Ħal Far – Trakka tal-Karozzi – Environment Impact Assessment
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema kienu/huma r-raġunijiet, imsaħħa b'dokumentazzjoni adegwata, inkluż kopja tal-minuti, u abbażi ta' liema studji l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ddeċidiet li ma hemmx bżonn ta' Environment Impact Assessment fl-applikazzjoni għal bini ta' trakka tal-karozzi f'Ħal Far?
Response (DALLI, MIRIAM)
Iż-Żona li qed nitkellmu dwarha hija art li fuqha diġà hemm żvilupp f’żona industrijali. Ninsab infurmata li l-proċess ta’ screening ta’ EIA li sar iddetermina li potenzjalment jista’ jkun hemm impatt limitat għal xi konsiderazzjonijiet li jistgħu jiġu indirizzati b‘mod adegwat bi studji speċifiċi. Għalhekk li ntalbu studji dwar l-impatt tal-ħsejjes, vibrazzjonijiet u dwal.
L-Awtorità talbet ukoll Appropriate Assessment skond ir-Regolamenti dwar il-protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjent Naturali. (S.L.549.44)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra d-dokumentazzjoni relattiva dwar dan il-każ u li tinsab ukoll fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.https://era.org.mt/era-project/ea00001-22/.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk in-nylon taċ-ċimi tal-lampuki huwiex single-use plastic jew le? Jekk fl-affermattiv, dan jista’ jintuża jew le?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nylon li jintuża għaċ-ċimi tal-lampuki mhux normalment meqjus bħala single-use plastic u mhux projbit bil-liġi (SL549.140) li tirrifletti l-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni Ewropea.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-istudju li ġie kkummissjonat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u li sar jew qed isir mill-Università ta’ Malta dwar ir-rizzi, huwiex lest jew le? Jekk dan l-istudju tlesta, tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-konklużjonijiet tiegħu jew xi rriżulta minnu? Dan l-istudju se jkun ippubblikat jew le?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-istudju dwar ir-rizzi tlesta u b’mod ġenerali kkonkluda li in-numru tar-rizzi f’pajjiżna naqas u llum huwa wieħed baxx. Bħalissa l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi qiegħda tikkunsidra x’għandu jkun l-pass li jmiss sabiex dan in-numru ma jkomplix jonqos u kemm jista’ jkun jibda jiżdied.
Fil-mument opportun tkun tista’ ssir ukoll konsultazzjoni pubblika. F’dan il-kuntest wieħed ikun jista’ wkoll jippubblika r-rapport jew il-partijiet relevanti minnu.
B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Mater Boni Consilii fil-Fgura (fiż-żona tal-Qasam tad-Djar), tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra għalfejn ix-xogħol ilu wieqaf tliet xhur? Tikkonferma li wara li sar ix-xogħol, qed jirriżulta li hemm problema taħt it-triq fosthom fis-sistema tal-culverts? Taf li r-residenti qed jinżammu f’għama totali għaliex ħadd ma jaf x’ser jiġri filwaqt li t-tarmak għadu mhux komplut b’periklu għall-vetturi li jgħaddu minn din it-triq? Tista’ tinforma lill-Kamra kif u meta ser ikunu ffinalizzati dawn ix-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li waqt li kienu qed isiru x-xogħolijiet mill-awtorità kompetenti fuq it-triq imsemmija, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma nnutat ħsarat fis-sistema tad-dranaġġ, li ser ikunu qed jiġu rranġati fil-jiem li ġejjin billi tinbidel l-medda tad-dranaġġ fejn irriżultat il-ħsara.
Tista’ l-Ministru tara li bozza fuq double arm pole li jinsab quddiem residenza ġewwa l-Fgura, u li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tissewwa peress li din ilha madwar tliet xhur maqtugħa b’inkonvenjent kbir għar-residenti, speċjalment dawk anzjani, li jgħixu f’dik iż-żona? Tista’ tispjega għaliex xogħol daqshekk sempliċi jieħu dan it-tul ta’ żmien kollu sabiex jiġi rimedjat u dan wara li kemm ir-residenti kif ukoll il-Kunsill Lokali għamlu diversi rapporti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Enemalta ma kellhiex notifiki dwar din il-bozza. Ninsab infurmata li ser tittieħed azzjoni biex isiru t-tiswijiet meħtieġa.
B'referenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 2526, tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra meta ġiet ippubblikata l-informazzjoni dwar il-fuel mix għas-sena 2020 u meta tqiegħdet fuq il-website tal-Enemalta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Enemalta ippubblikat l-informazzjoni dwar il-fuel mix għas-sena 2020 minnufih malli ċ-ċifri ġew verifikati u kkonfermati mir-REWS. Din hija s-sistema li tintuża dejjem.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — infiq f’reklamar fuq media
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – infiq ta’ flus fuq reklamar
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha separatament mill-2019 sal-lum, sena b’sena, u skont il-mezz
tax-xandir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom il-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tagħha, mill-Head of Secretariat ’l isfel, skont l-official designation li għandhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li jiffurmaw is-Segretarjat privat tiegħi huma ingaġġati skont il-Manwal, li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Marsaxlokk — Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin - xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol sar tul is-sena 2021 fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk? Tista’ tindika kemm tħawlu u nżergħu pjanti u arbuxelli?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2021 ġewwa l-Park ta’ Xrobb l-Għaġin saru dawn xogħlijiet:
· Tneħħa l-ħajt tal-perimetru eżistenti u twaqqaf ieħor ġdid skont il-permessi approvati (PA/01659/17 u PA/01660/17),
· Sar xogħol ta’ restawr fuq il-bini fejn tneħħew soqfa perikolużi u tpoġġew soqfa ġodda,
· Inbeda xogħol preparatorju għall-bini ta’ guva kbira,
· Tneħħew numru ta’ pjanti invażivi,
Matul din l-istess sena tħawlu 'l fuq minn 300 siġra u arbuxella indiġena f’dan is-sit.
Xogħol ta’ manutenzjoni bħal tisqija, żbir u tindif tal-post, manutenzjoni fuq s-sistema tal-irrigazzjoni u plumbing qed isir regolarment minn ħaddiema ta’ Ambjent Malta.
Bħalissa wkoll għaddej xogħol min-naħa ta’ Heritage Malta fuq it-tempju li hemm fi Xrobb l-Għaġin.
L-Imġarr Malta u Ħaż-Żebbuġ – Tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ħadet u se tkompli tieħu l-Enemalta biex issaħħaħ l-infrastruttura tad-distribuzzjoni tad-dawl eżistenti fil-lokalitajiet li matul l-aħħar xhur l-aktar li kienu affettwati minn qtugħ ta’ dawl u vultaġġ baxx, partikolarment fl-Imġarr (Malta) u Ħaż-Żebbuġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-Imġarr u Ħaż-Żebbuġ saru diversi xogħlijiet ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distrubuzzjoni fejn f’għadd ta’ toroq ġew installati Line Voltage Regulators. Din is-sistema diġà bdiet tagħti riżultati tajbin. L-Enemalta qiegħda tagħmel ukoll interventi ta’ tisħiħ tal-linja, żieda fil-feeders u substations f’lokalitajiet mifruxa ma’ Malta u Għawdex għal distribuzzjoni aħjar.
Kif tħabbar fil-bidu ta' din is-sena, l-Enemalta qed taħdem fuq pjan ta' sitt snin b'investiment ta' 15-il miljun ewro fis-sena biex isaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Fl-ewwel tmien xhur ta' din is-sena sar investiment ta' 11-il miljun ewro u f'ċerti oqsma anke inqabżu l-miri stabbiliti. Il-proġetti qed jissoktaw u l-ewwel riżultati diġà dehru fosthom għaliex das-sajf minkejja li żdiedet id-domanda u inqabżu r-rekords, kien hemm tnaqqis ta' 33 fil-mija fil-qtugħ tad-dawl meta imqabbel mas-sajf tas-sena li għaddiet.
Tista’ l-Ministru tispjega r-raġuni għas-sospensjoni b’mod regolari ħafna tal-provvista tal-ilma fil-lokalità tal-Imġarr (Malta) u tgħidilna x’xogħlijiet saru u dawk li huma ppjanati li jsiru biex din il-problema tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sospensjonijiet kienu kawża ta’ bdil ta’ madwar erba’ kilometri ta’ mejnijiet sabiex tittejjeb l-kwalità tal-ilma fil-lokalità.
Tista’ l-Ministru tinvestiga x’inhi r-raġuni li għaliha qed jiġi rrapportat nuqqas ta’ pressa tal-ilma/pressa baxxa matul il-ġurnata f’Buġibba u l-Qawra (San Pawl il-Baħar) b’mod partikolari fi Triq it-Turisti u t-toroq li jgħaqqdu ma’ din it-triq bħal Triq l-Indipendenza (fejn wieħed isib Flats Indipendenza) peress li r-residenti qed jiffaċċjaw bosta problemi biex jimlew it-tankijiet tal-ilma tagħhom? Kemm-il rapport wasal għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rigward dan matul l-aħħar sitt xhur u f’liema toroq? X’azzjoni ttieħdet f’kull każ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill Onor. Interpellant li r-rapporti ta’ pressjoni baxxa li waslu għand il-Korporazzjoni fl-aħħar sitt xhur kienu tnax kif indikat hawn taħt.
Triq Paderborn,
Triq Andrew Cunningham
Andrew Cunningham
Triq il-Ġifen
Triq il-Qwiebi
Triq San Ignazju
Triq San Massimiljanu Kolbe
Triq it-Turisti
Triq l-Ankri
Triq Gulju
Triq it-Tamar
Triq il-Ħġejjeġ
Dawn ir-rapporti ġew indirizzati fi żmien qasir.
Ninsab infurmata wkoll, li fi xhur li ġejjin il-Korporazzjoni se tnehdi proġett strateġiku li jikkonsisti fit-tkabbir ta’ mejn prinċipali bejn il-ġibjun tan-Naxxar u Buġibba, b’investiment ta’ €2.7 miljun. Dan il-proġett ser jassigura li ż-żieda fid-domanda fl-inħawi msemmija tintlaħaq b’mod konsistenti u b’anqas interventi operattivi.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks (INDIS Malta)
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li kellhom encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks li saret INDIS Malta u li kienu qegħdin iħallsu pagamenti kull xahar però wara ċertu żmien dan l-encroachment agreement temmewh mingħajr qatt ma ntużaw il-binjiet li għalihom kienet qed titħallas il-kera, mill-2018 'il quddiem u jekk ittiħditx azzjoni fejn sar infiq bla bżonn u ħela?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – regolamenti u protokolli dwar kunflitti ta’ interess
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-regolamenti u l-protokolli li l-Ministeru japplika sabiex persuni li jaħdmu direttament fil-Ministeru jiddikjaraw kunflitti ta’ interess li jista’ jkollhom dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-istess Ministeru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Manwal, li diġà tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ħal Qormi — Triq San Edwardu u Triq Bellic Belliċ – qtugħ ta’ dawl
Question
Peress li kien hemm numru ta’ lmenti minn residenti fi Triq San Edwardu u Triq Bellic, f’Ħal Qormi u żoni fil-madwar dwar qtugħ ta’ dawl b’mod frekwenti ħafna matul il-perjodu tas-sajf u li dan qed joħloq inkonvenjenrt kbir għar-residenti Qriema, tista’ l-Ministru tgħid x’qed isir b’mod konkret biex din il-problema tiġi indirizzata?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għaddejja b’programm vast ta’ xogħlijiet biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni inkluż f’Ħal Qormi. Fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju saru xogħlijiet ta’ bbilanċjar fuq il-low voltage fi Triq Belliċ. Sa nofs Ottubru huwa ppjanat li jitlesta x-xogħol ta’ rinfurzar inkluż tqieħed ta’ LV feederġdid. Dan għandu isaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku fi Triq San Edwardu.
Tista' l-Ministru tgħid l-inħawi u t-toroq li fihom se jiġi istallat New water? Tista' tinforma kemm se jiswa dan? Kemm se jdum biex jiġi finalizzat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol relatat fuq id-distribuzzjoni ta’ l-ilma tan-New Water huwa maqsum fi tliet żoni, dak fin-Nofsinhar, fit-Tramuntana u dak f’Għawdex. It-toroq fejn sar jew qed isir ix-xogħol huma dettaljati fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-proġett tan-New Water qed isir b’investiment ta’ 25 miljun ewro. Dan il-proġett innovattiv qed iwassal biex iżjed bdiewa jkollhom aċċess għal ilma riċiklat, b’beneffiċċji ambjentali diretti. Mhux se nieqfu hawn, beħsiebna nkomplu ninvestu biex insaħħu dak li bdejna.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-impjant tat-Trattament tad-Drenaġġ fiċ-Ċumnija Mellieħa hux qed jaħdem bil-kapaċità sħiħa, u jekk kienx operat lil hinn mill-kapaċità sħiħa? Jekk iva x'sar bid-drenaġġ żejjed li ma ġiex ittrattat? Jekk b'kapaċità sħiħa ta' 80%, x'inhuma l-pjanijiet biex l-impjant jiġi aġġornat, meta se jiġri dan u x'se jkun?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant taċ-ċumnija fil-Mellieħa qed jitħaddem fil-kapaċità massima tiegħu għal ħinijiet twal. Meta jkun hemm ċirkostanzi li minħabba skeda ta’ manutenzjoni ppjanata, problemi tekniċi mhux previsti, jew żieda ta’ xi nfluss fid-dranaġġ assoċjati ma’ attività mhux normali (bħal ammont kbir ta’ xita) dan joħloq sfida.
Hu għalhekk li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma poġġiet 'il quddiem pjan ta’ azzjoni biex dan l-impjant jiġi upgraded biex ilaħħaq mad-domanda li qed tiżdied f’dawn iż-żoni. Dan il-pjan hu maħsub li jitlesta bejn l-2025-2026.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2002, tista' l-Ministru tgħid meta sar l-aħħar studju dwar l-ammont ta' ilma tax-xita li jispiċċa l-baħar u tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill Onor. Interpellant li qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport dwar l-ilma tax-xita (surface runoff) li ġie ppublikat fl-2019, bit-titolu “Preliminary Flood Risk Assessment for the Malta River Basin District”. Dan huwa rapport li jsir mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma fuq perjodu ta kull sitt snin bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar l-Għargħar (EU Floods Directive).
Tista' l-Ministru tgħid kemm ittella' ilma mill-ilma tal-pjan mill-impjanti tal-konkos u b'liema rata medja għal kull sena dan inxtara, maqsuma sena b'sena, mill-2011 sal-2021?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
(
Korrezzjoni: Ara dokument PL 600 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 28, tat-Tnejn 4 ta' Ottubru 2022)