċ? Tista' tgħid ukoll liema skejjel kellhom lanqas, kif ukoll l-aktar każi ta' assenteiżmu? Kontra kemm-il ġenitur ttieħdu passi bil-qorti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba ser tingħata f’Seduta oħra.