Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux testijiet għal abbuż ta' droga fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin matul ix-xhur ta' Jannar u Frar tas-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll xi rriżulta minn dawn it-tesijiet u, jekk hu l-każ, kemm kien hemm persuni li nstabu pożittivi u għal liema droga?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin isiru żewġ tipi ta’ testijiet ta’ droga. Isiru testijiet fuq dawk li jkunu għadhom deħlin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u testijiet fuq dawk li huma diġa’ residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fil-każ tat-testijiet fuq dawk li jkunu għadhom deħlin fil-Faċilità minn barra jkun hemm ħafna li jirriżultaw fil-pożittiv, u għalhekk dan jikkonferma kemm hu importanti li l-ħabs jibqa’ ħieles mid-droga biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jagħmlu rijabilitazzjoni bogħod mill-vizzju.
Fit-tieni tip ta’ testijiet, u ċjoè dawk li jkunu ilhom aktar minn 30 ġurnata l-ħabs, infurmat li mit-testijiet li huma konklużi is-sena 2024 rat it-testijiet kollha jirriżultaw fin-negattiv, filwaqt li fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena kien hemm biss każ wieħed li nstab pożittiv waqt li ma kienx resident ġewwa l-ħabs, iżda kien qed jattendi programm ta’ rijabilitazzjoni ġewwa l-Caritas.
Rapport tal-Ombudsman dwar il-Faċilità Korettiva ta’ Kordin
Question
Jista' l-Ministru jelenka x'passi ttieħdu wara r-rapport tal-Ombudsman intitolat "Own Initiative Investigation into possible systematic maladministration within the Corradino Correctional Facility - January 2025"?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Fl-aħħar snin il-ħabs responsabbiltà tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi inbidel minn post bla ebda forma ta' ordni, dixxiplina jew riabilitazzjoni, u ħabs mimli droga, għal post ordnat, bla droga, u tentattiv ġenwin ta' riabilitazzjoni. Ninsab infurmat li kif jindika r-rapport innifsu l-investigazzjoni li qed jagħmel referenza għaliha nbdiet fl-2021 bil-ħsieb li tiffoka fuq it-tmexxija tal-Faċilità Korrettivata' Kordin f'perjodu li issa jmur lura għal iktar minn tliet snin. Kull rapport ikun evalwat bis-serjetà u b'rispett lejn l-uffiċċju li jkun ippubblikah, f'dan il-każ l-uffiċċju tal-Ombudsman. Tant hu hekk li l-amministrazzjoni tal-faċilità se tkun qed tikkomunika uffiċjalment mal-uffiċċju tal-Ombudsman. Iżda, l-istess amministrazzjoni u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol ilhom snin jieħdu azzjonijiet konkreti, inkluż fil-perjodu li kien qed jinkiteb dan ir-rapport u wħud minnhom ssir proprju referenza għalihom fl-istess rapport, hekk kif kienu tliet snin ta' bidliet u azzjonijiet kontinwi.
Uħud mill-inizjattivi ewlenin li ttieħdu fl-aħħar snin, jinkludu;
• It-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Priġunieri
• L-introduzzjoni ta' care plan għal kull priġunier li jidħol fil-ħabs
• Xogħol fuq tliet half-way houses ġodda f'Malta waħda minnhom se tkun l-ewwel waħda għall-priġunieri nisa
• Sar xogħol fid-diviżjoni tan-nisa sabiex ikun hemm post għall-omm u t-tarbija
• Saru aktar minn 40 Standard Operating Procedure li jitrattaw l-operat ta' kuljum tal-Aġenzija
• Issaħħu s-sistemi diġitali fosthom bl-Offender Management System li tgħaqqad l-imsieħba kollha fis-settur
• L-istaff tal-professjonisti li fost oħrajn jinkludi Psikologi, Psikjatri u Social workers illum ilaħħaq is-87
• Żdiedu s-servizzi mediċi offruti bħal dentistrija u oftalmoloġija u llum fl-Aġenzija hemm erba' tobba u magħhom 11-il infermier f'kull shift
• Sar admission hub fejn priġunieri ġodda qed jagħmlu l-ewwel ġimgħa fiha qabel imorru ikunu assenjati d-division
• Iddaħħal il-kunċett ta' safe cell f'numru ta' diviżjonijiet fejn ikun hemm anke monitoraġġ permezz tas-CCTV
• Ġie ngaġġat uffiċjal edukattiv u ġie rinnovat iċ-ċentru edukattiv għall-priġunieri
• Ġie rinnovat iċ-ċentru ta' taħriġ għall-uffiċjali
• Qed isir mental first aid kors lil kull ħaddiem fl-Aġenzija kemm uffiċjali u kemm dawk pajżana
• Tkabbret u nbidlet b'mod komplut il-kċina tal-ħabs u magħha tjieb is-servizz tal-ikel
• Sar rinnovar tal-forensic unit u f'numru ta' diviżjonijiet, liema xogħol huwa wieħed kontinwu
• Infetaħ post fil-Marsa biex il-priġunieri jiltaqgħu ma' uliedhom f'ambjent 'il bogħod mill-ħabs
• Ingħataw iktar opportunitajiet ta' xogħol permezz tal-prison industry
• Qed issir kollaborazzjoni ma' diversi entitajiet biex jiġu offruti numru ta' korsijiet fosthom mal-MCAST.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tar-rapporti li saru f'dawn l-aħħar għaxar snin mill-Ombudsman dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu, u jgħid x'passi ttieħdu għal kull rapport li ġie ppubblikat?
EU Pact on Migration and Asylum — Pjan ta' Implimentazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-EU Pact on Migration and Asylum, liema pjan għandu jitlesta minn Malta sal-aħħar tas-sena 2025, b'mod partikolari dwar kif is-sistema tal-ażil ta' Malta ser ikollha tinbidel minħabba dan il-Patt?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġiet stabbilita task force fi ħdan il-Ministeru biex tikkoordina l-ħidma fuq l-implimentazzjoni tal-Patt. Il-Pjan Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni ġie sottomess lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Diċembru 2024 u t-task force imsemmija hawn fuq qed tissorvelja l-implimentazzjoni tal-miri differenti li ġew identifikati.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sommarju tal-miri differenti li ġew abbozzati għal kull element li ġie identifikat mill-Kummissjoni biex il-Patt jiġi implimentat b’suċċess.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-2024 ġewx iddeportati minn pajjiżna persuni illi kellhom akkużi kriminali pendenti quddiem il-Qrati f'pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jew li kienu mftixxija mill-awtoritajiet ta' pajjiżi fl-Unjoni Ewropea?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Pulizija m’għandha ebda informazzjoni li fis-sena 2024 ġew iddeportati xi persuni minn dawn il-gżejjer li kellhom xi akkużi kriminali pendenti quddiem il-Qrati f'pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jew li kienu mfittxija mill-awtoritajiet ta' pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm persuni daħlu f’Malta irregolarment mill-baħar u ġew interċettati mill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) f'dawn l-aħħar ħames snin u jindika l-post li fih tniżżlu f'Malta flimkien mal-ġurnata u l-ħin? Jista' jaqsam din l-informazzjoni skont kull dgħajsa rispettivament?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Il-Gvern ma kienx kuntent bl-istatus quo fuq l-immigrazzjoni rregolari. Għalhekk ittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet, inkluż bidliet leġiżlattivi, sabiex is-sistema tal-immigrazzjoni rregolari tkun waħda aktar soda u ġusta, kemm lokalment u kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Ħdimna mill-qrib ma’ pajjiżi oħra, pajjiżi ta’ oriġinu u kif ukoll pajjiżi ta’ tranżitu, sabiex naqqasna l-wasliet irregolari u jintilfu anqas ħajjiet fuq il-baħar.
Għamilna tibdil sabiex ikollna sistema ġusta ma’ min ħaqqu protezzjoni iżda iebsa ma’ min ma jkollux dritt joqgħod ġewwa pajjiżna. Dan kien possibbli permezz ta’ bidliet leġiżlattivi, investiment fil-proċess tal-ażil, partikolarment bil-ħolqien tal-International Protection Agency u t-tnaqqis fl-ammont ta’ applikazzjonijiet pendenti.
Twaqqaf ukoll Returns Unit fi ħdan il-Ministeru sabiex jiffoka fuq ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġinu ta’ dawk il-persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni f’pajjiżna.
Fl-istess waqt sar xogħol estensiv fiċ-ċentri tal-immigranti, kemm dawk magħluqa u kemm dawk miftuħa, mingħajr ma poġġejna piż fuq il-komunitajiet tal-madwar kif kien ġara fi żminijiet imgħoddija.
Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għal mistoqsija parlamentari 14382.
Infurmat li matul is-sena 2024 kompliet ix-xejra pożittiva ta’ tnaqqis ta’ wasliet irregolari, fejn reġa' ġie esperjenzat tnaqqis.
Sena
Wasliet
2019
3,405
2020
2,281
2021
838
2022
444
2023
380
2024
238
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21286 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u jgħid kemm kien hawn każijiet ta’ suwiċidju din is-sena, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 21324. Il-każijiet ta’ suwiċidju bejn Ottubru u Diċembru 2024 kienu sebgħa (7).
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu tul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurta’ u x-Xogħol mistenni jittrasponi Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2025/290 tal-4 ta’ Ottubru 2024 li temenda d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġġornament tal-lista ta’ prodotti relatati mad-difiża f’konformità mal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea aġġornata tad-19 ta’ Frar 2024.
Rikorsi — Kontenut illegali ta’ natura kriminali -Ordni ta’ tneħħija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rikors sar mill-Pulizija għal ħruġ ta’ ordni ta’ tneħħija ta’ kontenut illegali ta’ natura kriminali kontra fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ f’kull każ jgħid a tenur ta’ liema liġijiet saru dawn ir-rikorsi u kemm minnhom ġew milqugħa mill-Qrati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li bejn is-sena 2024 u it-tlieta ta’ Marzu 2025 il-Pulizija għamlet 13 -il talba lil service providers fis-sena 2024 u 4 talbiet matul is-sena 2025 li jinvolvu skemi frewdelenti. Fl-istess perjodu ma għamlitx rikorsi għal ħruġ ta’ ordni ta’ tneħħija ta’ kontenut illegali ta’ natura kriminali kontra fornituri ta’ servizzi ta’ hosting.
Jista' l-Ministru jispjega kif individwu li nstab ħati ta' traffikar ta' droga u ngħata sentenza ta' 20 sena ħabs inħarġitlu liċenzja biex joffri servizz ta' security guard, filwaqt li hemm numru ta' nies oħrajn li fuq reati ħafna inqas ma nħarġitilhomx liċenzja?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li tali proċess isir skont il-liġi li tirregolah. L-Onor. Interpellant jifhem li ma jistax jiprovdi informazzjoni b'informazzjoni limitata mogħtija fil-mistoqsija parlamentari.
Korpi dixxiplinarji — Persuni li ġew imkeċċija u reġgħu ddaħħlu
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-korpi dixxiplinarji ta' pajjiżna hemmx persuni li għal xi raġuni jew oħra ġew imkeċċija mis-servizz, iżda mbagħad reġgħu daħlu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hemm, għal liema raġuni tkeċċew, u għal liema raġuni reġgħu daħlu fis-servizz?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fil-korp tal-Pulizija kien hemm uffiċjal li ġie mkeċċi fis-sena 2017 u daħal lura xogħol fis-sena 2018. Infurmat li reġa' daħal fis-servizz wara reviżjoni tal-każ mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fi ħdan il-korpi dixxiplinarji ta' pajjiżna li għaddejjin proċeduri kriminali kontrihom quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja ta' Malta? Jista’ għal kull wieħed jgħid x'inhuma l-akkużi miġjuba kontrihom u x'inhi preżentement, jekk qed issir, il-kundizzjoni ta' ħlas mill-korp dixxiplinarju tagħhom (jekk hux on half pay, no pay, full pay, eċċ.), u jaqsam tali informazzjoni skont il-korp dixxiplinarju u kemm ilhom għaddejjin il-proċeduri ġudizzjarji għal kull persuna?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li t-total (dawk kollha li nħarġu matul is-snin u għadhom mhux konklużi) huma 23 każ fil-Forzi Armati ta’ Malta, 2 każi fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, każ wieħed fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u 70 każ fil-Korp tal-Pulizija.
Identità — Ċertifikat ta' koabitazzjoni - Rekwiżiti
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti biex persuna li tikseb ċertifikat ta' koabitazzjoni mill-aġenzija Identità, jinħarġilha permess ta' residenza?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li biex ċittadin minn pajjiż terz jinħariġlu permess ta’ residenza abbażi ta’ relazzjoni fit-tul u stabbli, li ma jkunx żwieġ jew unjoni ċivili, ma’ ċittadin Malti, irid jissottometti Formola O u magħha jissottometti ċerta dokumentazzjoni, li fost oħrajn tikkonferma tali relazzjoni.
Regolamenti / Policy dwar ir-Rijunifikazzjoni tal-Familji — Eliġibbiltà
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi d-distinzjoni fl-eliġibbiltà bejn 'Policy on members of third country nationals who do not qualify for family reunification by means of Family Reunification Regulations SL 217.06' u l-eliġibbiltà taħt SL 217.06, jiġifieri kif persuna titqies li hi kwalifikata jew le?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li d-Direttiva dwar ir-Rijunifikazzjoni tal-Familja tistabbilixxi r-regoli li taħthom ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jġibu lill-membri tal-familja tagħhom fil-pajjiż tal-UE fejn ikunu qed jgħixu legalment, bl-għan ikun li tipproteġi l-unità tal-familja u tiffaċilità l-integrazzjoni. Id-Direttiva hija trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali permezz tas-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 217.06. Il-punti ewlenin tad-Direttiva, li jistabbilixxu l-kriterji ta’ eliġibbiltà, huma li Ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE li għandhom permess ta’ residenza validu għal mill-inqas sena u li għandhom l-għażla legali ta’ residenza fit-tul jistgħu japplikaw għar-riunifikazzjoni tal-familja. Membri tal-familja eliġibbli għar-riunifikazzjoni tal-familja huma Il-konjuġi tal-isponsor; L-ulied minuri tal-koppja (jiġifieri tfal mhux miżżewġin taħt l-età legali tal-maġġoranza fil-pajjiż tal-UE kkonċernat), jew ta’ wieħed mill-membri tal-koppja, fejn dan/din għandu kustodja u l-ulied huma dipendenti minnu/minnha, inkluż tfal adottati. Ukoll, il-poligamija mhix rikonoxxuta, u għalhekk konjuġi wieħed biss jista’ jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni. Barra minn hekk, it-tfal ta’ konjuġi li mhumiex eliġibbli huma esklużi mid-dritt għar-riunifikazzjoni. L-isponsor u l-konjuġi tiegħu/tagħha jrid ikollhom 21 sena jew aktar. Sponsor jitqies eliġibbli biex japplika għar-riunifikazzjoni tal-familja permezz tar-Regolamenti, wara sentejn (2) mill-ħruġ tal-ewwel permess ta’ residenza eliġibbli. Ħlief f’każijiet speċjali, il-membru tal-familja li għandu jiġi riunifikat għandu jibqa’ barra mill-UE waqt il-proċedura. Il-kriterju ta’ referenza tad-dħul huwa l-paga medja grossa stabbilita mir-rapport Labour Force Survey maħruġ mill-NSO flimkien ma’ 20% addizzjonali tal-paga medja għal kull dipendenti. Filwaqt li hemm politika nazzjonali għal dawk il-persuni tcns li ma jilħqux il-kriterji tad-Direttiva tal-UE, u dan skont il-politika tal-pajjiż. Din il-politika ilha ghal diversi snin u ġiet aġġornata maż-żmien. Din il-politika hija pubblika. Il-permessi maħruġa taħt il-politika nazzjonali huma kkunsidrati temporanji u ta’ natura ex gratiae. Fostom tiprovdi li l-benchmark tad-dħul huwa l-paga medjana (dħul nett) stabbilita mir-rapport SILC maħruġ mill-NSO + 20% għal kull dipendenti. Dan filwaqt li d-definizzjonijiet li ġejjin jibqgħu kif stipulati fid-Direttiva tal-UE għal skopijiet ta’ din il-politika, peress li huma essenzjali għad-definizzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja: Min huwa kkunsidrat bħala membru tal-familja, L-età tad-dipendenti u tal-isponsor, Il-post fejn jinsab id-dipendenti meta ssir l-applikazzjoni (barra minn Malta), L-esklużjoni ta’ relazzjonijiet poligami Infurmat li min għandu dawn il-permessi mhuwiex intitolat għad-drittijiet mogħtija lil dawk li jilħqu l-kriterji kollha tar-Regolamenti tar-Riunifikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx kien hemm komunikazzjoni bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dwar talba biex tiġi emendata l-liġi fid-dawl tal-fatt illi hemm reati kriminali illi ma jġorrux piena? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'kienet ir-risposta li rċieva l-Korp tal-Pulizija mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali dwar din it-talba? Jista' jipprovdi lista tar-reati bla piena?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn l-aħħar snin parti mill-binja fejn tinsab l-Għassa tal-Mellieħa ġiet fi stat tant ħażin, li spiċċat ġiet iċċertifikata bħala kkundannata? Jekk hu l-każ, jista’ allura jgħid meta ser jibda u jitlesta x-xogħol fuq l-istess parti tal-binja?
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Frar 2025?