Legislature:
Category:
Reset
Active:

każ ta' individwu li jixtieq jieħu pensjoni Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid, individwu li għandu ċittadinanza u passaport Malti u għalkemm ilu jgħix fi New Zealand 40 sena, jixtieq li jirtira Malta x'irid jagħmel biex ikollu dritt għall-pensjoni Maltija?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lil Onor Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija fil-mistoqsija tiegħu, il-persuna msemmija jidher li ilha nieqsa minn Malta għal dawn l-aħħar erbgħin sena. Għaldaqstant jidher ċar li l-persuna msemmija m’għandhiex biżżejjed kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali biex tikkwalifka għal pensjoni Maltija. Nista’ ninforma lill-Onor Membru li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bi-laterali bejn Malta u New Zealand li għandhom iwasslu għal Ftehim Riċiproku dwar is-sigurtà soċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Dawn id-diskussjonijiet huma fi stadju avvanzat imma peress li dan il-ftehim għadu fi stadju ta’ diskussjoni, aktar dettalji ma jistgħux jingħataw bħalissa. Għaldaqstant nistieden lill-Onor. nterpellant sabiex jipprovdi d-dettalji personali kollha tal-persuna li qed tagħmel l-intervent f’isimha sabiex id-dipartiment ikun f’pożizzjoni li jagħti tweġiba konkreta aktar 'il quddiem.

Kawżi ta' libell

Question

B'referenza għad-domandi parlametnari preċedenti dwar kawżi ta' libell pendenti fil-qorti, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' kawżi ta' libell li nqatgħu matul l-aħħar sena? Kemm kien hemm kawżi ta' libell li fil-fatt twaqqfu matul is-sena li għaddiet, mingħajr ma nqatgħu, minn dawk li kienu bdew dawn l-istess kawżi ta' libell?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) Matul is-sena 2011 kien hemm żewġ kawżi ta’ libell maqtugħa mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) fil-ġurisdizzjoni ċivili tagħha. Ma kien hemm ebda kawża ta’ dan it-tip li twaqqfet bla ma nqatgħet fl-istess żmien. Fil-Qorti Civili ta’ Malta: In-numru ta’ kawżi ta’ Libelli deċizi matul is-sena 2011 huwa s-segwenti mill-Qorti tal-Appell Superjuri kien ta’ żewġ kawżi (2); mill-Qorti tal-Appell Inferjuri kien ta’ kawża waħda (1) mill-Prim’ Awla tal-Qorti Civili kien ta’ sitta (6); mill-Qorti tal-Maġistrati kien ta’ disgħa (9). In-numru ta’ kawżi ta’ Libelli li twaqqfu matul is-sena li għaddiet jiġifieri matul 2011, mingħajr ma nqatgħu; quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili kien ta’ kawża waħda (1); u quddiem il-Qorti tal-Maġistrati kien ta’ ħamsa u tletin (35). Fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) bhala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali: Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, matul is-sena 2011 ġew deċizi tliet (3) kawżi ta’ libelli kriminali. L-ebda kawza ta’ libell ma twaqqfet quddiem l-istess Qorti matul l-istess sena.

Sussidju tal-kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qed tiġi mċaħħda minn sussidju tal-kera meta inkwilini qabilha ħadu dan is-sussidju fl-istess fond?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-individwu ġiet ikkunsidrata invalida peress li l-fond fejn qed issir l-applikazzjoni ġiet iċċertifikata substandard skont il-kriterji tal-Awtorità tad-Djar. Il-kundizzjonijiet tal-iskema jirrikjedu li l-fond jkun fi stat tajjeb ta’ tiswija u f’kundizzjoni abitabbli. Għaldaqstant, jekk il-fond ma jkunx up to standard, ma jkunx jista’ jingħata sussidju.

applikazzjonijiet għall-Medical Assistance (SKA), Milk Grant, Leprosy Assistance and the Tuberculosis Assistance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-Medical Assistance (SKA), Milk Grant (MG), Leprosy Assistance (LA) and the Tuberculosis Assistance (TA) f'din l-aħħar sena? Minn liema lokalità f'Għawdex u f'Malta ġejjin u kemm minnhom intlaqgħu?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta' applikazzjonijiet għal Għajnuna Medika (SKA) kien ta’ 1981, Milk Grant (MG) kien ta’ 256. Fis-sena 2011 ma kienx hemm talbiet għall-benefiċċji tuberculosis assistance (TA) u leprosy assistance (LA). Fit-tabella mehmuża huwa indikat dawn l-applikazzjonijiet skont l-irħula li ġejjin minnhom.

Malta Shipbuilding — skema għal għoli tal-ħajja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-ħaddiema rtirati mill-Malta Shipbuilding taħt l-iskema li kienet ħarġet fl-2003 mhumiex intitolati għaż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja skont il-liġi tal-lum?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali mhux l-entità li tieħu ħsieb il-pagamenti tal-pensjoni li titħallas lil ħaddiema li rtiraw mill-Malta Shipbuilding taħt l-iskema ta’ irtirar li ħarġet fis-sena 2003 u għaldaqstant ma tistax tikkonferma jekk humiex intitolati għaż-żieda msemmija. Id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jikkonferma illi ż-żieda msemmija tingħata biss mid-dipartiment lil dawk il-ħaddiema li laħqu l-età tal-irtirar tagħhom jew li ġew boarded out u li qegħdin jirievu pensjoni kontributorja taħt l-iskema tas-Sigurtà Soċjali.

Kundizzjoni ta' Myesthine Gravis

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuni li jsofru mill-kundizzjoni magħrufa bħala Myesthine Gravis humiex intitolati għal xi forma t'għajnuna soċjali?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor interpellant li jekk persuna tkun qed tbati minn kundizzjoni medika hekk immsejħa Myesthine Gravis, u minħabba din il-kundizzjoni medika tipprekludiha mill-tidħol fid-dinja tax-xogħol allura jista jkun li tikkwalifika għal Għajnuna Soċjali jekk tissodisfa t-test tal-mezzi u l-l-bord mediku jiċċertifikaha li mhix tajba għax-xogħol.

Żieda fil-benefiċċju

Question

Jista' l-Ministru jara każ tal-koppja, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, peress li r-raġel jgħix bir-relief u skont dokumenti li bagħtu din il-koppja ma taqbiżx il-kwota? Jista' jara jekk sarx xi żball?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Dipartiment tal-Istandards fil-Ħarsien Soċjali — informazzjoni

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30589, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Istandards fil-Ħarsien Soċjali għamilx spezzjonijiet biex jara jekk l-istandards għat-tfal fid-djar residenzjali, li ġew ippubblikati fl-2009, humiex qegħdin jitwettqu? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti tal-investigazzjonijiet li saru f’dawn id-djar residenzjali?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

L-iStandards Nazzjonali għal Out of Home Childcare japplikaw għad-djar residenzjali tat-tfal u kif ukoll għall-foster placements. L-istandards imsemmija jinvolvu kemm is-servizz tal-fostering fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ, Djar Residenzjali tat-tfal kif ukoll servizzi fil-kommunita' provduti mill-Aġenzija Appoġġ (bħal Looked After Children team, Child Protection service u Out of Home Care Unit) Fil-każ ta' tfal li qegħdin fis-sistema ta' fostering, id- DSWS ħareġ l-ewwel Ċertifikat ta' Akkreditazzjoni lill- Fostering Unit fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ fl-2010. Bħala parti mill- moniteraġġ tas- servizz, id- DSWS jirċievi lmenti dwar is-servizz tal- Fostering. Id-DSWS jinvestiga dawn l-ilmenti filwaqt li jagħmel ir-rakomandazzjonijiet tiegħu bbażati fuq l-iStandards għal Out-of-Home Childcare. L-implimentazzjoni tal- iStandards u tar-rakomandazzjonijiet tad-DSWS jassiguraw li t-tfal fil-Fostering qegħdin jirċievu s- servizz li jistħoqilhom, filwaqt li l- carers jirċievu s-sapport meħtieġ. Bħala parti mill-pjan ta' implementazzjoni, id-DSWS qed jaħdem fuq dawn il-proġetti: Id-DSWS qed jaħdem sabiex tinħoloq struttura ta' assessjar tas-servizzi. Filwaqt li s-servizz tal- Fostering huwa rregolat mill- Foster Care Act (2007), m'hemmx qafas legali fejn jidħlu d-djar tat-tfal. Minħabba f'hekk DSWS qed jaħdem fil-qrib mad-djar residenzjani ta' tfal sabiex is-servizzi li dawn id-djar jipprovdu jkun skond dak li jitolbu l-istandards. Id-DSWS għamel laqgħat mal-istaff ta’ djar residenzjali sabiex jispejga l-istandards u kif dawn jistgħu jiġu implimentati mis-servizz. Bħala parti minn dan ix-xogħol, id-DSWS qed jara x' għandhom bżonn id-djar tat-tfal sabiex jimplimentaw l-istandards Eżerċizzju ieħor li DSWS beda huwa li qed jeżamina il-kwalifiki tan-nies li qed jaħdmu f'dawn id-djar residenzjali: minn dan l-ezercizzju għandha toħroġ stampa ċara tal-bżonnijiet ta' taħrig għall-istaff. Fl-qasam ta' out of home care DSWS fassal ukoll Pjan strateġiku fuq il-bżonnijiet fis-sistema preżenti kollha ta’ out of home care. Id-Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali għamel investigazzjoni f’każ ta’ fostering ġo dar residenzjali. Rapporti ma jistgħux jintbagħtu minħabba data protection tal-individwu.

Furjana — Balzunetta - Appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jiġu allokati appartamenti f'Balzunetta fil-Furjana fil-jiem li ġejjin?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar tinsab fil-proċess li tagħlaq (finish) dawn il-postijiet. Fil-mument li dan isir, l-awtorità tibda proċess għall-allokazzjoni.

Oġġetti maqbuda

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra liema huma l-postijiet awtorizzati mir-Reġistratur tal-Qrati sabiex l-oġġetti maqbuda jinżammu mill-kunsinnatarji appuntati f'każi ta' mandati ta' qbid?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

B’referenza għad-domanda tal-Onorevoli Membru jingħad illi l-oġġetti maqbuda mill-uffiċjal eżekuttiv tal-Qorti jiġi mgħoddija taħt il-kustodja tal-kunsinnatarju u jiġu miżmuma fil-lok jew post indikat mill-istess kunsinnatarju kif debitament awtorizzat mill-istess uffiċjal eżekuttiv f’isem ir-Reġistratur u li tali nformazzjoni tigi reġistrata fl-atti permezz ta’ nota. Illi jekk il-kunsinnatarju jkollu l-ħtieġa li jbiddel il-post fejn ikunu qed jinżammu l-oġġetti mobbli huwa jitlob d-debita awtorizazzjoni tal-Qorti.

każ dwar għajnuna tal-mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni lill-anzjan, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qalulu li mhux intitolat għal għajnuna tal-mard? Tista' tingħata spjegazzjoni dettaljata lill-persuna konċernata dwar dan?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

każ ta' children's allowance

Question

Jista' l-Ministru jara għal liema raġuni l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ilha sitt xhur ma tirċievi ċ-children's allowance?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

kawzi kostituzzjonali dwar diskriminazzjoni politka

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet ta' kawzi, u kawżi kostituzzjonali dwar diskriminazzjoni politika li nqatgħu fl-ewwel stadju, kif ukoll wara l-appell minn 1987 sal-lum?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari tal-Onor. Membru jiġi rilevat li ma tinżamm l-ebda statistika ta’ kemm ġew deċiżi kawżi u kawżi kostituzzjonali rigwardanti diskriminazzjoni politika kemm fi stadju ta’ prim’istanza u kemm fi stadju ta’ appell. Kien hemm ukoll it-Tribunal Ghall-Investigazzjoni tal-Ingustizzji li bejn t-2 ta’ Ġunju, 1997 sal-1 ta’ Diċembru 1997 quddiemu kienu ġew ippreżentati 1,234 kawża li jittrattaw materja ta’ ingustizzji, u li fosthom seta’ kien hemm kawżi li kellhom ukoll element ta’ diskriminazzjoni politika.

Każ ta' individwu — sigurtà soċjali - benefiċċju tal-mard

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30004, peress li l-individwu reġa' ġie jkellimni fejn qalli li meta kien mar is-social service qalulu li €157 seta' jieħu tal-mard u wara li l-istess individwu nfurmani li huwa jaqbad €170 li minnha trid tnaqqas €17 fil-ġimgħa tal-bolla u li allura b'hekk ma jaqbiżx is-somma, jista' l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament jistax jiġi nfurmat jekk l-ammont indikat huwiex korrett?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Jekk persuna tkun impjegata, ma tkunx eliġibbli għall-Għajnuna Medika, allura r-rati msemmija fil-mistoqsija parlamentari ma japplikawx. Dawk ir-rati japplikaw f’każ ta’ pensjonant li ma jkunx jaħdem. L-individwu diġà rċieva ittra li tispjega dan fid-28/9/11 u se jiġi nfurmat mill-ġdid permezz tat-telephone mill-Assistent Direttur inkarigat mis-sezzjoni.

applikazzjonijiet għall-maternity benefit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-maternity benefit f'dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament? Kemm minnhom ġew aċċettati, kemm huwa l-benefiċċju u allura kemm tħallas globalment? Tista' tagħti rendikont tal-applikazzjonijiet skont il-lokalità f'Għawdex u Malta kollha?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

foster families — childrens' allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid lil min jitħallas iċ-childrens' allowance ta' dawk it-tfal li qegħdin fil-foster families?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni ufficjalment fostered ma jingħatawx Childrens Allowance imma Foster Care Allowance. Il-ħlas jirċevih il-Foster Carer. L-ammont li jirċievu hu ta’ €70 fil-ġimgħa.

childrens' allowance skont il-qliegħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn familji li jaqilgħu inqas minn €23,983 li jieħdu ċ-childrens' allowance u kemm hawn familji li jaqilgħu iktar minn €23,993 li jieħdu ċ-childrens' allowance?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

L-ammont ta’ persuni li jirċievu l-allowance tat-Tfal huwa kif jidher hawn isfel : Familji li jaqilgħu inqas minn €23,983 li jieħdu ċ- childrens' allowance – 21,637 Familji li jaqilgħu iktar minn €23,993 li jieħdu ċ- childrens' allowance – 19,318

Awtorità tad-Djar — Uffiċċju tal-Perit - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu fl-uffiċċju mal-Perit li jmur jispezzjona l-postijiet f'isem l-Awtorità tad-Djar fuq kull tip t'applikazzjoni li tidħol l-awtorità?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

L-Awtorita’ tad-Djar timpjega seba’ periti li ħamsa minnhom jispezzjonaw postijiet fuq skemi li toffri l-istess awtorità. Perit minn dawn il-ħamsa jagħmel l-ispezzjonijiet huwa stess. Żewġ Periti għanhom żewġ ħaddiema oħra magħhom filwaqt li tnejn oħra għandhom persuna waħda fl-uffiċċju magħhom. Tnejn mis-seba’ periti jagħmlu xogħol ieħor li m’għandux x’jaqsam ma skemi, bħal proġetti eċċ.

Awtorità tad-Djar — applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 30715, jista’ l-Ministru jgħid meta l-applikazzjoni in-kwistjoni għall-akkomodazzjoni soċjali kienet kanċellata, għaliex kif qalet hi l-Awtorità tad-Djar m’għandhiex ħjiel fejn qed tgħix l-applikanta? Taf il-Ministru li l-applikanta sa xaharejn ilu marret il-housing issaqsi fuq l-applikazzjoni tagħha u ħalliet ittra mal-messaġġier għall-uffiċjal tal-Awtorità għaliex din ma setgħetx tiltaqa’ magħha minħabba l-load tax-xogħol?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Mill-applikazzjoni tal-applikanta jirriżulta li hija applikat minn post ġewwa l-Marsa, iddikjarat ukoll li qegħda tgħix Ħaż Żebbuġ però l-awtorità vverifikat li hija ma tgħix fl-ebda post imsemmi. L-awtorità sal-lum ma rċeviet l-ebda ittra mingħand l-applikanta fejn tindika fejn attwalment qegħda tgħix. Għalhekk l-applikazzjoni ser tibqa’ kkanċellata sakemm din il-persuna tirrikorri l-Awtorità tad-Djar u tirregola l-pożizzjoni tagħha.