Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Safar fuq xogħol uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba siefer barra mill-pajjiż fuq xogħol uffiċjali kull membru fil-Ministeru tiegħu (inkluż hu bħala Ministru), xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus bħala ‘hospitality’ mill-Ministeru tiegħu f’kull mawra barra mill-pajjiż, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f’hospitality, id-data ta’ meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f’hospitality?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħti ħarsa lejn il-“Manual on Transport and Travel Policies” li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra li jirregola l-arranġamenti ta' vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, u per diem allowances.

Polyclinics tal-Gvern u l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta’ pazjenti li utilizzaw il-polyclinics tal-Gvern u l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei minn Jannar sa Diċembru tas-sena 2013 u kemm kien in-numru ta’ pazjenti li utilizzaw il-polyclinics tal-Gvern u l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei minn Jannar sa Diċembru 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-2024, kien hemm 1,309,300 pazjent utilizzaw iċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Gvern. Għar-rigward tal-attendenza fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28107.

2025 – COVID-19 — Każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hawn każijiet ta’ Covid-19 fl-ewwel 6 xhur tal-2025 u jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm kien hawn?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-ewwel sitt xhur tas-sena kien hemm 222 każ ta’ Covid-19. Dawn kienu maqsuma hekk: Jannar – 19; Frar – 11; Marzu – 22; April – 19; Mejju – 68; u sal-15 ta’ Ġunju – 89.

San Pawl il-Baħar – Servizzi mill-berġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li ngħataw servizzi mill-berġa ta’ San Pawl il-Baħar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Berġa ta’ San Pawl il-Baħar kienet tintuża mit-Tabib, infermiera u patoloġija tal-lingwa mitkellma sas-sena 2019. Ingħalqet fil-COVID fis-sena 2020 bħall-Bereġ l-oħra kollha. Intużat ukoll fis-sena 2021 biex ingħata l-vaċċin tal-COVID. Sadanittant dawk kollha minn San Pawl il-Baħar li jinħtieġu kwalunkwe servizz tas-saħħa, qegħdin jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, 24 siegħa kuljum.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva –  Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ġunju 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Mosta — Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani - Xogħlijiet - Spejjeż tat-trasport għal ċentri oħra

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29494, jista’ l-Ministru jgħid min qed iħallas għall-ispejjeż tat-trasport sabiex l-anzjani jaslu f’ċentri oħra waqt li qed isiru x-xogħlijiet fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Mosta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-ispejjeż tat-trasport sabiex l-anzjani jaslu f’ċentri oħra waqt li qed isiru x-xogħlijiet fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Mosta qed jitħallsu mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Kwalità ħażina tal-ilma tal-baħar — Infezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista dettaljata tad-data kollha relatata ma’ infezzjonijiet li ġew irreġistrati fl-isptarijiet u fis-servizzi tas-saħħa pubbliċi kollha, inklużi infezzjonijiet tal-widnejn, infezzjonijiet bl-E. coli, infezzjonijiet bis-salmonella, kif ukoll infezzjonijiet oħra li jistgħu jkunu marbuta ma’ kwalità ħażina tal-ilma tal-baħar, għall-perjodu bejn l-2022 u l-2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-istatistika li għandu d-Dipartiment tas-Saħħa ma tiddistingwix is-sors minn fejn tkun ġejja l-infezzjoni. Għar-rigward ta’ infezzjonijiet bis-salmonella u Shigatoxin/STEC, l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu qattx qala’ ċitazzjoni (traffic fine) minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, fuq liema karozza ħarġet tali ċitazzjoni, min kien qed isuq il-karozza u x’pożizzjoni għandu fil-Ministeru tiegħu, kemm ammontaw fi flus dawn iċ-ċitazzjonijiet u minn min tħallsu dawn iċ-ċitazzjonijiet; jekk hux mill-persuna li għamlet il-kontravenzjoni jew minn fondi pubbliċi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Manual on Transport and Travel Policies and Procedures. Dan il-manwal jagħti linja gwida kif għandhom jiġu trattati iċ-ċitazzjonijiet tat-traffiku relatati ma’ karozzi tal-Gvern, inkluż il-ħlas taċ-ċitazzjonijiet.

Obeżità — Mwiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk kienx hemm każijiet ta’ mwiet attribwiti għall-obeżità minn Jannar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jekk kien hemm, kemm kienu dawn il-każijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet, matul is-sena 2024 kien hemm 7 mwiet direttament attributi għall-obeżità. Madankollu, l-obeżità hija wkoll fattur ta’ riskju għal kawżi oħra tal-mewt.

Servizzi tas-Saħħa — TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi (TCNs) li użaw is-servizzi tas-saħħa diversi fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm ħallsu b’kollox għal dawn is-servizzi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li n numru ta' persuni ġejjin minn pajjiżi terzi u ħallsu għal xi servizz mediku mogħti mill-Isptar Mater Dei fl-2025 jammonta għal 1,787 b'dawn il-pazjenti jħallsu s-somma komplessiva ta' €1,323,284.36

Operazzjonijiet Ċesarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il twelid sar permezz ta’ operazzjoni ċesarja f’pajjiżna matul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bejn l-2017 u l-2024 kien hemm 35,712 twelid li minnhom, 11,967 saru permezz ta’ operazzjoni ċesarja. L-operazzjonijiet ċesarji kienu mqassmin hekk: fl-2017 saru 1,408; fl-2018 saru 1,482; fl-2019 saru 1,423; fl-2020 saru 1,460; fl-2021 saru 1,517; fl-2022 saru 1,478; fl-2023 saru 1,636; u fl-2024 saru 1,563.

CT40009/2025 — Tender for the Leasing of Accommodation Premises for Older Persons in Gozo for Gozo General Hospital within the Ministry for Health and Active Ageing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħarġet it-tender “CT40009/2025 - Tender for the Leasing of Accommodation Premises for Older Persons in Gozo for Gozo General Hospital within the Ministry for Health and Active Ageing”, meta bħalissa hemm Dar tal-Anzjani f’Għawdex li għadha mhix okkupata għalkollox?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-tender "CT40009/2025 - Tender for the Leasing of Accommodation Premises for Older Persons in Gozo for Gozo General Hospital within the Ministry for Health and Active Ageing" għandu l-għan li jiffaċilita r-rilokazzjoni tar-residenti ġerjatriċi li bħalissa jinsabu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Din ir-rilokazzjoni hija element essenzjali biex jiġu implimentati l-iżviluppi preżenti u futuri tal-Isptar.

Mosta — Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq ix-xogħlijiet li saru fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani fil-Mosta? Jista’ jgħid ukoll fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f’din il-binja?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill Onor. Interpellanta għall-istqarrija li ħarġet fit-28 ta’ Marzu 2024: https://www.gov.mt/en/Government/DOI/Press%20Releases/Pages/2024/03/28/pr240508.aspx

Mosta — Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsarat żviluppaw fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani fil-Mosta wara li saru x-xogħlijiet f’dan iċ-Ċentru? Jista’ jgħid ukoll kemm ser ikunu qed idumu għaddejjin dawn ix-xogħlijiet u fejn ser jittieħdu l-anzjani sakemm isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tal-Mosta żviluppat ħsara fis-sistema tad-drenaġġ u bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ tiswija. Sandanitant, l-anzjani qed jattendu fiċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva ta’ lokalitajiet oħra fil-viċinanzi.

Wied il-Għajn — Berġa - Servizzi offruti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb i-mistoqsija parlamentari 28918 fl-intier tagħha u jgħid x’servizzi huma offruti fil-Klinika fil-Komunità (Berġa) f’Wied il-Għajn u jekk dawn humiex ser jiżdiedu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Klinika tal-Komunità (Berġa) f’Wied il-Għajn qed jiġu offruti diversi servizzi primarji importanti, fosthom dawk ta’ Tabib tal-Familja, tal-Infermiera, tal-Fiżjoterapija, Podjatrija, Patoloġija tal-Lingwa Mitkellma u servizz ta’ tneħħid tad-demm.

Iż-Żejtun — Servizzi offruti fil-Berġa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb i-mistoqsija parlamentari 28919 fl-intier tagħha u jgħid x’servizzi huma offruti fil-Klinika fil-Komunità (Berġa) fiż-Żejtun u jekk dawn humiex ser jiżdiedu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Klinika tal-Komunità (Berġa) fiż-Żejtun qed jiġu offruti diversi servizzi primarji importanti, fosthom dawk ta’ Tabib tal-Familja, tal-Infermiera, tal-Fiżjoterapija, Podjatrija, Patoloġija tal-Lingwa Mitkellma, in-Nutrizzjonista u il-Psikoloġija.

Marsaxlokk — Servizzi offruti fil-Berġa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb i-mistoqsija parlamentari 28920 fl-intier tagħha u jgħid x’servizzi huma offruti fil-Klinika fil-Komunità (Berġa) f’Marsaxlokk u jekk dawn humiex ser jiżdiedu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Klinika tal-Komunità (Berġa) f’Marsaxlokk qed jiġu offruti diversi servizzi primarji importanti, fosthom dawk ta’ Tabib tal-Familja, tal-Infermiera, tad-Dijetetista, tal-Fiżjoterapija, Podjatrija, Patoloġija tal-Lingwa Mitkellma, il-Psikoloġija u servizz ta’ tneħħid tad-demm. Id-Dipartiment tal-Kura Primarja joffri ukoll klinika speċjalizzata Ġenito-Urinarja kif ukoll klinika ghal-Mard Kroniku tal-Kliewi. Barra min hekk, din il-Klinika fil-Komunita’ taghti spazju għal-servizzi sekondarji ta’ Newroloġija u klinika ghat-Tfal u l-Adoloxxenti (mid-Dipartiment ghas-Saħħa Mentali).

Ħal Għaxaq — Servizzi offruti fil-Berġa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb i-mistoqsija parlamentari 28921 fl-intier tagħha u jgħid x’servizzi huma offruti fil-Klinika fil-Komunità (Berġa) f’Ħal Għaxaq u jekk dawn humiex ser jiżdiedu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Klinika tal-Komunità (Berġa) f’Ħal Għaxaq qed jiġu offruti diversi servizzi primarji importanti, fosthom dawk ta’ Tabib tal-Familja, tal-Infermiera, tal-Fiżjoterapija, Podjatrija u tal-Patoloġija tal-Lingwa Mitkellma.