Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — transfers ta' ħaddiema
Question
B’referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 111, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni għall-perjodu bejn is-6 ta’ Ġunju 2017 u t-12 ta’ Ġunju 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm transfer wieħed biss fid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tiegħi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu li twaqqaf il-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu l-vittmi/qraba ta’ vittmi li fittxew l-għajnuna mill-istess Victim Support Unit u x’tip ta’ informazzjoni ngħatatilhom f’dan il-perjodu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ġie mwaqqaf f'Jannar 2017. Infurmat illi minn Jannar sa Awwissu 2017, ġew assistiti mitejn u sebgħa u erbgħin (247) persuna, li jinkludu kemm vittmi kif ukoll qraba ta' vittmi. L-għajnuna li ngħatat lill-vittmi tinkludi, sapport emozzjonali immedjat lill-vittmi ta’ kriminalità jew lill-qraba tagħhom li jkunu għadhom kif għaddew minn trawma, referrals għal servizzi t'appoġġ jew xi tip ta' għajnuna oħra barra mill-korp, kif ukoll informazzjoni u follow-ups fuq il-każijiet tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nħarġu jivvotaw mill-Ħabs ta’ Kordin u minn postijiet ta’ detenzjoni oħra għall-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2017? Jista’ jgħid f’liema distrett ittieħed kull priġunier biex jivvota?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ priġunieri li vvutaw kien ta’ 126 u dawn kienu mqassma b’dan il-mod:
Distrett 1 – 24
Distrett 2 – 15
Distrett 3 - 7
Distrett 4 – 11
Distrett 5 – 9
Distrett 6 – 14
Distrett 7 – 6
Distrett 8 – 11
Distrett 9 – 6
Distrett 10 – 5
Distrett 11 – 4
Distrett 12 – 8
Distrett 13 – 6
Ħabs – lista ta’ uffiċjali li akkumpanjaw lil detenuti tal-Ħabs — votazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-uffiċjali tal-ħabs li akkumpanjaw lid-detenuti tal-ħabs biex imorru jivvotaw fl-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 33 Uffiċjal akkumpanjaw lid-detenuti tal-ħabs biex imorru jivvotaw fl-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju 2017
Jista’ l-Ministru jelenka n-nazzjonalitajiet tal-ħabsin fil-31 ta’ Awwissu 2017 u kemm kien hemm persuni minn kull nazzjonalità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tinsab fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nota: id-data fil-qiegħ tad-dokument tindika d-29 ta’ Settembru, biss dik hija d-data ta’ meta ġie pprintjat id-dokument. Il-lista tirreferi għall-31 t’Awwissu.
Jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm hemm żgħażagħ taħt il-25 sena fil-ħabs? Kemm minnhom huma ssentenzjati u kemm minnnhom għadhom għaddejjin bi proċeduri l-Qorti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nhar id-29 ta’ Settembru 2017 kien hemm total ta’ 70 priġunier żagħżugħ taħt il-25 sena, li minnhom kien hemm:
31 taħt arrrest preventiv
39 qed jiskontaw sentenza
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — kuntratti u xogħlijiet minn kumpanija/individwu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lil din il-Kamra rendikont dettaljat tax-xogħol u/jew kuntratti li ngħataw mill-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, id-ditta legali u l-individwu li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament għall-perjodu bejn l-1998 u l-2013? Jista' jelenka liema mix-xogħol u/jew kuntratti ingħataw b'direct order?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi ma ngħata l-ebda xogħol u/jew kuntratti mill-Ministeru li jien responsabbli minnu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, lid-ditta legali u l-individwu li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament.
Persuni mressqa l-Qorti akkużati li qegħdin fil-pajjiż mingħajr il-permessi meħtieġa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu nies il-Qorti akkużati li kienu fil-pajjiż mingħajr il-permessi meħtieġa skont il-liġi fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi persuni ta pajjizi terzi li jkunu Malta minghajr il-permessi mehtiega, ma jitressqux il-Qorti, peress li dan mhux reat kriminali skond il-provedimenti tal-Att 23 li jemenda il Kap 217 dwar l-Immigrazzjoni. Madankollu persuni ta' pajjizi terzi li jinstabu minghajr il-permessi mehtiega, tinhargilhom ordni tat-tnehhija biex dawn il-persuni jitnehhew minn Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba instab inbid fil-pussess ta’ priġunieri fil-ħabs mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017? Jista’ jgħid meta saru dawn is-sejbiet u f’liema diviżjoni tal-ħabs saru dawn is-sejbiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi saru tliet sejbiet ta’ nbid fil-ħabs. Għal raġunijiet ta’ sigurta, mhux għaqli li jingħataw aktar dettalji. Dan l-abbuż mhuwiex tollerabli u lanqas ma hu abbuż l twettaq biss riċentament.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2018 se jkun hemm bidla totali fis-sistema tas-sigurta’ tal-ħabs. Fil-preżent qed jitqabbdu esperti fis-sigurta’.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba nstabu siringi ġewwa l-ħabs fil-perjodu bejn l-1 ta Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017, f’liema dati nstabu u f’liema diviżjoni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 instabet siringa waħda. Dan l-abbuż mhux tollerabli u lanqas ma hu abbuż li twettaq biss riċentament.
Għal raġunijiet ta’ sigurtà, mhux għaqli li jingħataw dettalji dwar f’liema diviżjoni din instabet.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2018 se jun hemm bidla totali fis-sistema tas-sigurta’ tal-ħabs. Fil-preżent qed jitqabbdu esperti fis-sigurta’.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ sejba ta’ kokaina kien hemm fil-ħabs? Jista’ l Ministru jgħid kemm-il każ ta’ sejba ta’ kokaina kien hemm ġewwa l-ħabs fil-perjodu bejn l-1 ta Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017? Jista’ jipprovdi d-dati ta’ dawn is-sejbiet u f’liema diviżjoni saru dawn is-sejbiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm każ wieħed fejn instabet sustanza suspettata droga kokaina. Għal raġunijiet ta’ sigurtà, mhux għaqli li jingħataw dettalji dwar f’liema diviżjoni din instabet.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant illi dan l-abbuż mhux xi ħaġa riċenti imma ilu għaddej għal għexieren ta’ snin.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2018 se jun hemm bidla totali fis-sistema tas-sigurta’ tal-ħabs. Fil-preżent qed jitqabbdu esperti fis-sigurta’.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri fil-ħabs li sarulhom testijiet għad-droga fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017? Jista’ jgħid kemm priġunieri li fuqhom sar it-test għad-droga rriżultaw fil-pożittiv wara dawn it-testijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Awwissu 2017 saru 1262 test fuq priġunieri li minnhom kien hemm 66 test li rriżultaw fil-pożittiv.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru sejbiet ta’ drogi sintetiċi ġewwa l-ħabs, fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017? F’liema dati saru dawn is-sejbiet u f’liema diviżjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta’ Jannar sal-31 t’Awwissu kien hemm 32 każ fejn instabet sustanza suspettata droga sintetika.
Għal raġunijiet ta’ sigurtà, mhux għaqli li jingħataw aktar dettalji.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant illi dan l-abbuż mhux xi ħaġa riċenti imma ilu għaddej għal għexieren ta’ snin.
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2018 se jun hemm bidla totali fis-sistema tas-sigurta’ tal-ħabs. Fil-preżent qed jitqabbdu esperti fis-sigurta’.
Tqattigħ ta’ blat fi plot fl-abitat – ħsejjes tal-inġenji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tqattigħ ta' blat fi plot fl-abitat li jsiru b'inġenji li jagħmlu ħsejjes kbar (hymac) humiex kontrollati li jkunu jistgħu jaħdmu f'ħinijiet inkluż fis-sigħat ta’ wara nofsinhar? Jekk plot tkun imdawwra bi djar residenzjali, jeżistu provvedimenti biex jipproteġu lil terzi persuni li jkunu jaħdmu bix-shift u jkunu jridu jistrieħu fil-ħinijiet ta’ wara nofsinhar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi fil-każijiet fejn hemm tqattigħ ta’ blat fi plottijiet fl-abitat li jsiru b’inġenji li jagħmlu l-ħsejjes, il-Pulizija hija gwidata bil-Provvedimenti tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 552.09 rigward Regolamenti dwar l-Immaniġjar Ambjentali tas-siti ta’ kostruzzjoni li jinkludu l-ħinijiet permessibbli sabiex isir xogħol ta’ kostruzzjoni, fost provvidementi oħra. Dawn il-provvedimenti huma applikabbli għall- kwalunkwe xogħol li jiġġenera ħsejjes. Il-Pulizija tieħu azzjoni skont il-liġi meta jkun hemm rapporti ta’ ksur ta’ provvidementi ta’ din il-leġizlazzjoni. Kopja tal-leġizlazzjoni msemmija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-pulizija se jitħallsu tas-sahra li għamlu minn Jannar 2017 bħala tourist police?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi t-tourism police ma jitħallsux sahra iżda extra duty u din titħallas mill-Ministeru tat-Turiżmu. L-aħħar pagament li rċieva d-dipartiment kien din il-ġimgħa u l-ħlas qed jiġi proċessat bil-ħsieb li dan jiġi rifless fis-salarju tal-uffiċjali konċernati f’Novembru jew l-aktar tard fil-bidu ta’ Diċembru 2017.
Kummissjoni Permanenti dwar il-Korruzzjoni – każ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadhom ma ttieħdux passi mill-Pulizija kontra l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ladarba l-Kummissjoni Permanenti dwar il-Korruzzjoni irreferiet il-każ tiegħu lill-Pulizija wara li sabet każ ta’ korruzzjoni wara li talab commission ta’ €25,000 fuq kuntratt ta’ riċiklaġġ? X’inhu lest jagħmel il-Ministru biex jara li l-Pulizija taqdi dmirha u tara li jittieħdu passi skont id-dritt tal-liġi?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li, in linea ma’ obbligi proċedurali u anke legali, l-investigazzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija jridu jissoktaw xorta fuq kull każ, anke fid-dawl li żgur jeżistu livelli u metodi differenti ta’ stħarriġ imewttqa minn entitajiet differenti. Dan qabel ma jittieħdu passi ulterjuri, ibbażat fuq dak li jkun irriżulta anke fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Kif diġà kelli l-okkażjoni li nirrimarka f’din l-istess Kamra ftit tal-ġranet biss ilu fuq l-istess każ inkwistjoni, l-Onorevoli interpellant m’għandux jippretendi li jien, bħala l-Ministru responsabbli, nindaħal fuq xi investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. Kontra dak li jidher li temmen l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, dan il-Gvern ma jħossx li l-politiku għandu jkollu tali drittijiet li jindaħal.
Hemm il-ħsieb li jinħareġ mandat ta' arrest biex ċittadin Ingliż, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li għamel sfreġju bil-graffiti tiegħu fuq il-Blat tal-Wied u l-Bajja tax-Xlendi jinġieb Malta ħalli jħallas għal għemilu? Billi dawn il-graffiti qed jitneħħew mill-Gvern Malti bi spiża mhux żgħira jistax il-Ministru jitlob il-parir tal-AG biex dan l-individwu jitressaq quddiem il-ġustizzja wara l-isfreġju li għamel fuq l-ambjent naturali tal-Wied u l-Bajja pittoreska tax-Xlendi?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjonijiet relatati mal-każ ta' sfreġju bi graffiti fix-Xlendi nbdew malli dan l-inċident ġie magħruf mill-Pulizija tad-Distrett, f'Għawdex. Infurmat illi sallum għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet anke peress li l-persuna suspettata ma tinsabx f'dawn il-gżejjer u filwaqt li dan qed isir biex jiġu stabbiliti l-proċeduri sussegwenti, kif korrettament indika l-Onorevoli Interpellant, ser jittieħed ukoll il-parir tal-avukat ġenerali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ impjegati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-1 ta’ Jannar 2017 u fil-5 ta’ Ġunju 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-1 ta’ Jannar 2017 kien hemm 303 impjegati, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, filwaqt li fil-5 ta’ Ġunju 2017 kien hemm 297 impjegat. Fil-jiem li ġejjin se jibda reklutaġġ ġdid f’konformita mal-HR Plan.