Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija l-Indafa Pubblika — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul is-sena 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24480.

Pagamenti u sigħat tax-xogħol — skart domestiku

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi l-valur tal-pagamenti kif ukoll l-ammont ta’ sigħat tax-xogħol li saru minn kuntrattur privat għas-servizz ta’ monitoraġġ u infurzar relatat mal-ġbir tal-iskart domestiku, skont ir-regolamenti dwar l-iskart u taqsam din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — Triq it-Turisti - Sistema tad-drenaġġ - Spezzjoni bis-cctv

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25214 dwar l-ispezzjoni bis-CCTV fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar li saret fit-30 t’Ottubru, tista’ l-Ministru tagħti iktar informazzjoni dwar x’kienu r-riżultati ta’ din l-ispezzjoni? Tista’ tgħid ukoll x’tip ta’ mains hemm fuq il-post, jekk humiex tal-ħadid inkella tal-asbestos?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif diġà spjegajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamnentari 25214, mill-ispezzjonijiet irriżulta li hemm bżonn ta’ xi tibdiliet fis-sistema tad-drenaġġ. Dan biex isir titjib fil-konnessjonijiet mad-djar kif ukoll jissewwew xi partijiet mill-mejns li huma tal-asbestos cement. Meta jinbdew tali xogħlijiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tassigura li x-xogħlijiet ikunu konformi mar-regoli tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Il-Mellieħa — Impjant taċ-ċumnija - New water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm bdiewa qed jagħmlu użu mill-ilma ta’ new water li qed joħroġ mill-impjant taċ-ċumnija fil-Mellieħa u kemm hu r-raba’ li hu stmat li qed jissaqqa minn dan l-ilma? Tista’ tgħid ukoll kemm raba’ hu stmat li sar saqwi, b’riżultat tan-new water f’dawn l-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab ifurmata li fit-Tramuntana ta’ Malta l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 780 persuna reġistrata li tista’ tagħmel użu mis-servizz tan-New Water. Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-parti l-oħra tal-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

San Ġwann — Triq Bella Vista - Railings tal-ħadid biswit il-kappella

Question

Fid-dawl li waqt xogħlijiet li kienu saru mill-kuntrattur tal-Waterservices fi Triq Bella Vista f’San Ġwann, il-kuntrattur neħħa r-railings tal-ħadid li hemm biswit il-kappella li tintuża bħala mużew għat-tfal, tista’ l-Ministru tgħid għaliex dan ir-railing għadu ma tpoġġix lura peress li qed jikkawża periklu għat-tfal li jkunu ħerġin mill-mużew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li qed issir referenza għalihom waslu fil-fażi finali u għaldaqstant, kif jitlestew, ir-railings jerġgħu jiġu installati fejn kienu mill-kuntrattur.

Ir-Rabat, Għawdex — Triq San Duminku - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24536 fejn ġie mistoqsi meta nbdew ix-xogħlijiet fi Triq San Duminku fir-Rabat, Għawdex u fiex jikkonsistu u għaliex f'dawn l-aħħar ġimgħat ma tkomplewx ix-xogħlijiet, fejn ġie mwieġeb li: 'Ix-xogħlijiet fit-triq indikata nbdew fis-16 t’Ottubru u jikkonsistu f’titjib tan-network eżistenti tal-ilma tax-xorb. Infurmata li x-xogħlijiet mhumiex weqfin, imma qegħdin isiru testijiet tat-terran kif ukoll evalwazzjoni biex jinbidel ukoll il-mejn tad-drenaġġ', tista’ l-Ministru tgħid għaliex it-testijiet tat-terran u l-evalwazzjoni biex jinbidel il-mejn tad-drenaġġ ma sarux qabel ħarġet is-sejħa biex isir titjib tan-network eżistenti tal-ilma tax-xorb biex b’hekk toħroġ sejħa kompluta? Tista’ tgħid ukoll fiex jikkonsistu t-testijiet tat-terran li qed isiru, minn min qed isiru, kemm huma stmati li ser jiġu jiswew u meta ser ikunu konklużi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mhix prassi li t-testijiet tat-terran isiru qabel ma jinbdew xogħlijiet ta’ trinek relatati mal-infrastruttura tal-ilma tax-xorb. It-testijiet meħtieġa li jistabbilixxu l-fond kif ukoll il-lok preċiż tal-ħamrija tlestew u ma involvew l-ebda ħlasijiet addizzjonali. Il-bdil tal-mejn tad-drenaġġ se jsir bħala prekawzjoni minħabba li huwa antik, biex jiġi evitat li jkollu jinbidel iktar ’il quddiem. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tistenna l-istima ta’ tali xogħol li jinkorpora wkoll ir-rinfurzar tat-triq.

Underground refuse collection — Proġett pilota

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar il-ħidma fuq il-proġett pilota ta' underground refuse collection u metodi innovattivi kif jinġabar l-iskart? Tista’ wkoll tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Underground refuse collection — Proġett pilota

Question

Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tagħti tagħrif dwar il-ħidma fuq il-proġett pilota ta' underground refuse collection u metodi innovattivi kif jinġabar l-iskart? Tista’ wkoll tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

BCRS — Fliexken tal-plastik u tal-ħġieġ mitfugħa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm intefgħu fliexken tal-plastik u tal-ħġieġ fil-magni tal-BCRS minn meta ġiet imnedija din l-iskema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-14 ta’ Novembru 2022 sat-12 ta’ Frar 2025, inġabru 485,497,592 kontenitur tax-xorb. Minn dawn, 428,191,752 inġabru mir-Reverse Vending Machines (RVMs) u 57,305,840 inġabru bis-sistema manwali mill-ħwienet tal-imnut u stabbilmenti tal-catering.

BCRS — Magni bil-ħsara

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ġew irraportati li l-magni tal-BCRS mhux qed jaħdmu f’kull lokalità minn meta ġiet imnedija din l-iskema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-ħsara li potenzjalment jista’ jkollhom il-magni (RVMs) hija responsabbiltà tal-Operatur Liċenzjat tal-Iskema għar-Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb. Ninsab infurmata li minn informazzjoni li ġabret l-aġenzija Circular Economy Malta mingħand l-operatur, bejn Lulju 2023 u Jannar 2025, dan irċieva 3,711-il ilment relatati ma’ ħsarat tal-magni, u dawn jinkludu lmenti li setgħu saru minn sorsi differenti dwar l-istess ħsara. L-Aġenzija kienet infurmata li l-Operatur, minħabba limitazzjonijiet tekniċi ta’ natura ta’ klassifikazzjoni tal-ilmenti li kienet ġiet innutata u indirizzata sa Mejju 2023, ma kienx f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni relattiva għall-perjodu Novembru 2022 u Ġunju 2023.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Multi amministrattivi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24076 u 25223 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21101, tista’ l-Ministru tagħti dettalji dwar il-ksur tar-regolamenti ambjentali li għalihom inħarġu multi amministrattivi lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

ERA — Ordnijiet ta’ Waqfien u Konformità

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24072 u 25222 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tal-ordnijiet kollha ta’ Waqfien u Konformità maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) lill-Awtorità tal-Artijiet rigward artijiet proprjetà tagħha, u għal kull avviż tispeċifika d-data, in-numru ta’ referenza u l-post?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Ordnijiet ta’ Waqfien u Konformità (OWK) maħruġin fil-konfront tal-Awtorià għall-Artijiet huma kollha magħluqin ħlief waħda li tritratta rimi llegali f’żona pubblika f’Wied ix-Xoqqa (OWK003/21). Infurmata li qegħdin isiru arranġamenti biex din tiġi indirizzata u tingħalaq ukoll.

Kuntratt — BCRS

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern u l-operatur għall-operat tal-iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb (BCRS)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kuntratt bejn l-aġenzija governattiva Circular Economy Malta u BCRS Malta bħala operatur. Dan il-kuntratt diġà huwa disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija.

San Pawl il-Baħar, Triq il-Mosta — Main tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema kundizzjoni jinsab il-main tad-drenaġġ fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll minn liema materjal hu magħmul dan il-main?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-materjal tal-mejn tad-drenaġġ fit-triq indikata huwa primarjament ‘asbestos cement’ u l-kundizzjoni tiegħu hija stabbli. Kif diġà spjegajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25339, hemm il-ħsieb li dan jiġi rinovat meta jitlesta l-proġett tal-mina tad-drenaġġ u għaldaqstant waqt ix-xogħlijiet jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà.

San Pawl il-Baħar — Triq l-Istamnar u Triq Andrew Cunningham - Trinek mikxufa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’wassal biex trinek li saru mill-/għall-Enemalta, fi Triq l-Istamnar u Triq Andrew Cunningham, f’San Pawl il-Baħar, damu kważi sena mhux mgħottija bl-asfalt?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-trinek li saru fiż-żona indikata, b’rabta ma’ xogħlijiet biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, kollha ngħalqu malli tlestew ix-xogħlijiet fihom. Biex isir il-kisi tal-wiċċ bl-asfalt, waħda mill-kundizzjonijiet fuq il-permessi hija li l-kuntrattur ikun akkumpanjat minn uffiċjali tat-traffiku fejn kien hemm diffikultà biex dawn jiġu provduti lill-Enemalta. Għalkemm dawn it-toroq mhumiex toroq arterjali, fuq insistenza tal-Kunsill Lokali dan ix-xogħol ma tħalliex isir kemm-il darba għaliex ma kienx hemm uffiċjali disponibbli. Qegħdin isiru arranġamenti biex dan ix-xogħol ikun jista’ jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Ħsarat u interventi ta’ emerġenza — Tiswija bla dewmien

Question

Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex meta jsiru interventi ta’ emerġenza, kemm fuq il-cables tal-elettriku, kif ukoll fuq il-mains tal-ilma, il-ħsarat li jsiru fit-toroq jiġu msewwija malajr u mhux jitħallew xhur sħaħ mhux lesti bl-asfalt?

Response (DALLI, MIRIAM)

Meta jinqalgħu esiġenzi li jirrikjedu interventi ta’ emerġenza hemm proċess li jiġi segwit mill-entitajiet. Malli tiġi identifikata ħsara f’xi wieħed mis-servizzi, l-entità rispettiva tinnotifika lil Transport Malta dwar il-ħtieġa li jsiru xogħlijiet urġenti fi triq partikolari biex jinħareġ permess ta’ emerġenza biex dawn ikunu jistgħu jinbdew. Meta x-xogħlijiet ta’ tiswija jiġu konklużi l-kuntrattur imqabbad mill-enititá jagħlaq it-trinka bil-konkos skont ir-rekwiżiti tal-permess. Il-konkos, li normalment jieħu madwar 28 ġurnata biex jilħaq is-saħħa tiegħu, jiġi ttestjat fil-laboratorji. Ladarba r-riżultati jkunu skont ir-rekwiżiti tal-permess imbagħad ikun jista’ jibda l-proċess biex jingħata l-asfalt. Jekk it-triq fejn ikun sar ix-xogħol ma tkunx għadha taħt garanzija, Transport Malta toħroġ kundizzjonijiet biex l-entità tkun tista’ tkompli bix-xogħol tal-asfalt. Imma f’ċirkostanzi fejn it-triq tkun għadha taħt garanzija, hemmm l-obbligu li l-wiċċ tat-triq jerġa’ jsir mill-kuntrattur imqabbad minn Infrastructure Malta biex jiġu rispettati l-kundizzjonijiet tal-istess garanzija.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Credit/Debit cards

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il credit/debit card pubblika għandha maħruġa għall-użu tagħha u tal-Ministeru tagħha u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x'inhu l-limitu ta' nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Tista’ tgħid ukoll x'kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar u x'inxtara, item item, b'din il-credit/debit card?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Kuntratt ta’ impieg

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-uffiċjali fi ħdan il-Ministeru mmexxi minnha li għandhom xi klawsola fil-kuntratt dwar termination allowance jew bonus jew penalty, fl-eventwalità li jitneħħew mill-pożizzjoni tagħhom? Tista’ tgħid ukoll min huma u kemm hu l-ammont għal kull wieħed u waħda minnhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-'Policy on the Engagement of Persons/Positions on a Trust Basis' li jispeċifika liema huma l-karigi u l-istanzi fejn l-uffiċjali jkunu intitolati għal termination benefit fl-eventwalitá li jkun hemm bidla fil-Gvern jew il-Ministru.

Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Lista ta' ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tas-Segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarju Parlamentari li jaqa’ taħtha? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm ħaddiema (total) fis-Segretarjat? Tista’ tippreżenta l-organigramma bl-istruttura tal-istess Segretarjati? Tista’ tindika kemm minn dawn il-ħaddiema huma: a. f’positions of trust; b. persons of trust; u ċ. taċ-ċivil?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-kompożizzjoni u l-organigramma ta' kif inhu strutturat is-Segretarjat Ministerjali, inkluż dawk tas-Segretarju Parlamentari, huma stabbiliti fil-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Birkirkara — Triq Olaf Gollcher - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' xogħol qiegħed isir fi Triq Olaf Gollcher, Birkirkara, meta huwa previst li jkun lest u x'miżuri qed jittieħdu biex ir-residenti jkunu milquta mill-anqas kemm f'dik it-triq u kemm f'toroq oħra affettwati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fit-triq indikata se jsiru xogħlijiet kemm mill-Enemalta kif ukoll mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Min-naħa tal-Enemalta, bħalissa għaddej il-proċess biex tiġi kummissjonata substation ġdida f’din iż-żona. Ix-xogħlijiet jinsabu fil-fażi finali u huwa mmirat li jitlestew sa tmiem dan ix-xahar. Min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma x-xogħlijet se jinkludu l-bdil tal-mejn tal-ilma tax-xorb u t-tisħiħ tas-sistema tad-drenaġġ. Ix-xogħol fin-networks mistenni jieħu madwar għaxar ġimgħat u mbagħad ikunu meħtieġa ħmistax oħra biex jingħata l-wiċċ tat-triq. Bħal f’kull xogħlijiet oħra li jsiru, qed isir il-kordinament meħtieġ mal-kuntrattur biex ikun assigurat li l-inkonvenjent ikun l-inqas possibbli, filwaqt li jittieħdu u jiġu mħarsa l-miżuri kollha ta’ saħħa u sigurtà.