Legislature:
Category:
Reset
Active:

NCPE – nuqqas ta’ nisa tas-sigurtà fl-Ajruport ta’ Malta (Gate 4)

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx bir-rapport li sar lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta' Ugwaljanza (NCPE) fil-31 ta' Lulju 2018, liema talba ġiet "acknowledged" fit-2 ta' Awwissu 2018 mill-istess NCPE, fuq in-nuqqas ta' nisa tas-sigurtà (pulizija jew suldati) preżenti fl-Ajruport ta' Malta (Gate 4), minn fejn jgħaddu numru ta' persuni, inkluż numru dejjem jiżdied ta' nisa, li jsuqu u/jew jaħdmu fuq ajruplani privati u/jew żgħar? Il-Ministru jaf li minħabba n-nuqqas ta' nisa tas-sigurtà qed tinħoloq diskriminazzjoni kontra nisa li jridu jgħaddu minn Gate 4 u ma jistgħux jagħmlu dan jew ikollhom jistennew tul ta' ħin sakemm jinġiebu nisa tas-sigurtà minn xi mkien ieħor?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 13027, l-Onor. Interpellant għandha tkun infurmata li l-Ministeru mhux konxju bir-rapport li allegatament sar lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta' Ugwaljanza (NCPE) fil-31 ta' Lulju 2018. Madankollu jinsab infurmat dwar Investigazzjoni (ex Ufficio) numru CMPL 25/18 imħejjija mill-NCPE, dwar ‘Allegazzjoni ta’ Diskriminazzjoni fl-aċċess għal ċertu gates fl-ajruport’. Din intemmet u fl-Opinjoni dwarha, il-Kummissarju ma sabitx li l-fatti allegati jikkostitwixxu diskriminazzjoni.

Reġistru tal-Artijiet f’Għawdex – reġistrazzjoni ta’ medded ta’ art fin-Nadur

Question

Jista' l-Ministru jgħid fir-reġistrazzjoni ta' medded ta' art fin-Nadur li sar mar-Reġistru tal-Artijiet f'Għawdex u li jġibu n-numri 89/2020 u 250/2020, x'dokumenti ġew ippreżentati min-naħa tar-Reġistru mid-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni sal-lum? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn id-dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba parlamentari 13405.

Corona Virus — Korp tal-Pulizija – miżuri biex anzjani u persuni vulnerabbli ma jiġux misruqa jew abbużati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-Korp tal-Pulizija biex anzjani u persuni vulnerabbli oħra ma jiġux misruqa jew abbużati b'xi mod ieħor minn persuni bla kuxjenza bl-iskuża ta' servizzi mogħtija minħabba jew inkonnessjoni mal-coronavirus (Covid-19)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li sal-lum kien hemm rapporti minn persuni anzjani jew vulnerabbli li ġew misruqa jew b’xi mod ieħor abbużati kif indikat f’din id-domanda mill-onorevoli interpellant. Għalkemm bħalissa l-impenji tal-Pulizija żdiedu drastikament, is-servizz lill-komunità baqa’ jingħata bħal dejjem u dan jinkludi t-tkomplija ta’ patrols madwar dawn il-gżejjer. Il-Pulizija tħeġġeġ lill- persuni anzjani jew vulnerabbli biex ikunu viġilanti dwar lil min jafdaw u li jekk dawn ikollhom imqar suspett għandhom jirrapurtaw mill-ewwel anke permezz ta’ telefonata, bħalma dejjem sar.

Għawdex — festi - nar

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 10513 u 11756, jista’ l-Ministru jikkonferma li għall-istaġun tal-festi ta’ din is-sena, f’Għawdex se jintużaw l-istess proċeduri bħal f’Malta? U allura l-organizzaturi tan-nar fil-festi f’Għawdex ma jkollhomx għalfejn iħallsu kif kienu qed jagħmlu sas-sena li għaddiet biex ikollhom pulizija fuq il-post fejn jinħaraq in-nar minn meta jasal in-nar sa meta dan jinħaraq kollu, meta f’Malta dan ma jsirx u fil-mument li n-nar jasal fuq il-post fejn ikun se jinħaraq, ir-responsabilità tgħaddi fuq min għandu l-liċenzja u jkun inħareġ il-permess fuqu? Jista’ jikkonferma li din l-ispiża żejda għall-festi f’Għawdex meta mqabbel ma’ Malta se titneħħa kif kien qal il-Ministru preċedenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f’seduta oħra.

In-Nadur Għawdex – artijiet fiċ-ċentru — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min issottometta l-applikazzjoni fl-aħħar xahar jew xahrejn biex żewġ medded kbar ta' art fiċ-ċentru tan-Nadur Għawdex jiġu reġistrati fuq ismu? Jista' jgħid kemm għaddew ġranet jew sigħat minn meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni sa meta r-Reġistratur ħareġ l-approvazzjoni ta' din l-applikazzjoni lill-persuna li applikat fuq dawn iż-żewġ medded ta' art? Jista' jgħid minn meta saret l-applikazzjoni sa meta nħarġet l-approvazzjoni bil-miktub jekk ir-Reġistratur talabx informazzjoni addizzjonali u jekk iva x'kienet din l-informazzjoni li talab? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza li għaddiet fejn intalbet din l-informazzjoni addizzjonali? Jista' jgħid wara li nħarġet l-approvazzjoni jekk ir-Reġistratur tal-Artijiet talabx informazzjoni oħra mill-applikant? Jekk iva għaliex din l-informazzjoni ma ntalbitx qabel inħarġet l-approvazzjoni u ntalbet wara? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza li għaddiet wara li nħarġet din l-approvazzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba parlamentari 13405.

Għawdex — festi - nar

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10168 jista’ l-Ministru jgħid jekk id-diskussjonijiet li kienu għaddejjin bejn il-Pulizija u Transport Malta ġewx konklużi u allura ġiet indirizzata l-materja indikata fil-mistoqsija u ċjoè għaliex kull darba li qed jintalab permess mill-organizzaturi tal-festi f'Għawdex biex iġibu logħob tan-nar minn Malta lejn Għawdex, qed jiffaċċjaw problemi dwar fejn għandu jidħol dan in-nar f'Għawdex? Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-portijiet f'Għawdex li huma dikjarati bħala siguri biex jiddaħħal il-logħob tan-nar li jiġi trasportat minn Malta u min jiddeċiedi fejn għandu jiddaħħal in-nar ta' kull festa f'Għawdex? Jekk ġiet indirizzata kif ġiet indirizzata u x’inhi s-soluzzjoni li nstabet? Jekk ma ġietx indirizzata, minkejja r-risposta indikata meta hu maħsub li tkun indirizzata?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li wara diskussjonijiet bejn il-Pulizija u Transport Malta, Imġarr ix-Xini kien ġie identifikat bħala port fejn jiddaħħal il-logħob tan-nar li jiġi trasportat minn Malta biex jintuża fil-festi f'Għawdex.

Żona ta' Kordin — Faċilitajiet Sporti - rapporti dwar vetturi abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex f’Kordin, senjatament fl-akkwati fejn hemm faċilitajiet sportivi jiġi assigurat li ma jkunx hemm vetturi abbandunati jew trailers li jimblukkaw il-faċilitajiet lit-tfal u l-ġenituri tagħhom? Jista' jiġi indikat kemm kien hemm rapporti dwar dan fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokal?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li dwar is-sitwazzjoni f’Kordin, kif elenkata mill-Onor. Interpellant, il-Pulizija tad-Distrett flimkien ma’ Transport Malta, qegħdin f’taħditiet sabiex jinstabu mezzi u jiġi kkontrollat kull imblokk fl-akkwati fejn hemm faċilitajiet sportivi bi trailers u/jew vetturi abbandunati, b’detriment għall-pubbliku inġenerali, inkluż tfal u ġenituri li jiffrekwentaw dawn il-faċilitajiet.

Ċentri ta' Detenzjoni — persuni b'reati ta' teħid jew traffikar tad-droga

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk kienx hemm uffiċjali fiċ-Ċentri ta' Detenzjoni li kienu b’xi mod involuti f’reati marbuta ma' teħid jew traffikar ta' droga tul dawn l-aħħar disa' xhur?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm uffiċjali li nstabu ħatja ta’ teħid jew traffikar ta’ droga. Iżda, kien hemm persuna li nstabet ħatja ta’ reati oħra u li kienet obbligata mill-Qorti li tibda u tkompli sa tmiemu programm ta’ riabilitazzjoni mill-vizzju ta’ droga.

Għawdex – In-Nadur – reġistrazzjoni ta’ artijiet

Question

B’referenza għar-reġistrazzjoni ta' medded ta' art fin-Nadur, Għawdex li saru fl-aħħar ġimgħat, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-disposizzjonijiet tal-Kapitolu 296 tal-Liġijiet ta' Malta ġewx osservati kollha? In vista tal-protesti u talbiet tar-residenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni biex jiġi assigurat li dawn id-disposizzjonijiet ġew osservati meta saret din ir-reġistrazzjoni u sussegwentament inħareġ iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni u dan b'mod partikolari għall-Artikolu 56 , l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 25 tal-istess Liġi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament l-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet għaddejja bi proċess ta’ kjarifika dwar dak imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — priġunieri

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6803, jista’ l-Ministru jindika kemm kien l-ammont ta’ priġunieri ġewwa l-Faċilità Korrettiva fis-sena 2018 u fis-sena 2019? Kemm priġunieri reġgħu saru reċidivi fil-perjodu bejn l-2018 u l-2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn is-snin 2018 u 2019, in-numru ta’ priġunieri fil-ħabs kien hekk:- Każ pendenti Ingħataw sentenza Reċidivi 2018 466 220 93 (14%) 2019 661 305 75 (8%)

Korp tal-Pulizija: Taħriġ fl-Ewwel Għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm pulizija minn 2,263 tal-Korp li ġew imħarrġa fl-Ewwel Għajnuna f’dawn l-aħħar tliet snin? Meta sar dan it-taħriġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu ta' reklutaġġ tiegħu kull membru tal-Korp jieħu taħrig fl-Ewwel Għajnuna waqt il-kors bażiku ta’ taħriġ fl-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati. Waqt li qed isiru arranġamenti biex fil-futur l-istess taħriġ isir ‘in service’ ukoll, f’dawn l-aħħar tliet snin l-uffiċjali li ngħataw l-imsemmi taħrig kienu kif jidher fit-tabella hawn taħt: SenaAmmont 201897 201879 201956

Ilmenti mill-Priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti bil-miktub jew verbalment mill-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’dawn l-aħħar tliet snin? Fuqiex kienu jikkonsistu dawn l-ilmenti u jekk dawn ġewx rimedjati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu għadha qed tinġabar.

Assistance and Rescue Officers — ingaġġ

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13343, jista' l-Ministru: a) jgħid kemm mill-253 persuna li kwalifikaw biex ikunu intervistati, ma għaddewx mill- Personal Assessment / Preliminary Interview ; b) iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-korrispondenza kollha li għaliha qed jirreferi l-Jr-ruling, inkluża ċ-ċirkulari bis-sejħa u l-kriterji għall-applikazzjonijiet; u c) jagħti d-dettalji tal-impasse li jissemma fil-Jr-ruling?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Vittmi tal-Kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk Malta hux qed tosserva d-drittijiet minimi għall-vittmi tal-kriminalità elenkati mill-Unjoni Ewropea? Il-Pulizija u l-Imħallfin qed jiġu mħarrġa dwar kif għandhom jittrattaw lil dawn il-vittmi kif inhu xieraq? Il-vittmi qegħdin jingħataw informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-każ tagħhom b’mod li jkunu jistgħu jifhmuh?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Pulizija hija konxja u tosserva d-drittijiet minimi għall-vittmi tal-kriminalità elenkati mill-Unjoni Ewropea. Membri tal-Korp kif ukoll rekluti jingħataw taħriġ kontinwu fuq dan is-suġġett mill-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp. Barra minn dan il-vittmi jiġu mgħarrfa bid-drittijiet tagħhom permezz ta’ leaflet bil-lingwa Maltija jew Ingliża, li jingħataw lilhom mill-pulizija fl-għases jew branki speċjalizzati. Dwar l-istess materja fejn jirrigwarda Imħallfin nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirriferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Marsaskala – caravans

Question

Peress li għal xhur sħaħ, diversi persuni ħallew il-caravans jew strutturi oħra tagħhom mingħajr ma kienu rmunkati ma' vetturi reġistrati biex b’hekk ikkapparaw żoni f'Marsaskala primarjament fiż-żoni tal-Bajja ta' San Tumas, il-Munxar u l-madwar u taż-Żonqor u dan b'inkonvenjent u għad-detriment tal-komunità Skaliża, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu fil-konfront ta' dawk li qed jabbużaw mil-liġi u qed jingumbraw artijiet ta' dominju pubbliku li mhumiex identifikati bħala siti għal camping jew caravans?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Puliżija ilha f’konsultazzjoni fuq din il-materja ma’ diversi entitajiet tal-Gvern inklużi dawk li għandhom l-istess poteri ta’ inforzar skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 65.13. Infurmat li f’dawn l-aħħar jiem il-Puliżija tad-Distrett ta’ Marsaskala ħadet azzjoni biex abbażi tal-imsemmija leġiżlazzjoni, waħħlet avviżi fuq l-oġġetti ta’ ingombru u ċjoè il-caravans imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Is-sitwazzjoni ser tibqa’ tiġi mistħarrġa fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin biex tiġi riżolta.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi – użu ta’ trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu hux qed jagħti xi tip ta’ inċentiv għall-ħaddiema tal-Ministeri u entitajiet li jaqgħu taħtu, biex jinkoraġġixxu lill-istess ħaddiema biex jużaw it-trasport tal-massa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġie kkummissjonat studju xjentifiku li, permezz tiegħu, kien mifhum liema mezzi ta’ trasport jintużaw l-aktar mill-ħaddiema biex jaslu għax-xogħol. Għaldaqstant tnieda l-ħsieb li jitfasslu u jiġu proposti numru ta’ miżuri li jħajru lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku jagħmlu użu minn trasport alternattiv, inkluż fi proġetti-pilota jew PPPs. Dan hu wkoll f’sintonija mal-pjani tal-Gvern li fil-ġejjieni jsir użu aktar wiesa’ mit-trasport pubbliku fil-faxex kollha tas-soċjetà. Dawn l-inizjattivi għandhom jifformaw parti minn pjan wieħed ħolistiku ta’ trasport sostenibbli.

Malta Police Force – reports filed on domestic violence

Question

To ask the Minister, how many of these reports of domestic violence were ultimately followed up by criminal investigation? Out of the number of those persons who filed reports of domestic violence in the last three years, how many subsequently suffered grievous injury or death?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kif spjegat fi tweġibiet għal mistoqsijiet simili fil-passat, fil-każijiet fejn irriżulta ksur tal-liġijiet f'rapporti ta’ reati ta’ vjolenza domestika, il-persuni responsabbli dejjem jiġu investigati mill-Pulizija u jittressqu l-Qorti meta jkun hemm il-provi. Mis-sistema elettronika tal-Pulizja jirriżulta li fil-perjodu mis-sena 2017 sal-aħħar ta’ Frar 2020, l-ammont ta’ rapporti li involvew ukoll rapporti ta’ feriti gravi jew ħfief, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Dan l-ammont ma jirriflettix in-numru ta’ vittmi. It-tabella tinkludi seba’ persuni li kienu wkoll vittmi ta’ omiċidju. 2017201820192020 Sa Frar Feriti Gravi fuq il-persuna 3635337 Feriti ħfief fuq il-persuna59362457986 Omiċidju-421

Malta Police Force – procedures to interrogate a suspect in excess of eight hours

Question

To ask the Minister, is it the Police Force practice, custom and usage to interrogate a suspect in excess of eight (8) hours without affording her/him water, time to go to the bath or food?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-materja elenkata mill-Onor. Interpellant hija regolata bil-provedimenti tat-Tielet Skeda tal-Att dwar il-Pulizija li tirreferi għall-Kodiċi ta’ prattika għall-interrogazzjoni ta’ persuni arrestati, partikolarment ir-Regoli 12 u 13 tal-istess Skeda.

Malta Police Force – procedures to interrogate a suspect in excess of eight hours

Question

To ask the Minister, if in fact, when interrogating a suspect in excess of eight (8) hours without affording her/him water, time to go to the bath or food should take place, what disciplinary or corrective action would be taken against the offending Police official?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kif ingħad fit-tweġiba għall-mistoqsija 13286, il-materja relatata ma’ din il-mistoqsija hija regolata bil-provedimenti tat-Tielet Skeda tal-Att dwar il-Pulizija li tirreferi għall-Kodiċi ta’ prattika għall-interrogazzjoni ta’ persuni arrestati u li tipprovdi li jistgħu jinbdew proċedimenti dixxiplinari kontra persuni li ma josservawx id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att.

Visitation Order by a Court of competent jurisdiction

Question

To ask the Minister, does he consider the fact that when a parent has been granted a Visitation Order by a Court of competent jurisdiction and the custodian(s) of the minor children and Aġenzija Appoġġ fail or refuse to comply, that the failure of the on-duty-police officer to escort the parent to the custodian(s) of the minor children and enforce the Visitation Order is a dereliction of duty on the part of the police officer?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kif indikat f’mistoqsija oħra dwar Visitation Orders u ċjoè Supervised Access Visits, infurmat illi l-irwol tal-Pulizija f’dawn l-okkażjonijiet hu l jassistu lill-Uffiċjali mill-Aġenzija għall-Kura Alternattiva fi ħdan l-FSWS waqt dawn iż-żjajjar fl-aħjar interess tal-minuri u raġunijiet ta’ bon ordni biex digrieti tal-Qrati kompetenti jiġu eżegwiti bl-aħjar mod u mingħajr xkiel. F’każ ta’ nuqqasijiet kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant meta jkun hemm lok ta’ passi ulterjuri, dawn il-passi jittieħdu mill-Uffiċjali tal-istess Aġenzija’