Tista' l-Ministru tgħid kemm baqa' applikazzjonijiet għat-2024 Double Glazing Scheme (Retro-fitting) għar-residenti ta' Birżebbuġa li għadhom ma tħallsux imma ġew ippreżentati d-dokumenti meħtieġa qabel il-5 ta' Novembru 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li b’kollox kien hemm 83 applikant li fil-fatt biddlu l-aperturi ta’ darhom kif meħtieġ fl-applikazzjoni. Minn dawn 54 diġà tħallsu filwaqt li l-oħrajn se jitħallsu fil-ġranet li ġejjin jew, fejn applikabbli, wara li jissottomettu u jkunu verifikati dokumenti li ntalbu mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma.
Quality Assessment jew Testing — Kwalità tal-cables
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk isirx xi forma ta' Quality Assessment jew Testing biex tiġi żgurata l-kwalità ta' cables li jiġu fornuti lill-Enemalta għal-linji tat-33kV u tal-11kV?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’kull tip ta’ tagħmir li jinxtara mill-Enemalta jintalbu ‘factory acceptance tests’ biex jiġi żgurat li dak li ntalab fl-offerta ikun verifikat. Ladarba t-tagħmir jasal Malta, apparti li jintalbu ċ-ċertifikati neċessarji jsiru testijiet biex ikun żgurat li dak li jkun speċifikat fl-offerta huwa dak li wasal għand l-Enemalta.
Tista’ l-Ministru tgħid x’titjib u x’manutenzjoni jsir b’mod regolari fil-Park tas-Salina u f’Kennedy Grove? Tista’ tgħid ukoll jekk fuq il-post ikunx hemm persuni responsabbli għall-manutenzjoni tal-istess post?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-Park tas-Salina u Kennedy Grove regolarment isiru xogħlijiet li jinkludu żbir tas-siġar, il-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ, tindif tal-funtani u l-kaskata tal-ilma, manutenzjoni tal-bollards tad-dawl u tat-tagħmir tal-logħob, ġbir ta’ skart mill-park, xogħol ta’ manutenzjoni u żebgħa fuq l-injam, bankijiet u fuq il-passaġġ tal-injam. Hemm disa’ uffiċjali u maniġer li huma assenjati fuq iż-żamma u l-manutenzjoni ta’ dan il-park.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-main tal-ilma tax-xorb fit-Telgħa tax-Xemxija hux mistenni li jinbidel minħabba l-ħsarat li dan hu mifhum li fih u jekk iva, meta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-kundizzjoni tal-mejn hija tali li ma tiġġustifikax li tinqala’ triq prinċipali, bħalma hija t-Telgħa tax-Xemxija, biex jinbidel. F’każ li jkun hemm ħtieġa li t-triq tinqala’, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tikkunsidra li jsir dan it-tibdil bħalma hija l-prassi meta jinqalgħu toroq riżultat ta’ xogħlijiet u interventi minn terzi.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Kiri ta’ karozzi — Nefqa
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24406 u tgħid kemm intefqu flus biex inkrew karozzi taħt id-dekasteru tagħha, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtha, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nkrew, minn liema kumpanija nkrew, id-data tal-bidu u t-tmiem ta’ kull kirja, jekk inkrewx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nkrew u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inkriet kull karozza? Jista' jagħti din l-informazzjoni fil-format li qed jingħata separatament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Marsaxlokk – Xrobb l-Għaġin — Park Naturali - Xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19664, tista’ l-Ministru tgħid liema xogħlijiet ġew esegwiti fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin tul is-sena 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul is-sena 2024, x-xogħlijiet li saru fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk, kienu jinkludu l-manutenzjoni ġenerali tal-park fosthom tħawwil ta' siġar u arbuxelli ġodda, tisqija regolari skont il-ħtieġa, qtugħ u ġestjoni tal-ħaxix biex jiġu evitati inċidenti minn nirien, manutenzjoni taż-żona għall-picnics u tiswija ta’ bankijiet tal-injam, restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ, installazzjoni ta’ diversi tabelli li jinkludu informazzjoni dwar il-flora fil-madwar, installazzjoni ta’ tankijiet għar-rimi tal-ilma tal-baħar, tikħil tal-kamra tas-sigurtà, manutenzjoni tal-konnessjonijiet tal-ilma u drenaġġ, ġbir tal-iskart u tindif ġenerali.
Tista’ l-Ministru tagħti dettalji dwar l-istatus tar-rapport u x’konklużjonijiet jew riżultati ġew miksuba fil-każ tal-kontravenzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, quddiem l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fir-rigward tal-kontravenzjoni inkwistjoni, ir-rapport daħal għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fit-30 ta’Awwissu 2024, ġie investigat u nġabret l-informazzjoni u l-provi neċessarji biex inħarget Notifika tal-Intenzjoni li tinħareġ Multa Aministrattiva rigward ksur tar-Regolamenti Dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (L.S. 549.40) fit-13 ta’ Settembru 2024, liema Notifika ġiet effettiva fit-2 ta’ Diċembru 2024 wara li ma ntlaqgħetx il-petizzjoni fuq il-multa.
Ir-Rabat, Malta — Ħruġ tad-drenaġġ f’residenza privata
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex wara diversi rapporti u spezzjonijiet rigward ħruġ ta’ drenaġġ f’residenza privata fir-Rabat, Malta li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ir-residenti baqgħu bla risposti/soluzzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li minn investigazzjoni li saret irriżulta li tali sitwazzjoni mhix ikkawżata mill-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-individwu konċernat ġie infurmat minnufih u dan kien qabel ma saret din il-mistoqsija parlamentari.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Mosta - Xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex b’mod regolari, l-Ħadd filgħodu qed ikun hemm bowser bil-ħaddiema miegħu li jkunu qed jaħdmu fuq is-sistema tad-drenaġġ fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar? Tista' tgħid x'inhi r-raġuni għaliex spiss qed ikun hemm riħa qawwija tad-drenaġġ fl-inħawi u xi pjanijiet hemm biex din ir-riħa tiġi eliminata kompletament? Tista' tgħid ukoll meta sar l-aħħar cctv study tas-sistema tad-drenaġġ fl-istess inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-imsemmi bowser ikun preżenti fuq is-sit perjodikament għal manutenzjoni preventiva. Waqt dawn l-interventi mhux eskluż li jirriżultaw xi rwejjaħ għal ħin temporanju. Interventi korrettivi f'każ ta' mblokk tal-mejn ukoll jistgħu jirriżultaw f'irwejjaħ waqt l-istess interventi.
Spezzjoni b'CCTV fuq il-mejn prinċipali bħalissa mhux fattibli minħabba l-influss qawwi ta’ drenaġġ li jgħaddi minnu. Hemm il-ħsieb li dan jiġi rinovat meta jitlesta l-proġett tal-mina tad-drenaġġ, biex parti sostanzjali tal-influss ta’ drenaġġ li bħalissa qed jgħaddi mill-mejn konċernat, jiġi ddevjat għal ġol-mina. Dan il-proġett jifforma parti minn pjan ħolistiku ta' tisħieħ tan-netwerk prinċipali tad-drenaġġ fit-Tramuntanta ta' Malta.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19666, fir-rigward ta’ Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet effettivament saru tul is-sena 2024 u kemm intefqu flus fl-istess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li matul is-sena li għaddiet, permezz tal-impjegati tagħha, Project Green wettqet numru ta’ xogħlijiet fil-ġnien imsemmi li kienu jinkludu tindif ġenerali, qtugħ ta’ ħaxix, tinqix tal-ħamrija, tisqija u żbir tas-siġar fil-perjodu adegwat.
Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 324, kien ġie mwiegħed li ser jiġu varati programmi ta' konservazzjoni biex insostnu l-popolazzjoni ta' speċi nattivi fosthom il-fenek selvaġġ, tista' l-Ministru tgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 324, kien ġie mwiegħed li ser jiġu varati programmi ta' konservazzjoni biex insostnu l-popolazzjoni ta' speċi nattivi fosthom il-proġett tal-introduzzjoni tal-barbaġann fiż-żona tal-Magħtab, tista' l-Ministru tgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
San Pawl il-Baħar — Iż-żona ta’ Triq Santa Marija u Triq San Xmun - Dawl xieraq
Question
Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex iż-żona ta' Triq Santa Marija u ta' Triq San Xmun, kantuniera ma' Triq Santa Marija, f’San Pawl il-Baħar, tkun imdawla kif suppost hekk kif iż-żona tinsab fid-dlam?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-lampi tad-dawl fiż-żona tat-toroq indikati jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, waqt li l-Enemalta tforni s-servizz tal-elettriku. Ma saret ebda talba mill-Kunsill Lokali lill-Enemalta biex jiżdiedu l-lampi fl-istess żona. Bħalma Enemalta tara li l-lampi tat-toroq li jaqgħu fir-responsabbiltà tagħha jagħtu dawl adegwat, hekk ukoll hija parti mir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali li jaraw li d-dawl li jiġi installat mill-kuntratturi tagħhom ikun adegwat għaż-żona.
San Pawl il-Baħar — Triq it-Turisti - Sistema tad-drenaġġ - Spezzjoni bis-cctv
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta saret l-aħħar spezzjoni bis-CCTV, fuq is-sistema tad-drenaġġ fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar? Tista’ wkoll tagħti indikazzjoni tal-istat li nstabet fih din is-sistema u x’passi mistennija jittieħdu biex din is-sistema tiġi mtejba?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-aħħar spezzjoni bis-CCTV fl-imsemmija triq saret fit-30 t’Ottubru fejn irriżulta li hemm bżonn xi tibdiliet fis-sistema tad-drenaġġ. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed twettaq dawn ix-xogħlijiet fejn meħtieġ.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni bis-servizz maqtugħ u li għandhom l-ammont pendenti mal-ARMS skont il-kategoriji t’hawn taħt:
i. Bejn €1 u €1,000;
ii. Bejn €1,001 u €2,000;
iii. Bejn €2,001 u €5,000;
iv. Bejn €5,001 u €10,000;
v. Bejn €10,001 u €20,000;
vi. Iktar minn €20,000?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Iterpellanta li s-servizzi jiġu sospiżi meta konsumatur ma jkunx qed jonora l-obbligi tiegħu li jħallas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Qabel ma jiġi sospiż xi servizz, il-kumpanija ARMS tibgħat ittra u anke tagħmel kuntatt mal-konsumatur permezz tat-telefon. F’każ li dan ma jkunx f’pożizzjoni li jissetilja l-pendenzi li jkollu f’daqqa, l-kumpanija toffrilu l-possibbiltà li jiffirma kuntratt biex iħallas l-arretrati b’rati mensili. Kemm-il darba mbagħad jibqa’ ma jħallasx il-kontijiet li jkunu pendenti, l-ARMS ma jkollhiex triq oħra għajr dik li jiġi sospiż is-servizz.
Barra minn hekk, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal permezz tal-iskema Benefiċċju tal-Enerġija joffri għajnuna fil-ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma lill-familji bi dħul baxx jew li jkollhom każ soċjali.
Persuna li tikkwalifika għall-Benefiċċju tal-Enerġija awtomatikament jew permezz ta’ Test tal-Mezzi, tkun intitolata għal:
· Ammont li jikkumpensa 30% tal-konsum tal-elettriku qabel l-eko-reduzzjoni, sa massimu ta’ €75 fis-sena għal kull persuna fid-dar; u
· Jekk l-applikant jew il-konjuġi huma d-detentur tal-kont, ikunu intitolati għal sussidju ta’ €65 kull sena fuq il-kera tal-arloġġ tal-elettriku, u sussidju ta’ €59 kull sena fuq il-kera tal-arloġġ tal-ilma.
Barra minn hekk, applikant li għandu aktar minn 60 sena u li jirċievi Benefiċċju tal-Enerġija jingħata wkoll €40 fis-sena għal kull dar bħala Rifużjoni tal-Gass, pagabbli biss ma’ kontijiet attwali. Applikant li jkun taħt is-60 sena u li jirċievi l-Benefiċċju tal-Enerġija, jingħata €30 kull sena għal kull dar bħala Rifużjoni tal-Gass. Kemm il-Benefiċċju tal-Enerġija kif ukoll ir-Rifużjoni tal-Gass jitnaqqsu direttament mill-kont tad-Dawl u l-Ilma.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Vjaġġar
Question
Tista’ l-Ministru tgħid:
(a) kemm-il vjaġġ għamlet barra mill-pajjiż minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fejn kienet id-destinazjoni?
(b) X'kienet ir-raġuni għal kull vjaġġ u kemm sewa kull vjaġġ f'termini ta' fondi pubbliċi għall-biljetti tal-ajru, lodging, trasport, ikel, xorb, allowances per diem għal kull persuna li kienet tifforma parti mill-kontinġent u spejjeż oħra, separatament?
(c) Min għand liema aġent tal-ivjaġġar inxtraw il-biljetti tal-ajru u jekk hux b'direct order jew tender, x’tip ta' biljetti tal-ajru inqatgħu (jekk hux economy, business club jew class club) u ma' liema kumpanija tal-ajru?
(d) Kemm kien it-tul ta' żmien għal kull vjaġġ?
(e) Minn min kien iffurmat il-kontinġent tal-Ministru għal kull vjaġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt. Ninfurmah li l-iskop għal safar uffiċjali jkun marbut ma’ laqgħat ma’ Ministri ta’ Gvernijiet oħrajn, laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u laqgħat oħra li għalihom ikun hemm stediniet uffiċjali bħala Ministru tal-Gvern. L-arranġamenti ta’ vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, per diem allowances huma regolati skont il-‘Manual on Transport and Travel Policies’, li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għar-rigward tat-tul ta' żmien għal kull vjaġġ, naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem li dan ikun jiddependi mill-aġenda taż-żjara barra l-pajjiż.
Sena
Numru ta’ Vjaġġi Uffiċjali
2022
14
2023
6
2024
11
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Segretarjat għall-Indafa Pubblika – Direct Orders
Question
Tista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tqiegħed, fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tad-direct orders kollha li hija awtorizzat matul is-snin 2022, 2023 u 2024? Tista’ għal kull direct order tagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Tista’ tgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?
L-Imġarr (Malta) – Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – inħawi li għadhom jisservew bil-fosos
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex indikazzjoni ta’ liema nħawi għadhom qed jisservew bil-fosos, fl-inħawi tal-Imġarr (Malta)? Jekk iva, tista' tgħid liema huma dawn l-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-inħawi Tas-Santi, il-Palma, Triq Għajn Tuffieħa (bejn l-Imġarr u Għajn Tuffieħa), iż-Żebbiegħ (fossa komuni) u t-triq li tagħti għall-Ġnejna qed jisservew permezz ta’ fosos li jitbattlu b’mod regolari mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.