Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #19119 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

LES Management Committee

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tal-LES Management Committee? Liema membri kienu appuntati mill-gvern biex iservu fuq dan il-kumitat? Jista’ jgħid x’inhi d-differenza bejn l-LES Management Committee u l-iStakeholders Committee tal-LES?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illil-Membri fuq il-bord tat-Tmexxija LES Management Committee huma dawn: Maurice Caruana – Chairperson Henri Darmanin – Membru George Cremona – Membru Joseph Chetcuti – Membru Peter Calleja – Membru Edgar Gatt – Segretarju Il-Membri kollha tal-Kumitat ġew maħtura mill-Gvern. Il-Kumitat tat-Tmexxija dwar is-Sistema ta’ Infurzar Lokali għandu jipprovdi l-linji gwida, il-politika ġenerali u t-tħaddim tas-sistema tal-infurzar loakli. Il-Kumitat ta’ Stakeholders jkollu r-responsabbilità li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat tat-Tmexxija. Dan il-kumitat ikun magħmul min rappreżentanti tat-Trade Unions, il-provditur tas-servizz tas-sistema ta’ infurzar lokali elettroniku, Uffiċjali Awtorizzati, l-Aġenzji tal-Gwardjani Lokali, il-Pulizija u l-ħames Kumitati Reġjonali, u jkun immexxi mill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Il-Kumitat ta’ stakeholders għandu l-istes Segretarju ta’ dak tat-Tmexxija.
Leg 11 PQ #19121 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PBS — Melita - xandir ta' logħob

Question

In vista tal-fatt li l-Public Broadcasting Services kienet ftehmet mal-Melita li din tal-aħħar ixxandar waħda mill-logħbiet tal-kwarti finali tat-Tazza tad-Dinja esklussivament, in vista tal-fatt li ftehim bħal din jikser l-avviz legali dwar avvenimenti maġġuri li jridu jixxandru free-to-air u in vista tal-fatt li dan kollu ma seħħx wara li l-Melita irrinunzjat għal dan id-dritt volontarjament: a) jista' l-Prim Ministru jgħid min kien responsabbli biex ġie nnegozjat dan il-ftehim minn naħa tal-Public Broadcasting Services mal-Melita; b) x’tip ta’ pariri legali ttieħu dwar dan il-ftehim mill-Public Broadcasting Services u mingħand min ttieħdu; ċ) min se jinżamm responsabbli għal din id-deċizjoni llegali; d) x’tip ta’ miżuri ttieħdu wara li sar magħruf dan il-fatt ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li għadha kif tat l-Onorevoli Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja bħala risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19120.
Leg 11 PQ #19122 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

riforma fis-sistema tal-gwardjani lokali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid fejn waslet ir-riforma fis-sistema tal-gwardjani lokali li l-Gvern kien ħabbar? Meta ser tibda tigi implimentata u kif ser tkun qed titħaddem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed jiltaqgħu żewġ Kumitati apposta li qed jikkordinaw ir-riforma fis-sistema ta’ infurzar lokali bis-sehem ta’ kull min hu nvolut fosthom l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Presidenti tal-Kumitati Reġjonali, il-union li tirrapreżenta l-gwardjani nfushom kif ukoll il-kumpaniji li jipprovdu s-servizz. Il-mira tal-Gvern hi li r-riforma tkun konkluża mill-aktar fis possibli, iżda dejjem skont il-ħidma ta’ dawn il-kumitati li jien infurmat li qed jiltaqgħu fuq bażi regolari. Inkunu f’pożizzjoni li nagħtu aktar dettalji dwar l-implimnetazzjoni tar-riforma u kif se titħaddem is-sistema l-ġdida aktar ’il quddiem.
Leg 11 PQ #19131 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija

Question

Fl-isfond tar-risposta mogħtija mill-Vici Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, għal mistoqsija parlamentari 17970, jista' l-Prim Ministru, jgħid jekk huwiex se josserva l-liġi li tgħid li reġistrazzjoni ta' applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija, minn persuni li huma t-tielet ġenerazzjoni jew aktar ta' dixxendenti Maltin, ma tkunx aktar possibbli wara Lulju 2010, jew se jkun aktar akkomodanti u jestendi dan il-perjodu, in vista tal-fatt li għad hemm persuni (fosthom dawk dixxendenti tal-Maltin tal-Eġittu) li jridu japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija, imma li għadhom qegħdin isibu diffikultajiet biex ikollhom f'idejhom id-dokumenti neċessarji.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hux minnu li wara Lulju 2010, Maltin tat-tielet ġenerazzjoni ma jkunux jistgħu japplikaw għal ċittadinanza Maltija. Din hija qlajja li ġiet miċħuda waqt il-Konvenzjoni għall-Maltin li Jgħixu Barra, u l-pożizzjoni legali ġiet spjegata waqt il-Konvenzjoni. Il-liġi ssemmi Lulju 2010 f’kuntest differenti. Meta fl-2007 ġiet estiża mill-Gvern preżenti ċ-ċittadinanza għal kull min jipprova illi xi antenat tiegħu kien Malti mwieled Malta, ġie provdut li biex wieħed japplika jrid juri li l-ġenitur tiegħu – jekk għadu ħaj – diġà akkwista ċittadinanza Maltija; Il-ġenitur/i ta’ l-applikant li mietu, jew meta għaddiet il-liġi fl-2007 kienu ħajjin pero mietu sa tliet snin wara (Lulju 2010), jitqiesu bħali kieku applikaw.
Leg 11 PQ #18428 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — finanzjament ta' studju dwar l-impatt soċjo-ekonomiku fuq proġetti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-policy li tiffinanzja lill-Kunsilli Lokali f’għajnuna biex ikunu jistgħu jagħmlu studju dwar l-impatt soċjo-ekonomiku fuq proġetti ta’ ċertu kobor fil-lokal tagħhom hijiex inkluża fir-riforma tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar peress li ma ġietx imwieġba fil-mistoqsija parlamentari 15798 kif irrefera għaliha l-Prim Ministru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA ma għandhiex policy biex tiffinanzja lill-Kunsilli Lokali għal dawn l-istudji li qed tirreferi għalihom. Talbiet bħal dawn jiġu studjati fuq il-bażi individwali u fuq il-mertu tal-applikazzjoni fil-lokal.
Leg 11 PQ #18875 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

skemi ta' kollaborazzjoni bejn il-kunsilli lokali u l-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi ta' kollaborazzjoni bejn il-kunsilli lokali u l-gvern, permezz tal-użu tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, qed jiġu aġġudikati fil-preżent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-aħħar sejħa ristretta għall-proposti speċifikati minn Kunsilli Lokali hi waħda li taqa’ taħt l-Assi ta’ Prijorità 2 tal-Programm Operattiv I bit-tema ‘Ninvestu fil-Kompetittività għal Kwalità ta’ Ħajja Aħjar’. Dan jitratta dwar il-‘Promozzjoni ta’ Turiżmu Sostenibbli’ u s-setturi li kien miftuħa taħt din is-sejħa partikulari kienu l-‘Iżvilupp tal-Prodott’ u l-‘Iżvilupp ta’ Swieq Turistiċi Partikulari u Speċifiċi u Branding’. Din is-sejħa partikulari kienet ristretta għall-proposti minn Kunsilli Lokali f’dawk iż-żoni turistiċi ta’ prijorità. Is-sejħa tnediet mill-Planning and Priorities Coordination Division fil-bidu ta’ Marzu li għadda, għalqet fid-19 ta’ April 2010 u bħalissa qed tiġi aġġudikata. It-total indikattiv tal-allokazzjoni finanzjarja għal din is-sejħa kien ta’ € 2 miljuni. Intant bħalissa hemm sejħa oħra għall-proposti miftuħa għall-Kunsilli Lokali. Din is-sejħa hija miftuħa taħt l-Assi ta’ Prijorità 4 li jitratta dwar il-‘Mitigazzjoni u l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima’. Is-sejħa hija ristretta għall-proposti li jippromwovu l-użu effiċjenti tal-enerġija u r-riżorsi tal-enerġija fl-infrastruttura li jistgħu jiġġeddu minn Kunsilli Lokali kif ukoll minn għaqdiet non-governattivi (jew l-ekwivalenti, fosthom skejjel tal-knisja u entitajiet oħra). It-total indikattiv tal-allokazzjoni finanzjarja għal din is-sejħa huwa ta’ €3.5 miljuni. Is-sejħa għadha miftuħa u tagħlaq fis-16 ta’ Lulju 2010.
Leg 11 PQ #18891 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Valletta water polo pitch

Question

Jista’ l-Prim Ministru jghid jekk il- water polo pitch tal-Belt Valletta jaqax taħt ir-responsabbilita’ tal-Gvern Ċentrali jew tal-Kunsill Lokali tal-Belt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-pitch tal-waterpolo tal-Belt ma jaqax taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Leg 11 PQ #18914 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Interim From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Triq Santa Marija, l-Imġarr — għoti ta' tarmac

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk Triq Santa Marija l-Imġarr Malta hijiex responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali għal dak li hu għoti ta' tarmac? Jekk iva, din it-triq meta se ssir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #18920 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rabat — Żvilupp ta' art

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid fuq liema kriterju l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar konċediet l-permess f'Tal-Plier, Rabat, sabiex minflok binja, l-binja li kienet razzett imġarraf, ser jinbena żvilupp li m'għandu x'jaqsam xejn mal-biedja? Jista jgħid jekk kienx hemm monitoragg mis-sovrindentenza tal-mużewijiet għax fejn qed issir dan l-iżvilupp hi zona li tista’ jkollha valur arkeoloġiku? Jista’ jgħid kienx preżentat xi tip ta’ environment impact assessment lill-MEPA fuq dan l-iżvilupp? Jista jgħid x'inhi r-raġuni li l-iżvilupp il-ġdid ingħata permess jeċċedi l-area li fuqha seta jsir l-iżvilupp?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità għandha bżonn iktar dettalji, bħal per eżempju n-numru tal-applikazzjoni (PA Number) jew indirizz sħiħ tas-sit, biex tkun tista' twieġeb aħjar din il-mistoqsija.
Leg 11 PQ #18973 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Interim From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — works manager

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li ma kellhomx works manager mis-sena 2006 sal-lum? Kien hemm raġuni għal dan? B'liema mod kien qed issir l-iċċekkjar tal-ħlasijiet bħalma huma kejl tax-xogħlijiet, jekk ix-xogħol sarx skont kif mitlub u skont is-sengħa eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 87/2010 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Leg 11 PQ #18985 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marsa — Triq Diċembru 13

Question

B’riferenza għat-twegiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 18364, jista’ l-Prim Ministru jgħid b’liema mod il-Kunsill Lokali tal-Marsa kien notifikat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-progett għal Triq Dicembru 13? Jekk dan kien permezz ta’ ittri ufficjali lil Kunsill, jista’ jpoġġi kopji taghhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Marsa kien notifikat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-proġett għal Triq Diċembru 13 permezz ta' e-mail li kienet intbagħtet fit-13 ta' Marzu 2008 u ittra separata li nbagħtet fl-istess ġurnata fejn l-Awtorità infurmat lill-kunsill bl-applikazzjonijiet ta' żvilupp kollha li kienet irċeviet fil-lokalità tal-Marsa fosthom il-proġett għal Triq Diċembru 13. Peress li kienu nbidlu l-pjanti tal-proġett, l-Awtorità nsistiet li l-proċess ta' l-applikazzjoni kellu jerġa' jibda mill-bidu u għalhekk il-MEPA reġgħet infurmat lill-kunsill bl-applikazzjonijiet ta' żvilupp kollha li kienet irċeivet fil-lokalità tal-Marsa fosthom il-proġett għal Triq Diċembru 13 permezz ta' e-mail fit-28 ta' Ottubru 2009, kif ukoll permezz ta' ittra separata li ntbagħtet fl-istess ġurnata. Kopji tal-email u tal-ittra bid-data tat-13 ta’ Marzu 2008 flimkien mal-email bid-data tat-28ta’ Ottubru 2009 kif indikati fir-risposta tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra waqt il-ħin tat-Tqegħid ta’ Karti.
Leg 11 PQ #18986 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Stazzjoni tal-Istat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jaqbilx mal-policy li uża l-istazzjon tal-istat, finanzjat pubblikament, li biegħ parti mid-drittijiet tal-loghob tat-Tazza tad-Dinja lil kumpanija privata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-PBS hu parzjalment iffinanzjat mill-Istat. Il-kumpanija tiġġenera 80 fil-mija tal-fondi li għandha bżonn. Dwar il-World Cup, l-istazzjon qatt ma kellu l-għażla li juri l-logħob kollu, iżda kellu jbiegħ 18 il-logħba biex ikun finanzjarjament possibbli għall-FIFA biex tagħti d-dritt lill-TVM biex ixandar 46 logħba free to air . Il-bejgħ sar b’sejħa għall-offerti u kumpanija waħda biss kellha offerta skont ir-regoli, u din ġiet aċċettata bi prezz li kien aċċettabbli għall- European Broadcasting Union u għall-FIFA.
Leg 11 PQ #19035 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — xogħol ta' natura legali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18774, 18551, 18193, 17949 u 17359 u jgħid kemm ingħata xogħol ta' natura legali fl-aħħar sitt xhur? Lil min ingħata? Ingħata b'direct order jew sejħiet għall-applikazzjoni? X'kienet il-biċċa xogħol u kemm kien il-ħlas għal kull biċċa xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar xogħol ta’ natura legali minn Novembru 2009 sa Mejju 2010 fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #19075 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qorti tal-Appell — informazzjoni personali dwar l-istat ta' saħħa ta' persuna mogħtija minn Membru Parlamentari

Question

F'sentenza dwar każ ta' libell li Membru Parlamentari li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, għamel lill-ġurnal It-Torċa, il-Qorti tal-Appell qalet li l-Membru Parlamentari ppreżenta dokumenti kunfidenzjali b' informazzjoni personali dwar l-istat ta' saħħa ta' persuna bħala parti mill-każ tiegħu u peress li l-istess Qorti ġibdet l-attenzjoni dwar dan, jista' l-Prim Ministru jgħid x' passi ħa wara li sar jaf b'dawn il-fatti? Iħoss il-Prim Ministru li dan l-aġir ta' Membru Parlamentari kien skorrett u ma jibgħatx sinjal tajjeb liċ-ċittadini? Iħoss li wara li l-istess Membru Parlamentari kien involut aktar minn darba f' ikkuppjar f'eżamijiet universitarji waqt li kien diġà attiv politikament, l-aġir ulterjorament skorrett għandu jwasslu biex jitlob lill-istess Membru Parlamentari li jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M’għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari 19074.
Leg 11 PQ #19076 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Membru parlamentari — onorarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk fil-każ tal-Membru Parlamentari li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, huwiex qed jitħallas onorarja waħda bħala Whip u onorarja oħra bħala Assistent Parlamentari? Għal kemm jammontaw dawn iż-żewġ onorarji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Membru Parlamentari li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant mhux Assistent Parlamentari u mhux jirċievi l-honorarium ta’ Assistent Parlamentari.
Leg 11 PQ #19077 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Assistenti Parlamentari — perkaċċi u allowances

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk minbarra l-onorarja, l-Assistenti Parlamentari humiex qegħdin jingħataw ukoll perkaċċi u allowances bħal ħlas tat-telefonati fuq il-mobile, użu ta' vettura governattiva, fuel allowance u xi tip ta' allowances oħra eċċ.? Jista' jagħti lista ta' dawn il-perkaċċi u l-allowances u l-ammonti tagħhom, kemm b'mod individwali kif ukoll kollettiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 15499.
Leg 11 PQ #19080 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Banda tal-Forzi Armati ta' Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk hux minnu jew le li l-banda tal-Forzi Armati ta' Malta qed tagħti servizzi ta' daqq meta jidħol xi cruiseliner f'Malta? Jekk dan huwa minnu, jista' jgħid hux qed isir ħlas għal dan? Kemm hu l-ħlas għal kull servizz u min qed jieħu tali flus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta qatt ma pprovdiet servizzi mużikali kull meta kien hawn xi mawra ta’ xi cruiseliner f’Malta.
Leg 11 PQ #19083 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Assistenti Parlamentari — remunerazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18813, minħabba li fi tweġiba għall mistoqsija parlamentari 15499 kienet saret referenza għal x'kien il-ħsieb tal-gvern dak iż-żmien, jista' l-Prim Ministru, tliet xhur wara, jgħid kemm hija bl-eżatt fis-sena ir-remunerazzjoni tal-assistenti parlamentari, inkluż xi fringe benefits, jekk hu l-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M’għandi xejn xi nżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 18813.
Leg 11 PQ #19087 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċjali intitolati għal karozza mħallsa minn fondi pubbliċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema gradi fiċ-ċivil u fis-settur pubbliku huma intitolati li jkollhom: a) karozza mħallsa minn fondi pubbliċi; b) karozza bid-driver imħallsa minn fondi pubbliċi; ċ) karozza bid-driver biex tmur għalihom id-dar u lura mħallsa minn fondi pubbliċi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fis-Servizz Pubbliku dawk li huma ntitolati għal karozza mħallsa minn fondi pubbliċi huma dawk l-uffiċjali indikati f’Tabella A li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Uffiċjali li għandhom dan il-benefiċċju jħallsu t-taxxa fuq din il-fringe benefit. Fejn meħtieġ, uffiċjali oħra, eżempju Segretarji Permanenti, għandhom dritt li jużaw xufier biex iwassalhom fuq impenji uffiċjali anke wara l-ħin tax-xogħol. Dwar is-Settur Pubbliku, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li tirrigwardja l-entitajiet tas-Settur Pubbliku li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għadha qed tinġabar. Dwar entitajiet li jaqgħu taħt Ministeri oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeri rispettivi.
Leg 11 PQ #19111 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

eżami għal clerks mal-gvern

Question

Jista l-Prim Ministru jgħid kemm kandidati għamlu l-eżami għal clerks mal-gvern? Jista' jgħid kemm għaddew? Kemm hu ppjanat li jiġu ngaġġati minnhom? Ghal kemm perjodu ta' żmien huwa validu r-riżultat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li:- (i) qagħdu 759 għall-eżami għall- clerks fis-Servizz Pubbliku; (ii) għaddew 371; (iii) L-ingaġġ isir skont il-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku u l-prioritajiet ta’ l-Amministrazzjoni minn żmien għal żmien; (iv) Il-validità tal-eżami hija ta’ sentejn mill-25 ta’ Ġunju 2010 – id-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultat.