Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — spazji tal-bjut tal-binjiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-gvern fid-dipartimenti/agenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru, fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispazju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells? X'titjib kien hemm minn sentejn u nofs 'il hawn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali għandu bejn wieħed u ieħor 11,555 metru kwadru ta’ spazju fuq il-bjut tal-binjiet li mhumhix proprjetà privata u li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tieghu (jeskludu district offices u tool rooms żgħar). Preżentement minn dan l-ispazju hemm 168 metru kwadru ta’ pannelli ta’ fotovultaġġ, jew 24 kWp (jew kważi 2%). Fl-aħħar tliet snin żidna 90 metru kwadru jew 13 kWp ta’ pannelli ġewwa ċ-ċentri ta’ skart goff tal-WasteServ. Barra minn hekk, qed jiġu kkunsidrati spazji ġodda li jistgħu jiġu utilizzati għall-pannelli ta’ fotovultaġġ. Wieħed irid iżomm f’moħħu li biex jiġu nstallati l-pannelli ta’ fotovultaġġ fuq spazji speċifiċi, iridu jitqiesu numru ta’ fatturi li jinfluwenzaw ir-rendiment. Dan ifisser li mhux kull spazju huwa dejjem addattat l-istess biex jintuża għal dan il-għan sabiex tottjeni l-enerġija massima li tista’ tittieħed mill-pannelli. Eżempji elementari ta’ kunsiderazzjonijiet simili li jittieħdu qabel tittieħed deċiżjoni finali jinkludu l-inċidenza li jaqa’id-dell fuq il-bjut kif ukoll l-orjentazzjoni tal-bini nnifsu

nefqa ta' flus pubbliċi fuq xiri ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus pubbliċi biex ġew importati siġar fl-2008, 2009 , 2010 u 2011? Xi speċi ta' siġar (bl-isem Botaniku u dak Malti jew Ingliż) kienu dawn u x'ammont minn kull speċi ġew importati? Jista' jgħid kemm inxtraw mill-Ministeru tiegħu siġar wara li ġew importati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tajjeb li nibda billi nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-infieq ta’ flejjes pubbliċi f’importazzjoni ta’ siġar prinċiparjament tal-frottgħandu skop ewlieni li tissaħħaħ il biedja lokali. Dan huwa l-iskop prinċipali tal-Mixtla li hemm San Vinċenz de Paul. Dawn is-siġar jiġu mpurtati biex jintlaħqu għanijiet li jkunu ntrodotti varjetajiet ġodda u anki dawk li mhumiex daqshekk popolari, imma li huma addatati għall-klima lokali u għat-tip ta’ ħamrija li hawn f’dawn il-gżejjer. Dan ukoll joffri benefiċji mhux biss lill-bdiewa, imma fl-aħħar mill-aħħar lill-konsumatur. Fl-istess ħin dan iservi biex jiddaħħlu speci u varjetajiet li huma aktar reżistenti għall-mard. Għaldaqstant numru ta’ siġar jinbiegħu direttament lill-bdiewa u lill-dawk interessati fit-tkabbir ta’ siġar tal-frott immedjatament wara li jaslu Malta. Parti kbira minnhom jinżammu mid-Dipartiment tal-Biedja kemm għal skop ta’ riċerka jew jinżammu biex isir tnissil għal użu futur.kif ukoll biex fuqhom isir tilqim (dawk tas-selvaġġ). Dawn tal-aħħar jew jitħawwlu f’ġonna tal-gvern kif ukoll eventwalment jinbiegħu lill-pubbliku. Fejn jirrigwardja sezzjonijiet oħra ninfurmah li l-Għammieri jagħmlu użu minn siġar jkunu kollha mkabbra hawn jew ġew bħala donazzjoni wara li tkabbru mit-tfal fl-iskejjel. Il-PARK Unit tħawwel siġar imkabbrin fil-mixtla tagħha jew mixtrija minn distributuri lokali. It-taqsima MELP qatt ma importat siġar u għalhekk qatt ma nefqet flus publiċi għall importazzjoni peress li tinqeda bl-ELC għall proġetti tagħha u tikkonferma li l-kuntrattur tagħna ma għamilx użu minn siġar importati minnu jew minn importaturi oħra fil-proġetti tal-MRRA bejn 2008-2011. Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — informazzjoni dwar ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema u f'liema grad huma u kemm minnhom huma abbażi ta' kuntratt u kemm minnhom huma impjegati maċ-ċivil direttament mal-Ministeru u entitajiet fid-dikasteru tiegħu matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-Ministeru, d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu impjegaw magħhom tlieta u ħamsin (53) impjegat. Minn dawn l-impjegati, tletin (30) huma abbażi ta’ kuntratt, filwaqt li tlieta u għoxrin (23) ġew impjegati maċ-ċivil direttament mal-Ministeru u entitajiet. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Xogħlijiet b'risq persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma u xogħlijiet saru b'riżq persuni b'diżabilità mill-Ministeru tiegħu f'kull uffiċċju u dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f'din l-aħħar sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru jħaddan bis-sħiħ politika favur persuni b’diżabilità partikolarment fejn jidħol l-aċċess. Fl-ambitu tar-responsabbitajiet ta’ dan il-Ministeru, il-ħidma tal-Ministeru tiegħi f’xogħlijiet b'risq persuni b'diżabilità jinqasmu fuq żewġ livelli; wieħed huwa dak li jikkonċerna l-ambjent tal-postijiet tax-xogħol f’dan il-Ministeru b’risq kemm għall-impjegati kif ukoll għall-pubbliku li jżur dawn il-postijiet, u l-ieħor dak ta’ proġetti mwettqa fuq postijiet pubbliċi fejn il-proġetti li nkunu se nwettqu bħala Ministeru dejjem nieħdu konsiderazzjoni tal-ħtieġijiet tal-persuni b’diżabilità. Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Ta' Qali — Ċentru San Franġisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta d-dipartiment kien qed jibni ċ-Ċentru San Frangisk f’Ta’ Qali, min ta l-parir li l-art kellha tinkesa b’madum aħrax u bil-grouting li jmur kontra kull prassi normali għall-kliniċi ta' kull tip? Kemm ġie jiswa dan il-madum u se ssir xi ħaġa biex dan id-diffett f’dan iċ-ċentru jiġi ratifikat min-naħa tad-dipartiment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba n-natura tax-xogħol u l-ambjent għall-annimali, f’dan il-proġett l-istandards ta’ speċifikazzjonijiet kienu jitolbu madum non slip, b’absorption baxxa , b’chemical resistance għolja u epoxy based grouting. Dan kien maqbul u aċċettat min-naħa tal-government veterinary officers ta’ dak iż-żmien. L-ispiża sabiex tpoġġa dan il-madum non slip kienet tammonta għal € 22,069.37 (li tinkludi l-prezz tal-madum innifsu, it-tqegħid tal-madum u r-ramel ta’ taħtu kif ukoll l- grouting bl- epoxy ). Fil-fatt ta’ min jiġbed l-attenzjoni li fil- multipurpose hall , peress li din tintuza għal skopijiet differenti mill-kumplament tal-kumpless, intuża madum gres bi smooth finish u mhux non slip bħal kumplament.

Ċentru San Franġisk — Animal Welfare - kura fi kliniċi privati

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar kemm ittieħdu annimali għall-kura fi kliniċi privati u fiċ-Ċentru San Franġisk mit-taqsima tal-Animal Welfare fl-aħħar erba' snin? Jista' jgħid ukoll fejn ittieħdu għall-kura, kemm ħallas id-dipartiment għal dan is-servizz sena b'sena (eskluż il-ħlas għall-mediċini) u fuq kollox x'tip ta' annimali ttieħdu għal kura mill-Animal Welfare? Jista' jagħti l-informazzjoni sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz ta’ ambulanza tal-annimali beda jkun operat mid-Direttorat għall-Ħarsin tal-Annimali mill-1 ta’ Jannar 2010. Bejn l-1 ta’ Jannar u Novembru tal-istess sena kien intuzat is-servizz ta’ veterinarji varji minħabba li matul il-lejl kellu jintuża s-servizz ta’ emergenza li dan jiġbor fih ħafna veterinarja. Tipi ta’ annimali li ġew mgħejjuna jvarjaw u jinkludu klieb, qtates, għasafar, fniek, hamsters, fkieren, mogħoż u tipi oħrajn. Iż-żieda qawwija fil-użu tas-servizz tal-ambulanza beda proprju lejn Ġunju 2010 wara li dan is-servizz beda jkun promoss aktar ta’ spiss fuq il-mezzi tax-xandir. Wara li nfetaħ Ċentru San Franġisk, l-annimali misjuba kollha bdew jittieħdu f’dan iċ-ċentru u sa Settembru 2011 ittieħdu 1,728 annimal varju. L-ispejjeż involuti kienu kollha ta’ mediċinali, peress li f’dan iċ-Ċentru ma jsirx ħlas għas-servizz veterinarju f’każijiet ta’ emergenza. Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Taqsima tal-Animal Welfare — xiri ta' ikel biex titma l-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn it-Taqsima tal-Animal Welfare tixtri l-ikel ħalli titma l-annimali li tieħu ħsieb fil-faċilitajiet tagħha u jekk dan hux abbażi ta' xi kuntratt li ngħata b'tender jew direct order?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Tariffi tal- Anti dumping

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif fuq tariffi anti-dumping li intrapriżi Maltin iħallsu u jgħid ta' liema ġeneru huma? F'din l-informazzjoni, jista' jgħid jekk hemmx intrapriżi bbażati Malta li għandhom xogħol speċifikat li huwa uniku, kemm jekk hux f'Malta u jekk hux fl-Ewropa li jħallsu tali tariffa? Jekk huwa hekk, dan huwa għal perjodu temporanju jew b'mod permanenti? Waqt in-negozjati bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, kien hemm diskussjonijiet biex tali tariffi jkunu bl-inqas effett negattiv possibbli, jew inkella ntalbet xi deroga waqt dawn it-taħdidiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment peress li din il-mistoqsija hi waħda li tikkonċerna l-kummerċ.

Applikazzjonijiet għall-Photovoltaics u Solar Water Heaters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet kull xahar sal-lum (i) għal photovoltaics u (ii) għal solar water heaters minn Malta u Għawdex separatament li ġew aċċettati u kemm minn dawn l-applikanti ngħataw is-sussidju?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Below the Line account

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28920, u b'referenza għat-tweġibiet parlamentari li taw il-maġġoranza tal-Ministri kollegi tiegħu għall-istess mistoqsija, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28920 u jgħid kemm kien il-below the line account f'kull l-aħħar tax-xahar matul l-2011 fid-dekasteru tiegħu? Jista jgħid kif qed jintużaw l-fondi li qegħdin fil-below the line account?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li kemm din il-mistoqsija paralamentari tiegħu, kif ukoll numru 28920 li qed jirreferi għaliha, jitkellmu fis-singular għal below the line account u mhux fil-plural. Peress li jsir użu min-numru ta’ below the line accounts kont kostrett nitlob għal kjarifika. Madankollu ninfurmah li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni tal-Below the Line Accounts kollha li jikkonċernaw dan il-Ministeru.

każ ta' persuna li qed tiġi abbużata

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga każ ta' persuna li, d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li qed tiġi bullied fuq il-post tax-xogħol u mhux l-ewwel darba li sabet il-locker tagħha mkisser?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant fejn sar żgass ta’ lockers ġie referut lill-pulizija u qed jiġi investigat minnhom.

Tas-Sliema — Pjazza Sant' Anna u Triq Bisazza - ħasil

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jiġi jiswa l-ħasil ta' Pjazza Sant' Anna u Triq Bisazza f'Tas-Sliema? Kemm-il darba jsir dan il-ħasil fil-ġimgħa? Kemm qed jiswa s-servizz ta' għassa li hemm fi Triq Bisazza? Min qed iħallas għal dawn is-servizzi, il-Ministeru jew il-kunsilli lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għat-Tindif huwa assenjat bħala l-kuntrattur responsabbli għat-tindif tal-ispazji pubbliċi għal-lokalità ta’ Tas-Sliema. Il-ħasil imsemmi huwa parti mill-programm ta’ tindif imwettaq mid-dipartiment.

Tas-Sliema — Triq Bisazza - persuni impjegati għat-tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm persuna jew persuni impjegati li bħala xogħol ingħataw li jridu kontinwament iduru ma' Triq Bisazza Tas-Sliema biex jiġbru karti, loqom tas-sigaretti u affarijiet oħra li jintremew? Jekk dan huwa minnu, jista' jgħid jekk din il-prattika hux se tiġi estiża għal toroq oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li-nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28381, ninfurmah li din il-proċedura ta’ xogħol ġiet introdotta diversi xhur ilu f'diversi toroq arterjali madwar il-pajjiż kollu u f'postijiet pubbliċi oħra, u qed tħalli l-frott mixtieq billi l-kwalità ta’ tindif f'dawn it-toroq u dawn iż-żoni tjiebet sostanzjalment. L-iskop ta’ dan kollu, huwa sabiex jkun assigurat li jkun hemm l-ogħla livell ta’ indafa fl-aħjar livelli possibli f'kull ħin tal-ġurnata, billi jitnaddaf immedjatament kull inkonvenjent ta’ ħmieg li jsir mill-pubbliku in ġenerali, speċjalment fuq żoni pedonali. Livell ta’ indafa għola jinstiga lill-dawk li jiffrekwentaw dawn iż-żoni jżommu l-post aktar nadif. Tajjeb li ngħid ukoll li sabiex ix-xogħol isir b’mod l-aktar professjonali u effiċjenti, id-Direttorat għat-Tindif investa fix-xiri ta’ makkinarju speċjalizzat. Eżempji fejn isir xogħol ta’ tindif minn gruppi ta’ impjegati assenjati biex kontinwament iduru inaddfu l-affarijiet li jintremew jinkludu fost l-oħrajn:. · Pjazza San Ġorġ , Triq il-Merkanti u toroq oħra fil-Belt Valletta, · Il-Park Nazzjonali f’ Ta’ Qali, · Ċerti junctions fejn hemm traffic lights.

Acquifers — volum ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li kien il-volum ta’ ilma estratt mill-acquifers f’Malta u Għawdex separatament mill-privat fl-2010 u sa Settembru din is-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19961. Sa’ illum jeżistu biss estimi ġenerali u għalhekk inbeda l-proċess ta’ istallazzjoni ta’ meters biex ikun stabbilit il-volum ta’ estrazzjoni b’mod preċiż.

Mtieħen — spieri tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx, jew kienx hemm xi skema li permezz tagħha jkunu jistgħu jiġu msewwija l-imtieħen tar-riħ li kienu jintużaw biex jittella' l-ilma mill-ispieri tal-ilma? Jekk kien hemm skema, kemm kienu l-applikazzjonijiet li saru biex tali mtieħen ikunu jistgħu jiġu msewwija? Jekk ma kienx hemm skema, jista' jieħu xi inizjattiva biex tali skema tkun tista' titpoġġa għad-dispożizzjoni ta' dawk interessati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skema bħal din tnidiet taħt l-inizjattiva Eko-Għawdex. Skema simili qed tiġi kkonsidrata għal Malta. Min-naħa l-oħra, ingħata bidu għal-studju minn-uffiċjali ta’ dan il-Ministeru f’kollaborazzjoni ma’ uffiċjali mill-Università biex tkun studjata il-possibiltà li dawn l-irdieden tradizzjonali jinbidlu għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija elettrika.

ETC — full-time farmer

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm u ta' liema tip, jekk part-time farmer jew bħala self employed, jista' jkollu raba' miktub fuqu biex ikun jista' ukoll jirreġistra għal xogħol full-time mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-mistoqsija tittratta regolamenti tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. Għalhekk nistiednu jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — impjieg ta' persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b’diżabilità f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-ministeru u mid-dipartimenti u enitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar sitt xhur fi ħdan dan il-Ministeru, id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu ġew impjegati żewġ persuni b’diżabilità.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għas-safar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011 li saru mill-Ministeru, entitajiet u dekasteri eċċ. li jaqgħu taħtu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat illi n-nefqa għas-safar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011 minn dan il-Ministeru, entitajiet u dekasteri eċċ. li jaqgħu taħtu kienu kif ġej: Nefqa Ministeru u Dipartimenti € 473,493 Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi € 75,785 WasteServ Malta Limited €7,661 Il-figuri murija huma dawk netti wara kull rifużjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

Bormla — Resoration Unit - żebgħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li għaddej ir-restawr fuq l-imħażen tal-Baċir Nru 1, Bormla jafu l-awtoritajiet konċernati li skont riċerkaturi barranin dan il-bini qatt ma kien fuq il-ġebla għax dejjem kien miksi biż-żebgħa? Fid-dawl ta' dawn jista' jgħid jekk inżammx xi forma ta’ record fotografiku ta’ din iż-żebgħa li kien għad fadal mal-bini li fuqu sar ir-restawr mir-Restoration Unit u jekk dawn ir-records humiex aċċessibli għar-riċerka? Jista' l-Ministru jgħid jekk inżammux samples ta’ din iż-żebgħa waqt li kien qed isir ir-restawr kemm fuq il-Berġa ta’ Kastilja u kemm fuq il-faċċata tal-Palazz? Jista jgħid jekk dawn is-samples ġewx ittestjati biex jiġu magħrufa l-komponimenti kimiċi tagħhom, jekk dawn sarux studji qabel ma’ tneħħew, f’liema laboratorju ġew ittestjati u jekk hemmx il-possibilità li din l-analiżi tiġi ppubblikata? Jekk minn dawn l-analiżi xjentifiċi rriżultax il-perjodu ta’ meta bejn wieħed u ieħor din iż-żebgħa ġiet mogħtija lill-bini konċernat? Jista' jgħid għaliex ir-Restoration Unit ma’ ħallietx sample areas fuq il-bini bħalma jsir f’restawr professjonali biex il-pubbliku jkun jista’ jkun jaf li dawn il-binjiet kienu miżbugħin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28103, għar-rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, id-Direttorat tar-Restawr jagħmel analiżi u xogħol preparattiv fuq bini storiku li jkun se jiġi restawrat skont il-ħtieġa partikulari ta' kull progett. Ir-riżultati tal-analiżi li jsiru u n-notamenti li jinġabru jinżammu għal referenza għall-ġejjieni. Dawn r-rekords huma aċċessibbli wkoll għal finijiet ta' studju.