Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport għad-Direttorati tal-Edukazzjoni — Nuqqasijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu biex is-servizz tat-trasport għad-Direttorati tal-Edukazzjoni ma jibqax fih in-nuqqasijiet imsemmija mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur 2007 paġna 103 u 104?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif indikat anki f’paġna 104 tar-rapport ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għall-2007, issa qed isir użu shih tal-Fleet Management System. Fl-2007 kellha tintuża wkoll informazzjoni minn Excel database għax il-Fleet Management System ma kinitx introdotta mill-bidu tas-sena. Il- College Principals , li llum ħadu post il- College Co-ordinators , qed jirċievu car allowance . Kif intqal wkoll fir-rapport, il- College Co-ordinators kienu pprovduti b’karrozza tal-kiri u fuel flok allowance bħala miżura temporanja u amministrattiva anke għaliex fi proġetti piloti tinħtieġ ċerta flessibilita’. Dwar il-fatt li xi vetturi m’għandhomx milometer , fir-rapport diġa’ ntqal li m’hemmx garages li għandhom permess biex iwaħħlu dan l-apparat fuq vetturi. Barra minn hekk, peress li dawn il-vetturi nxtraw second hand minn barra minn Malta fl-1982, ‘l anqas ma huwa maħsub li jkun economically feasible li jsiru ċerti spejjeż fuq dawn il-vetturi. Fuq il-kwistjoni tal- log books se tinħareġ ċirkolari biex dawn jinżammu b’aktar dettal u se jsiru aktar spezzjonijiet mis- supervisor u l-Assistent Direttur responsabbli mit-trasport. Xi karrozzi jinżammu wara l-ħin tax-xogħol għax ikun aktar prattiku minħabba ċ-ċirkostanzi li d- driver jibda x-xogħol l-għada mid-dar. Dan isir, per eżempju, meta jkun meħtieġ li jinġabru xi uffiċċjali kmieni miċ-Ċirkewwa. Kif jintqal wkoll fir-rapport, in-numru ta’ dawn il-karrozzi naqas meta mqabbel ma’ snin imgħoddija. Ta’ min wieħed isemmi li l-fatt li l-ispiża għall-konsum tal- fuel fil-Ministeru u d-Direttorati naqset minn Lm50,212 fl-2006 għal Lm40,470 fl-2007 turi li qed isir kontroll f’dan ir-rigward.

Servizz tat-trasport — Ġbir ta' studenti kmieni ħafna

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena finanzjarja 2008 komplewx jaslu ilmenti li l-kuntratturi tas-servizz tat-trasport skolastiku kien hemm rotot fejn ġabru lill-istudenti kmieni ħafna? X’passi ttieħdu dwar dawn l-ilmenti u xi tnaqqis fil-ħlasijiet saru lill-kuntratturi dwar dan in-nuqqas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ilmenti li waslu fid-Direttorat dwar xi rotot fejn studenti inġabru kmieni ħafna, kollha ġew investigati wieħed wieħed. Fejn irriżulta li t-tfal inġabru kmieni wisq, l-operatur ġie mgħarraf u ġie mitlub biex jimxi mal-ftehim. Il-penali relattivi qed jiġu applikati fejn instab ksur tal-ftehim.

Strateġija IT

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Istrategija IT imħejjija mid-Direttorat għall-Kwalita` u l-Istandards fl-Edukazzjoni I ippreżentat lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur li ssir referenza għaliha f’paġna 197 tar-Rapport tal-istess uffiċċju għas-sena 2007?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

skejjel pubbliċi — eżerċizzju fiżiku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandhom kull ġimgħa għall-eżerċizzju fiżiku t-tfal tagħna li jattendu skejjel pubbliċi? Hemm xi studji li jgħidu kemm suppost għandu jkun dan il-ħin biex it-tfal jiġu mgħejuna jgħixu a healthy life style?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skond iċ-ċirkulari DCM 28/2007 hu stipulat li l-istudenti kollha tal-primarja jagħmlu sagħtejn ta’edukazzjoni fiżika fil-ġimgħa. Ħafna drabi dan jiddependi mill-attitudni tal-kap ta’ l-iskola u ta’ l-għalliem individwali. Jidher illi b’mod prattiku ħafna skejjel qed jagħmlu żewġ lezzjonijiet ta’ 45 minuta-il waħda fil-ġimgħa b’uħud jilħqu l-miri hekk kif imniżżla fiċ-ċirkulari. Madanakollu l-ħin għalkemm hu determinanti m’huwiex l-uniku fattur li jiddetermina l-healthy lifestyle. Fis-sekondarja, l-istudenti tal-Forms 1 u 2 qed ikollhom siegħa u nofs fil-ġimgħa. Fit-tlett snin l-oħra din qiegħda tonqos għal lezzjoni waħda fil-gimgħa ta’ tliet kwarti ta’ siegħa. Hemm xi eccezzjonijiet bħal San Benedittu fejn l-istudenti għandhom tlett lezzjonijiet fil-ġimgħa. Il-WHO u NASPE (Assoċjazzjoni Amerikana ta’ l-Edukazzjoni Fiżika u Sport) fost l-oħrajn jirrakkommandaw minimu ta’ siegħa ta’ attivita’ fiżika kuljum. Dan ma jfissirx li jrid isir bilfors matul il-ħin ta’ l-iskola, madankollu l-iskola għandha rwol importanti meta tqis li ħafna studenti m’humiex involuti fl-ebda attivita’ fiżika wara l-ħin ta’ l-iskola. L-isport u l-attivita’ fiżika huwa fattur wieħed, imma essenzjali, minn bosta sabiex l-istudent ikun jista’ jaddotta healthy lifestyle . Fost affarijiet oħra ta’ min isemmi d-dieta, in-nuqqas ta’ alkohol, trażżin ta’ tipjip u drogi u mistrieħ adekwat.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — bordijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma il-bordijiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tagħha li ltaqgħu matul Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar, tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

The Eden and Razzett Foundation — iffirmar ta' ftehim

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlamentari 7367, 7020 u 6647 u li oriġinarjament saru lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġew riferuti lilha u tgħid jekk iffirmatx xi ftehim finanzjarju mal-Fondazzjoni l-ġdida The Eden and Razzett Foundation? Jekk fl-affermattiv, tista' tagħti dettalji? Jekk fin-negattiv, xi ftehim hemm bejn il-Ministru u dawn iż-żewġ fondazzjonijiet separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari 6645.

Rifjut ta' Għoti ta' Learning Support Assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'rimedju għandhom l-istudenti li ġiet rifjutata t-talba tagħhom għall-għoti ta' learning support assistants? Hemm xi appell minn din id-deċiżjoni? Jekk fl-affermattiv, kemm hu t-terminu ta' żmien biex isir dan l-appell? Peress li l-ġenituri ta' studenti b'learning support assistants li ser joqogħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC ġew infurmati li jridu jiġu assessjati t-tfal mit-tobba tal-Gvern u mhux ser jiġu aċċettati assessments privati; peress li l-waiting list għal dan it-tip ta' assessjar hija twila u ħafna ġenituri qed jibżgħu li ma jilħqux jagħmlu l-assessment sa żmien l-eżamijiet, xi pjanijiet għandu l-Gvern biex kull tifel u tifla li għandhom bżonn dan l-assessment jiġu assessjati fil-ħin qabel l-eżamijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta tiġi rrifjutata talba għall-għoti ta’ Learning Support Assistant, wieħed jista’ jappella mal-Bord tal-Appell. It-terminu ta’ żmien biex isir dan l-appell huwa ta’ tlett xhur mid-data tar-rapport maħruġ mill-iStatementing Moderating Panel. Fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, l-assessjar ta’ tfal fir-rigward tal-eżamijiet tal-MATSEC isir minn psikologi edukattivi. Id-Direttorat diġa’ ħareġ applikazzjonijiet għal trainee psychologists biex ikompli jsaħħaħ is-servizzi psikoloġiċi għall-iskejjel.

klabb tar-Regatta ta' Birżebbuġa — fond adegwat

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jingħata fond adegwat, kif imwiegħed saħansitra mill-Prim Ministru lilll-klabb tar-Regatta ta' Birżebbuġa? Taf il-Ministru illi l-fond li ġie offrut lilhom kien ikkundannat mill-perit?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar, tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Ħal Qormi — Bini antik wara l-għassa tal-Pulizija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux jittieħdu kull prekawzjoni biex ikun imħares il-bini antik li jmur lura għal żmien il-kavallieri wara l-ghassa tal-Pulizija, f'Ħal Qormi, fejn dan l-aħħar sar żvilupp fil-ġnien li fl-antik kien jagħmel parti minn din l-istess għassa mibnija fi żmien il-kavallieri? X'qed isir biex jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtiega ħalli dan il-bini ma jiġġarrafx b'inġenji jew għodod oħra li jistgħu jintużaw fil-viċinanza minħabba dan l-iżvilupp? Tista' tgħid jekk hux ippjanat li jigi restawrat? U jekk iva, meta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-2005 is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kienet ġibdet l-attenzjoni tad-Direttorat tal-Awtorita’ dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-importanza storika u arkitettonika tal-binja msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari. Is-Sovrintendenza rrakomandat illi din il-propjeta storika għandha tiġi protetta. Jirriżulta li fl-2007 l-Awtorita dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet permess għall-iżvilupp fil-ġnien li kien jifforma parti minn dan il-bini storiku (Ref: PA 2840/06). Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed tieħu l-passi kollha neċessarji biex dan il-bini jkun protett, skond l-Att tal-Patrimonju Kulturali.

Trasport fl-iskejjel — Uffiċjali nkarigati

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu matul is-sena 2008 biex uffiċjali nkarigati mit-trasport fl-iskejjel ikunu jafu sew kif jaħdem dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment għall-Immaniġġjar tar-Riżorsi ta’ l-Iskejjel organizza żewġ serje ta’ laqgħat, waħda għall-kapijiet ta’ l-iskejjel qabel il-vaganzi tas-sajf li għadda, u oħra għall-uffiċjali fl-iskejjel li huma risponsabbli mid-data entry fis-software il-ġdid li ġie żviluppat biex jinżammu rekords kompleti u preċiżi ta’ dak kollu li jsir waqt is-servizz tat-trasport. Fl-ewwel serje ta’ laqgħat li saret għall-kapijiet ta’ l-iskejjel ġie spejgat fid-dettal il-ftehim li jeżisti bejn il-Gvern u l-operaturi. Ġew spjegati wkoll it-termini kollha tal-ftehim u ta’ korrispondenza oħra li jagħmlu parti mill-ftehim. Dawn l-ispjegazzjonijiet tat-termini u kundizzjonijiet ġew inkwadrati fil-qafas tas- sfotware ġdid li ġie żviluppat. Wara l-vaganzi tas-sajf saret serje oħra ta’ laqgħat għall-uffiċjali li jagħmlu data input fis- software . Dawn il-laqgħat iċċaraw ħafna dubji dwar x’għandu jiġi rrapurtat u kif għandhom isiru dawn ir-rapporti. Wara l-esperjenza ta’ l-ewwel xhur, jidher li s-sistema qed tindara tajjeb u r-rżultati mixtieqa qegħdin jinkisbu. L-uffiċjali ġodda fl-iskejjel qed jingħataw taħriġ u tagħrif biex huma ikunu aġġornati wkoll.

Trasport skolastiku għal tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’kuntratt hemm bħalissa għall-provvista tas-servizz tat-trasport skolastiku għal tfal bi bżonnijiet speċjali li qed jattendu skejjel primarji u sekondarji mainstream? Kemm hemm tfal jużaw dan is-servizz u kemm jiswa? Kemm hemm kuntratturi jipprovdu dan is-servizz, fuq kemm rotot u b’kemm vetturi? Dawn ir-rotot huma biżżejjed biex jaqdu t-tfal bi bżonnijiet speċjali jew jintużaw ukoll għal tfal oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Iż-żewġ kuntratti li hemm bħalissa għall-provista tas-servizz tat-trasport skolastiku għal tfal bi bżonnijiet speċjali li qed jattendu skejjel primarji u sekondarji mainstream huma: 1. Tal-Paramount Garage li ngħata permezz ta’ tender mid-Direttorat wara pubblikazzjoni fil-gazzetta tal-Gvern ta’ l-1 ta’ Awwissu, 2008. 2. Tad-TDP ( Transport for Disabled Persons ) li ngħata b’tender tad-Dipartiment tal-Kuntratti kien estiż sa l-aħħar ta’ Diċembru 2008. Minn Jannar 2009 sa l-aħħar tas-sena skolastika 2008/2009 ngħata direct order bl-approvazzjoni meħtieġa, lit-TDP peress li t- tender li nħareġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti għadu qed jiġi ipproċessat. Hemm 22 student li jużaw dan is-servizz li jiswa €218.30 kuljum (tal-Paramount Garage) u €465.54 kuljum (tat-TDP Lifter Vans ). Il-Paramount Garage jipprovdu dan is-servizz fuq 10 rotot b’10 vetturi waqt li t-TDP jipprovdu dan is-servizz fuq 5 rotot b’5 vetturi. Dawn ir-rotot jintużaw biss għal tfal bi bżonnijiet speċjali. Barra minn hekk, 5 studenti oħra bi bżonnijiet speċjali qed jiġu provduti bis-servizz ta’ trasport minn 5 vetturi tad-Direttorat fuq 5 rotot.

Annual Audit Report — Nuqqasijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu biex jiġu ndirizzati n-nuqqasijiet indikati fl-Annual Audit Report 2007 tan-NAO paġna 96 taħt ‘Shortcomings in the contract of service’? Dawn il-passi huma sodisfaċenti biex l-istess nuqqasijiet ma jiġux ripetuti fis-sena finanzjarja 2008 u fis-snin finanzjarji li ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għalkemm il-kuntratt iffirmat mas-service providers ma jistipulax b’mod preciż kif japplikaw ir-rati differenti, fil-prattika dawn jikkorrispondu mad-distanza, in-numru ta’ pick up points u n-numru ta’ bliet jew irhula li jkopri l-vjaġġ. Fin-negozjati li se jsiru għal ftehim ġdid, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi se jkun qed jara kif jistgħu jintużaw mezzi moderni li jgħinu biex tkun stabbilita b’mod aktar eżatt id-distanza ta’ kull vjaġġ. Meta jintużaw vetturi akbar minn dawk indikati fil-kuntratt, skont kif jipprovdi l-istess kuntratt, u għalhekk xi vjaġġi jkunu amalgamati, isir tnaqqis ta’ 20% fuq ir-rata l-baxxa skond kif ipprovdut f’ side letter tad-29 ta’ Jannar 2004.

Tfal bi bżonnijiet speċjali li ma jattendux skola — Trasport

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’jiġri meta tfal bi bżonnijiet speċjali ma jattendux skola? Jiġu avżati l-kuntratturi tat-trasport tagħhom? X'ħin jiġu avżati? Meta ma jagħmlux vjaġġ jitħallsu xorta waħda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tender il-ġdida tipprovdi li, meta student ma jkunx ser jattendi l-iskola, il-kuntrattur tat-trasport għandu jiġi avżat fil-ħinijiet tal-uffiċċju ġurnata qabel. Il-kuntrattur jitħallas 25% tar-rata meta l-vjaġġ ma jsirx. L-iskejjel ingħataw struzzjonijiet biex jinfurmaw lit-Taqsima tat-Trasport ta’ l-iSkejjel fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi meta tfal ma jkunux ser jattendu minħabba mard fit-tul biex il-kuntrattur tat-trasport jiġi infurmat mill-ewwel.

Servizz tat-trasport

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu biex matul is-sena finanzjarja 2008 il-kuntratturi tas-servizz tat-trasport skolastiku jaħdmu skond l-obbligi kollha li ntrabtu bihom u jinżammu records korretti tas-servizz li jipprovdu f’numru ta’ vetturi u fil-kwalita` tas-servizz u ma jibqgħux jitħallsu ta’ xogħol li ma jkunux għamlu u ma jibqgħux jiffullaw karozzi bl-istudenti meta suppost li għal raguni ta’ sigurta` u ta’ kumdita` t-tfal suppost jinġarru aħjar milli nġarru fuq għadd ta’ rotot tul is-sena finanzjarja 2007?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Saru diversi laqgħat bejn uffiċjali għolja fid-Direttorati u l-uffiċjali li jirrappreżentaw lill-operaturi biex jiġu ċċarati dak li ż-żewġ partijiet jistennew minn xulxin. Isiru skambji kontinwi ta’ idejat, ħsibijiet u esperjenzi ta’ l-andament tat-trasport ta’ l-istudenti. Isiru spezzjonijiet sew mill-uffiċjal tad-Direttorat li għandu l-grad ta’ Enforcement Officer II, kif ukoll minn uffiċjal ta’ l-ADT fejn u meta jinħass il-bżonn. Id-Dipartiment għall-Immaniġġjar ta’ Riżorsi ta’ l-Iskejjel, flimkien mas-Sezzjoni ta’ l-Accounts, żviluppaw software ġdid li jżomm rekords preċiżi u kompleti tal-vjaġġi kollha li jsiru jew ma jsirux, jekk jaslux kmieni jew tard, eċċ. Peress li fis-software ġie inkluż il-kunċett ta’ data validation, id-data li jdaħħlu fih l-iskejjel hija ffukata ħafna u l-proċess kif maħsub u maħdum ma jħallix lok għal żbalji fid-data entry. Il-ftehim ma jagħtix lok li l-istudenti ma jkunux bilqegħda komdi waqt it-trasport. Il-Kapijiet għandhom struzzjonijiet li ma jħallux studenti jinġarru bil-wieqfa. Meta xi kultant jaslu rapporti ta’ nuqqas ta’ ħarsien ta’ xi waħda mill-kundizzjonijiet li hemm fil-ftehim qed jiġu applikati l-penali maħsuba.

Ufficcju Nazzjonali tal-Awditur — Pagamenti żejda

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekkil-pagamenti żejda li saru tul is-sena finanzjarja 2007 (Rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur Sena 2007, paġna 101) inġabrux lura? X’fadal jinġabru? Saru pagamenti żejda simili fis-sena finanzjarja 2008? Kemm saru u jekk saru x’qed isir biex jinġabru lura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-pagamenti li saru żejda tul is-sena finanzjarja 2007 inġabru fis-sena 2008. Fis-sena finanzjarja 2008 ma sarux pagamenti żejda.

Zejtun — Skola Primarja

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga jekk l-iskola Primarja A taz-Zejtun hemmx indafa biżżejjed minkejja li jidher li hemm persuni nkarigati minn dan ix-xogħol? Taf li kien hemm każ ta' skarlatina fl-istess skola ftit tal-jiem ilu? X'passi ttieħdu f'dawn iż-żewġ każi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-aħħar spezzjoni fuq l-indafa fl-imsemmija skola saret fis-6 ta’ April, 2009. Mir-rapporti li saru wara kull spezzjoni, il-livell ta’ ndafa f’din l-iskola kien dejjem wieħed tajjeb. Fuq il-każ ta’ skarlatina ġew avżati l-Prinċipal tal-Kulleġġ u t-Tabib tad-Direttorat. It-Tabib kellem lill-ġenituri tal-klassi dak inhar stess kif wkoll fis-26 ta’ Marzu, 2009, fejn kellu taħdita mal-ġenituri (Skola A u B) dwar saħħet it-tfal.

Studenti li applikaw għall-eżamijiet fil-Livell Avvanzat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa l-ammont totali ta’ subien u bniet, li applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet fil-Livell Avvanzat (MATSEC) fil-ġimgħat li ġejjin? Kemm minnhom huma minn skejjel tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti? Kemm kien hemm kandidati privati li applikaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ studenti li applikaw għall-eżamijiet tal-Livell Avvanzat (MATSEC) f’Mejju 2009 huwa 3827 li minnhom 1528 huma subien u 2299 huma bniet. It-Tabella hawn taħt turi kif l-istudenti huma mqassmin skont it-tip ta’ skola, sew jekk tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, jew studenti privati. In-numri jinkludu studenti li ser joqgħodu għall-eżami taċ-Ċertifikat tal-Matrikola u studenti li se jagħmlu l-eżamijiet bħala single subject fil-Livell Avvanzat. Tabella: Numru ta’ Kandidati għall-eżamijiet fil-Livell Avvanzat f’Mejju 2009 Tip ta’ Skola Bniet Subien Totali Tal-Istat 1328 846 2174 Tal-Knisja 188 187 375 Indipendenti 26 20 46 Studenti privati 757 475 1232

Studenti li applikaw għall-eżamijiet tal-Malti, Ingliż, Matematika u Oqsma tal-Għerf — Livell Avvanzat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti li applikaw biex joqogħdu għall-Malti, Ingliż, Matematika u Oqsma tal-Għerf fil-livell Avvanzat? Kemm hemm minn skejjel tal-Istat, privati u dawk indipendenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ studenti li applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet tal-Malti, l-Ingliż u l-Matematika fil-Livell Avvanzat u fl-Oqsma tal-Għerf huwa kif jidher fit-Tabella hawn taħt. It-Tabella turi wkoll l-istudenti mqassmin skont it-tip ta’ skola sew jekk tal-Istat, tal-Knisja jew Indipendenti u studenti privati. Numru ta’ Kandidati li se jersqu għall-eżamijiet fil-Livell Avvanzat tal-MATSEC fl-2009 f’suġġetti partikulari u skont it-Tip ta’ Skola (tal-Istat, tal-Knisja, Indipendenti) jew studenti privati Suġġett Tal-Istat Tal-Knisja Indipendenti Studenti Privati Totali Malti 303 39 4 84 430 Ingliż 322 66 10 176 574 Matematika Pura 470 113 11 108 702 Matematika Applikata 9 0 0 2 11 Oqsma tal-Għerf* 1964 351 36 100 2451 *Oqsma tal-Għerf huwa offrut fil-Livell Intermedju biss.

Studenti li applikaw għall-eżamijiet tas-SEC

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu n-numru ta’studenti separatament, li applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet tas-SEC? Kemm minnhom huma minn skejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti? Kemm hemm li applikaw bħala studenti privati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ studenti li applikaw biex joqgħodu għall-eżamijiet tas-SEC fl-2009 huwa 7378, li minnhom 3424 huma subien u 3954 huma bniet. It-tqassim ta’ dawn l-istudenti skont it-tip ta’ skola sew jekk tal-Istat, tal-Knisja, Indipendenti u Post-sekondarji, jew studenti privati huwa kif jidher fit-Tabella hawn taħt. Numru ta’ Kandidati għall-Eżamijiet tas-SEC f’Mejju 2009 skont is-sess u t-tip ta’ skola Tip ta’ Skola Subien Bniet Totali Tal-Istat 1176 1440 2616 Tal-Knisja 779 698 1477 Indipendenti 259 149 408 Post-sekondarji 290 494 784 Studenti privati 920 1173 2093

Studenti li applikaw għas-SEC

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn dawk l-istudenti li applikaw għas-SEC kemm se joqogħdu għall-Malti, il-Lingwa Ingliża, Letteratura Ingliża, Matematika, Fiżika u Studji Ambjentali? Kif inhuma mqassma minn skejjel tal-Gvern, tal-Knisja u dawk indipendenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ studenti li applikaw biex joqgħodu għall-eżamijiet tas-SEC fl-2009 fil-Malti, il-Lingwa Ingliża, il-Letteratura Ingliża, il-Matematika, il-Fiżika u l-Istudji Ambjentali huwa kif jidher fit-Tabella hawn taħt. It-Tabella turi l-istudenti mqassmin skont it-tip ta’ skola, sew jekk tal-Istat, tal-Knisja, Indipendenti u Post-sekondarji, jew studenti privati. Numru ta’ Kandidati li se joqgħodu għall-eżamijiet tas-SEC fl-2009 f’suġġetti partikulari mqassmin skont it-tip ta’ skola s ew jekk tal-Istat, tal-Knisja, Indipendenti, Post-sekondarji u studenti privati Suġġett Tal-Istat Tal-Knisja Indipendenti Post-Sekondarji Studenti Privati Totali Malti 2437 1443 370 282 422 4954 Lingwa Ingliża 2478 1457 405 297 1037 5674 Letteratura Ingliża 1397 1130 358 19 49 2953 Matematika 2393 1453 404 414 761 5425 Fiżika 2200 1207 303 205 250 4165 Studji Ambjentali 1258 687 249 36 84 2314