Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skema tal-Komunità — ħaddiema

Question

B’referenza għall-mistoqsija numru 94, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema miż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn separatament fl-Iskema tal-Komunità? Jista' jgħid ukoll x’inhi l-proċedura preżenti biex persuna tifforma parti minn din l-iskema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjni mitluba għadha qed tinġabar.

Rapport preliminari fuq il-mudell tat-taxxa l-ġdid

Question

Peress li l-Gvern qed jaħdem b’mod attiv fuq il-mudell tat-taxxa l-ġdida u ilu jagħmel dan għal dawn l-aħħar tliet snin, fejn ġie ppubblikat ukoll rapport preliminari xahar ilu, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid meta l-Gvern beħsiebu jagħti kopja ta' dan ir-rapport preliminari lill-Oppożizzjoni?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nikkonferma li l-Malta Financial Services Advisory Council qiegħed jaħdem fuq dan ir-rapport. Il-Kunsill ser ikun qiegħed iwessa’ l-konsultazzjoni tiegħu fiż-żmien li ġej.

Kriterji biex inħarġu ċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa u ċekkijiet ta’ stimolu

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-kriterji kollha li fuqhom il-Gvern ħareġ iċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa u ċ-ċekkijiet ta’ stimolu aktar kmieni din is-sena? U allura jista’ jispjega għaliex iċ-ċekk ta’ stimolu ma wasalx għand kulħadd?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 323.

MFSA — kumpaniji li ma daħħlux l-audited accounts mal-Malta Business Registry - azzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il azzjoni ittieħdet mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) fuq kumpaniji li ma daħħlux l-audited accounts tagħhom mal-Malta Business Registry kif inhu mitlub mil-liġi, x’kienet din l-azzjoni, jekk twaħħlu multi ta’ kemm kienu, u x’tip ta’ kumpaniji kienu (public limited company, private limited company, etc.)? Jista’ jagħti rendikont ta’ dan għas-snin 2020 u 2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li ta’ min wieħed jinnota li l-MFSA u l-Malta Business Registry huma zewġ entitajiet separati li għandhom personalità legali distinta u separata minn xulxin. Għaldaqstant, azzjoni kontra kumpaniji li ma daħlux l-audited accounts tagħhom mal-Malta Business Registry tista’ tittieħed biss mill-istess Malta Business Registry. Madanakollu, l-MFSA għandha l-poter ukoll li timponi azzjonijiet fuq kumpaniji li huma liċenzjati u/jew awtorizzati mill-MFSA u jonqsu milli jissottomettu d-dokumenti li huma obbligati jgħaddu lill-Awtorità fiż-żmien stipulat mil-liġi, regoli u/jew regolamenti applikabbli għal kull settur. Informazzjoni rigward dawn l-azzjonijiet imponuti mill-MFSA fl-2020 u l-2021, huma disponibbli pubblikament skont l-Artikolu 16(8) tal-Att dwar l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u wkoll skont l-Publication policy tal-Awtorità fuq is-sit tal-MFSA.

Skema tal-Komunità – Numru ta’ Ħaddiema

Question

Fid-data ta’ meta jwieġeb din il-mistoqsija, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fl-Iskema tal-Komunità? Jista’ jgħid kemm minn dawn jaħdmu f’Malta u kemm minnhom f’Għawdex? Jista’ jgħid sal-aħħar ta’ Jannar 2022 kemm kien hemm ħaddiema b’kollox f’din l-iskema u kemm minnhom kienu f’Malta u kemm kienu f’Għawdex?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar t'April 2022 kien hemm 1153 imsieħba fl-Iskema tal-Komunità. 651 minn dawn jaħdmu f’Malta u 502 minnhom f’Għawdex. Sal-aħħar ta’ Jannar 2022 kien hemm 978 ħaddiema f’din l-iskema, li minnhom 522 kienu jaħdmu f’Malta u 456 kienu jaħdmu f’Għawdex.

Lukanda Selmun Palace – studju għall-użu permissibbli

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 24308 u 24554 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x’irriżulta mill-istudju għall-użu permissibbli tal-binja tal-lukanda ta’ Selmun fil-Mellieħa?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fuq ir-Request for Proposals (RfP) għas-sit tal-lukanda ta’ Selmun għadu għaddej.

Persuni b'Autism Spectrum Disorder impjegati full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma diagnosed b’Autism Spectrum Disorder li għandhom impjieg full-time?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi la Jobs Plus u anqas l-NSO m’għandhom l-informazzjoni li qed tiġi mitluba.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' direct orders li ħareġ il-Ministeru u kull entità li taqa' taħtu mis-sena 2017 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? L-informazzjoni għandha tinkludi l-valur tad-direct order, min pprovda s-servizz jew oġġetti (kumpanija/individwi) u x'kien is-servizz jew oġġett provdut.

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Contracting Authority hija obbligata li tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skond Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations. Il-ġbir mill-ġdid tal-istess informazzjoni jeħtieġ riżorsi sostanzjali b’telf għall-operat ewlieni tal- Contracting Authorities rispettivi.

Air Malta- Medjatur bejn il-Gvern u l-Union of Cabin Crew

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-medjatur bejn il-Gvern u l-Union of Cabin Crew tal-Air Malta fl-2017/2018 kien tħallas għall-medjazzjoni tiegħu u jistax jgħid jekk tali somma/ħlas kienx jeċċedi l-€100,000? Jista’ jagħti ċ-ċifra eżatta ta’ tali ħlas u d-data meta sar il-pagament?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #24699 Sitting 548 2022-02-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Numru ta' Anzjani li jgħixu f'Marsaskala – anzjani li jgħixu d-dar waħidhom

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 24008, jista’ l-Ministru jindika kemm minn l-2,570 anzjan li joqogħdu f’Marsaskala qed jgħixu d-dar waħidhom? Kemm huwa wkoll in-numru ta’ dawn l-anzjani li għandhom aktar minn 75 sena?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar tas-sena 2020, il-popolazzjoni tal-lokalità ta’ Marsaskala kienet stmata li tammonta għal 15,579. Minn dan l-għadd, il-persentaġġ ta’ residenti li kellhom 75 sena u fuqhom kien ta’ 4.2 fil-mija. Ta’ min jinnota li informazzjoni f’iktar dettall, inklu¿ in-numru ta’ anzjani f’Marsaskala li jgħixu d-dar waħidhom, tkun disponibbli ġaladarba jkunu ppublikati r-riżultati taċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u tad-Djar 2021.
Leg 13 PQ #24645 Sitting 547 2022-02-14 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — State aid

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21270 u ċjoè jista' jgħid kemm kien hemm entitajiet fid-dekasteru tiegħu li rċievew state aid?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Infiq fuq materjal ta' reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont li ntnefaq mill-Ministeru fuq materjal ta' reklamar inkluż fuq billboards, reklami fil-gazzetti, reklami fuq social media u leaflets jew pubblikazzjonijiet oħrajn li tqassmu fid-djar għal kull xahar bejn Jannar 2020 u Jannar 2022?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #23782 Sitting 545 2022-02-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Gozo Channel — tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti t-tender li ħarġet reċentement mid-Dipartiment tal-Kuntratti: CT2338/2021 - Tender for Cleaning Services to Work on Board the Gozo Channel (Operations) Limited Vessels? Jista' jgħid kemm hi stmata din it-tender, kemm hu maħsub li jiġu impjegati cleaners permezz ta' din it-tender u għal kemm-il sena hi din it-tender?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender CT2338/2021 tikkonsisti fi provediment ta’ servizz ta’ tindif abbord il-vapuri ta’ Gozo Channel (Operations) Ltd, inkluzi dawk li jistgħu jkunu mikrija mill-kumpanija mingħand partijiet terzi. It-tender hija għal perjodu ta’ sentejn, bil-possibilità ta’ tiġdid għal zewġ perjodi ta’ sitt xhur ’l wieħed. L-estimu ta’ din it-tender huwa ta’ €1,607,803.20, u t-tender hija bbazata fuq ammont indikattiv ta’sigħat, mhux ta’ ħaddiema.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24054 u jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2020 sa Diċembru 2021, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kien hemm donazzjoni ta’ 25,000 Ewro lill-Fondazzjoni Marigold fl-2020 mill-MFSA.

Lukanda Selmun Palace

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24308 fejn ingħad li qegħdin isiru t-tħejjijiet meħtieġa sabiex il-Lukanda ta’ Selmun tiġi kkummerċjalizzata, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni għal liema użu hemm ħsieb li tintuża din il-binja?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għadu qieghed jiġi studjat l-użu permissibbli li għalih il-binja ta’ Selmun ser tkun tista’ tintuża.
Leg 13 PQ #24450 Sitting 544 2022-02-07 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Dipartiment tat-Taxxi Interni – flus miġbura minn arretrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irnexxielu jiġbor flus il-Gvern minn arretrati dovuti lilu mis-sena 2019 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Kemm kien hemm każijiet f’dawn iż-żminijiet li ġew preskritti? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont ta’ flus f’multi mill-Qorti li għadhom mhux imħallsa? X’qiegħed isir biex dawn il-multi jinġabru kemm jista’ jkun malajr?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ dħul minn arretrati li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi, matul 2019, 2020 u 2021, kien kif ġej: 2019: Euro 305,179,812 2020: Euro 239,857,098 2021: Euro 350,387,476 In-numru ta’ kazi li ġew dikjarati preskritti mill-qorti kien kif ġej: 2019: 39 2020: 39 2021: 160 Nitlob lill-Onorevoli interpellant jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu dwar il-multi lill-Ministru konċernat.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — reklam fil-Gazzetta Kullħadd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għamlitx reklam fl-edizzjoni tal-gazzetta KullĦadd tas-16 ta' Jannar 2022 fl-okkażjoni tas-sentejn mill-ħatra ta' Robert Abela bħala Prim Ministru? Jekk iva, min approva dan ir-reklam u kemm ġie jiswa?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellanta li, bħalma jiġri spiss matul is-sena, varji mezzi tal-midja u l-komunikazzjoni jiġu għand il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu jitolbuna biex nirreklamaw magħhom dwar ħidma jew servizzi li ċittadin jista’ jirrikorri għalihom. Il-Ministeru u l-entitajiet ta’ taħtu jirreklamaw ma’ diversi mezzi tal-midja u t-talbiet isiru taħt diversi temi minn mezzi tradizzjonali bħal gazzetti, radjijiet u stazzjonijiet televiżivi, sa dawk aktar moderni, bħal portals, blogs, vlogs u websajts. Hu d-dmir tagħna li ninfurmaw u nedukaw b’mod ġenerali u mingħajr dawn il-mezzi tal-midja kieku żgur ma kienx jirnexxielna nagħmlu dan. Minkejja dan, fil-kaz inkwistjoni ma sar l-ebda reklamar.
Leg 13 PQ #24399 Sitting 542 2022-02-01 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Żieda fil-Personal Emoluments

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala kien hemm żieda ta' € 91.23 m fil-"Personal Emoluments" maħruġa mill-Gvern bejn Jannar u Ottubru 2021 fuq il-figura għall-istess perjodu fl-2020 ekwivalenti għall-żieda ta' 12.11%? Jista' jispeċifika jekk din il-figura tkoprix l-entitajiet kollha fis-settur pubbliku jew jekk tkoprix biss is-servizz pubbliku?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġunijiet għaz-zieda fin-nefqa taħt il-kategorija tal-‘Personal Emoluments’ huma dawk spjegati fl-Estimi Supplimentari għas-sena finanzjarja 2021 li ġew approvati permezz ta l-Att Nru LXX tal-2021. L-imsemmija zidiet seħħu prinċipalment taħt il-voti tal-Ministeru għas-Saħħa, tal-Edukazzjoni u tal-Forzi Armati ta’ Malta. Filwaqt li ċ-ċifri fl-Estimi Supplimentari jirreferu għal sena sħiħa, iz-zidied jiriflettu ruhom ukoll fl-ispiza attwali bejn Jannar u Ottubru 2021 għall-istess raġunijiet. Inzid li ċ-ċifri ikkwotati ikopru biss is-servizz pubbliku u jeskludu l-entitajiet pubbliċi.
Leg 13 PQ #24403 Sitting 542 2022-02-01 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

Kumpanija – direct orders

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala minkejja li l-Procurement Policy Note 32 impoġġija mill-Ministru fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24249 hemm speċifikat li direct orders m'għandhomx jingħataw b'mod regolari u kumulattiv (para. 4(e)), kif spjegat f'mistoqsija parlamentari 24110, ġew approvati mid-Direct Orders Office tal-Ministeru tiegħu sitt direct orders bejn l-2016 u l-2021 għall-konsulenza ekonomika, li tlieta minnhom huma fl-istess ammont ta' € 57,500 (fl-2016, fl-2018 u fl-2019) lil istess persuna? Jista' jispjega għala d-Direct Orders Office approva dawn id-direct orders minkejja li dan hu in kontravenzjoni tal-para. 4(e) tal-Procurement Policy Note No. 32 ?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lil Onorevoli interpellant li d-direct orders imsemmija fil-PQ 24110 ma jmorrux kontra Procurement Policy Note #32 paragrafu 4(e) minħabba dan li ġej: Dan il-paragrafu jkompli speċifikament kif ġej: A Direct Order is very specific – it is for procurement of works / services / supplies for a specific period and a specific value – it has a beginning and an end. Hence for each and every request, as soon as the envisaged value of procurement exceeds the approved value, a fresh Direct Order approval is to be sought. Id-direct orders imsemmija ġew mitluba u mogħtija skont l-esiġenzi u l-bzonn tal-Ministeru mingħajr ma kien hemm rabta awtomatika bejn waħda u oħra. Infatti l-Ministeru seta’ faċilment jitlob għal direct order waħda għas-servizzi mogħtija fl-2018 u 2019 kieku kien hemm premiditazzjoni biex jingħataw f’mod kumulattiv. Il-Procurement Policy Note ma titkellimx fuq għotja ta’ direct order b’mod regolari imma fuq possibiltà li l-istess direct order tiġi mġedda. Xi ħaġa li infatti ma saritx. B’hekk wieħed jista jikkonkludi li t-tliet approvazzjonijiet għad- direct orders ma kinux bi ksur tal- Procurement Policy Note , imma infatti segwew il-politika mfassla fl-istess nota.
Leg 13 PQ #173 Sitting 541 2022-01-31 Written · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol

National Lotteries Good Cause – proġetti f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23423 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm proġetti minn Għawdex ħadu għajnuna minn National Lotteries Good Causes Fund matul is-sena 2021 u fiex kien jikkonsisti kull proġett? Jista' jgħid ukoll is-somma li ngħatat għal kull proġett?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23289.