Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta — pagi taċ-Chief Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pagi taċ-chief officers mhux qed jinħadmu mill-accounts department ta' Transport Malta? Jista' jgħaddi rendikont ir-raġuni wara din is-sikurezza kollha? Jista' jgħid għaliex l-awtorità qed tidħol fi spejjeż żejda meta qed tħallas lill-kumpanija Price Water House Cooper sabiex jiġu maħduma dawn is-salarji? Jista' jgħid kemm Transport Malta ħallset lil din il-kumpanija sal-lum sabiex ikunu jistgħu jinħadmu dawn is-salarji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hija prattika komuni li salarji fi gradi ta' top u/jew senior management jinħadmu minn kumpaniji privati. Minn Marzu 2010 sa Marzu 2012 Transport Malta ħallset lill-PriceWaterHouseCoopers is-somma ta' €9,225 għal servizz ta' payroll tat-top u senior management.

karozzi bil-Y number plate

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33791 u jikkonferma jew le jekk il-liċenzja ta' vetturi bil-Y number plate għoliet minn €86 għal €450 fis-sena b'effett mis-sena 2012? Jista' jgħid jekk inbidlux ir-regolamenti għall-ħruġ ta' liċenzji ta' Y number plate vehicles fis-sens li issa r-requirment ta' fond biex il-vettura tkun iggaraxxjata spiċċat? Jekk dan huwa l-każ ma jidirlhux li dan it-tibdil joħloq kompetizzjoni inġusta għax min akkwista vettura s-sena li għaddiet kellu jidħol f'investiment qawwi ta' xiex ta' proprjetà u dawk li jakkwistaw liċenzja issa m'għandhom għalfejn? Dan it-tibdil ġie diskuss ma xi entità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-budget għas-sena 2009, il-Gvern kien ħabbar tibdil fl-ammont ta' ħlas ta' liċenzji tal-vetturi u dan b’effett mill 1 ta’ Jannar 2009. B’riżultat ta’ dan, żdied il-ħlas tal-liċenzji tal-vetturi kollha għall-ġarr ta’ passiġġieri li għandhom sa tmien sedili minbarra s-sedil tax-xufier, kemm dawk privati, kif ukoll dawk bil-pjanci ‘Y’ (misjuqa minn xufier b’kiri jew b’kumpens). Vetturi reġistrati u liċenzjati qabel l-ewwel ta' Jannar tas-sena 2009, bdew iħallsu l-liċenzja tagħhom skont it-tip ta' fuel tal-magna (petrol jew diesel), iċ-ċilindrata u skont id-data ta' manifattura tal-vettura; filwaqt li vetturi reġistrati wara l-ewwel ta' Jannar tas-sena 2009, bdew iħallsu il-liċenzja tagħhom skont it-tip ta' fuel tal-magna (petrol jew diesel), l-ammont ta’ CO2 u Particulate Matter u skont id-data ta' manifattura tal-vettura. Għaldaqstant, b’risposta għall-ewwel parti tal-mistoqsija, vetturi bil-pjanci ‘Y’ (misjuqa minn xufier b’kiri jew b’kumpens), li kienu jħallsu liċenza annwali ta’ €86.15, bdew iħallsu ammont ta’ liċenzja skont il-parametri indikati hawn fuq u mhux rata waħda kif qed jallega l-Interpellant. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, l-aħħar provediment fir-regolamenti li jipprovdi fejn vetturi bil-pjanċa ‘Y’ jistgħu jinżammu waqt li dawn ma jkunux qed jintużaw biex jipprovdu servizz daħal fis-seħħ fis-sena 2009, bis-saħħa tal-Avviż Legali 319 tal-2009. Ir-regolament in kwistjoni japplika għal vetturi għall-ġarr ta’ passiġġieri b’kiri jew b’kumpens li għandhom aktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tax-xufier u jipprovdi li l-operaturi ta’ tali vetturi għandhom jiżguraw li kull vettura għall-ġarr tal-passiġġieri fl-operat tagħhom skont il-liċenzja tal-operatur għandha, f’kull ħin meta ma tkunx qed tintuża: (a) tinażamm fil-garaxx; jew (b) ma tkunx ipparkjata fit-triq; jew (c) tkun ipparkjata f’post adatt li ma jkunx f’distanza ta’ ħames metri minn tarf ta’ xi binja, sew jekk abitata sew jekk le, jew kull struttura oħra li għandha xi valur storiku jew kulturali. Dan ir-regolament kien dahal fis-seħħ wara konsultazzjoni mas-settur. Fil-preżent Transport Malta qegħda wkoll għaddejja f’diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-operaturi ta’ vetturi bil-pjanċa ‘Y’ li għandhom sa tmien sedili minbarra s-sedil tax-xufier, bil-għan li twettaq tibdiliet simili f’qafas ta’ riforma aktar wiesgħa li hija ppjanata għal dan is-settur ukoll.

Arriva — ħinijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Arriva bdiet iżżomm mal-ħinijiet stipulati fil-bus stops f'kull rota? Transport Malta qegħda tinforza dwar dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-moniteraġġ li qed tagħmel Transport Malta fuq numru ta' rotot, jirriżulta li mill-1 ta' Jannar sal-24 t'April ta' din is-sena l-operatur eċċeda l-ħinijiet tal-iskeda b'aktar minn għaxar minuti fuq 7% tal-vjaġġi. Infurmat ukoll li Transport Malta qed timponi multi fuq l-operat f'każijiet fejn dan id-dewmien ikun ripetut hekk kif stipulat ful-kuntratt li jirregola dan is-servizz

Ħal Qormi — Triq il-Milied - water culverts

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-water culverts żgħar li hemm fi Triq is-Sebħ kantuniera ma' Triq il-Milied Ħal Qormi dejjem qed ikunu miżdudin bil-konsegwenza li l-ilma tax-xita qed jispiċċa fid-djar tan-nies? Jista' jara jekk jista' jsir water culvert tul Triq il-Milied (fejn dak ezistenti) u minn fejn Triq il-Masġar (fejn hemm il-ġibjun) biex jilqa' l-ilma tax-xita li jinżel mill-bypass u b'hekk ma jikkawżax ħsara lir-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq is-Sebħ - junction

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga x-xogħol tal-junction li qed isir taħt il-bridge ta' Triq is-Sebħ fejn fi Triq il-Masġar, Ħal Qormi, saret bankina wiesgħa ħafna bil-konsegwenza li l-vetturi qed jipparkjaw fuq iż-żewġ naħat u trakkijiet ma jkunux jistgħu jgħaddu biex jitilgħu mill-ġdid ġol-bypass?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Għadira għaċ-Ċirkewwa — wesgħa tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma l-wesgħa tat-triq il-ġdida li tagħti mill-Għadira għaċ-Ċirkewwa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li: 1. bejn in-Niċċa (Triq il-Marfa ma’ Triq l-Armier) u il-Palazz tal-Marfa (Triq il-Marfa mat-triq li tagħti għar-Ramla tal-Bir) - a. c. 4.2m (1-lane) minn kurduna sa kurduna fuq il-karreġġjata għaċ-Ċirkewwa b. c. 7.8m (2-lane) minn kurduna sa kurduna fuq il-karreġġjata għall-Għadira 2. bejn il-Palazz tal-Marfa u t-Terminal taċ-Ċirkewwa a. c. 4.2m (1-lane) minn kurduna sa queuing lane fuq il-karreġġjata għaċ-Ċirkewwa b. c. 3.2m (1-lane) queuing lane fuq il-karreġġjata għaċ-Ċirkewwa c. c. 4.2m (1-lane) minn kurduna sa kurduna fuq il-karreġġjata għall-Għadira

Ħaż-Żebbuġ — Triq Patri Andrew Azzopardi - bini tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tinbena Triq Patri Andrew Azzopardi Ħaż-Żebbuġ peress li f'din it-triq hemm ħafna residenti u fl-istat li hi toħolqilhom inkonvinjent kbir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

policies dwar garaxxijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-policy li tħaddem Transport Malta għal dawk li huma rampi quddiem il-garaxxijiet, bankini li huma baxxi iktar min-normal u l-aċċess għal garaxxijiet kemm li huma basement kif ukoll dawk li huma 'l fuq mil-livell tat-triq? X'konsultazzjoni saret/qed issir mal-kunsilli lokali dwar is-suġġett?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ħlas ta' liċenzja ta' mutur

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga dan il-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament sabiex ikun stabbilit jekk liċenzja tal-mutur li kien involut f'inċident, li fih is-sid tal-mutur kien naqas, kellu il-liċenzja tal-mutur mħallsa sa sena li fiha kien sar l-inċident fatali iżda il-mutur li kien tkiser u kien ittieħed taħt il-kustodja tal-pulizija f'Ta Kandja, l-ġenituri ta' dan iż-żagħżugħ ġew mitluba jħallsu il-liċenzja tal-mutur għaż-żmien li l-istess mutur għamel f'Ta' Kandja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-notifika in kwistjoni nħarġet b'mod awtomatiku mis-sistema iżda fil-fatt missu qatt ma sar hekk. Transport Malta irrevediet il-każ u l-ebda ħlasijiet mhu ser jintalbu.

Immaniġġjar tat-traffiku u tal-ispeed

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33848, filwaqt li napprezza li r-rapport qiegħed fuq is-sit elettroniku, jista' l-Ministru xorta jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument in kwistjoni. Kif għidt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 33848, dan id-dokument bħalissa huwa suġġett ta' konsultazzjoni pubblika u għalhekk mhux il-każ li jerġa' jkun diskuss fil-Parlament.

Mosta — żona ta' Sriedaq - servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga jekk hux possibbli li f'Triq il-Kbira għall-komunità li tgħix f'żona magħrufa ta' Sriedaq fil-Mosta, ikollhom is-servizz ta' bus shelter li tagħti kenn lil dawk li jużaw it-trasport pubbliku li jgħaddu minn dawk l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Bormla — Triq San Franġisk - xogħol fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33900 u jara li Triq San Franġisk Bormla jsirilha dak ix-xogħol li hemm bżonn isir u dan għax it-triq niżlet u mtliet b'ħofor kbar? Jista' jgħid meta jista' isir dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Birgu — Triq San Lawrence - xogħol fuq it-triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33902 u cioè: Peress li x-xogħol fuq Triq San Lawrenz Birgu inqalgħet ħafna snin ilu, jista' l-Ministru jgħid meta fl-aħħar tista' issir din it-triq u dan sabiex jispiċċa l-inkonvenjent tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31656.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Ingaġġ ta' persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni b'diżabilità fil-Ministeru, jew dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fl-aħħar tliet xhur u f'liema grad?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar tliet xhur fil-Ministeru tiegħi, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħti ma ġiet impjegata l-ebda persuna li hija reġistrata b'diżabilità.

Proġett tal-Port taċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu proġettat li jitlesta u jiġi nawgurat il-proġett tal Port taċ-Ċirkewwa? Kemm sewa flus s'issa dan il-proġett? Kemm tħallsu f ċifra globali ta' flus lill-kuntratturi, kumpaniji eċċ. li ħadmu fuq il-proġett u kemm baqa pagamenti x'jitħallsu? Kemm huwa stamt li se jiswa l-proġett meta jitlesta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nassumi li l-Onor Interpellant qed jirreferi għat-Terminal taċ-Ċirkewwa u ninsab infurmat li n-nefqa s'issa fuq din l-aħħar fażi tal-proġett tal-Port taċ-Ċirkewwa kienet ta' €3,132,392 (mingħajr VAT) sat-13 ta’ Marzu 2012. Il-proġett mistenni li jitlesta fl-aħħar ta' din is-sena kif ippjanat. Ix-xogħol li jonqos isir huwa stmat li ser ikun ta' madwar €8.9 miljun

Ħ'Attard — servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwx se jkollhom tibdil fir-rotot biex persuni li jgħixu ġewwa l-Housing Estate ta' Ħ'Attard ikunu moqdija aħjar mit-trasport pubbliku peress li persuni jistgħu faċilment jiġu moqdija aħjar minn dan l-istess servizz bi ftit iktar ħsieb u sensittività u dan sabiex ir-residenti jingħataw servizz aħjar u iktar qrib tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-iskeda tas-sajf 2012, b'żieda mas-servizz eżistenti, se jkun ipprovdut ukoll servizz bejn il-qasam Santa Katerina u l-Belt Valletta.

Qrendi — Triq it-Tempesta - servizz pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm servizz ta' trasport pubbliku fi Triq it-Tempesta l-Qrendi peress illi għad li hemm il-bus stops tal-linja ma tgħaddix?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent mhux ippjanat li jkun hemm rotta tal-karozza tal-linja minn Triq it-Tempesta. Madanakollu infurmat ukoll li s-servizzi 72, 117 u 118 iservu waqfiet fil-qrib ta' Triq it-Tempesta.

policies rigward sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-policies applikati minn Transport Malta, għal dawk li huma sinjali tat-traffiku fejn dawn jikkonċernaw it-tqegħid ta' tabelli mill-privat, kemm meta jitqiegħdu mal-art kif ukoll meta jitqiegħdu fuq xi arbli?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.