Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #18443 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali li bbilanċjaw id-deficit finanzjarju

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17465 u 16049 u jgħid f’liema snin il-kunsilli lokali bbilanċjaw id-deficit finazjarju permezz ta’ kontravenzjonijiet mhux imħallsa mill-bidu tas-sistema tal-LES? Liema huma l-kunsilli lokali u jgħid kemm-il darba l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jew tal-Ministeru konċernat ġibed l-attenzjoni tal-kunsilli lokali dwar dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Numru ta’ Kunsilli Lokali bbilanċjaw id-deficit finanzjarju permezz ta’ kontravenzjonijiet mhux imħallsa mill-bidu tas-sistema tal-Local Enforcement System mis-sena 2000 sa din is-sena. Dawn kienu l-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, tal-Isla, ta’ Bormla, ta’ Ħaż-Zebbuġ, taż-Żejtun, tal-Mosta, ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ Santa Luċija. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qatt ma ħass il-ħtieġa li jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsilli Lokali dwar dan. Sakemm dawn l-ammonti qed jirrappreżentaw ammonti dovuti lill-Kunsill Lokali, u jkunu ċertifikati u awditjtai mill-udituri tal-Gvern Lokali, dawn iċ-ċifri jiffurmaw parti mid-debituri tal-Kunsilli Lokali u għaldaqstant jittieħdu in konsiderazzjoni meta jitkejjel il-working capital ta’ kull Kunsill. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #18445 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Interim From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17470 u 15441 u jgħid kemm ingħataw direct orders fis-sena 2009 minn kull kunsill lokali u lil kemm-il kuntrattur differenti kunsill b’kunsill? Kemm ingħataw direct orders kunsill b’kunsill fix-xhur ta’ Jannar u Frar 2010 u lil kemm kuntratturi differenti minn kull kunsill konċernat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fid-dawl tad-diversi Mistoqsijiet Parlamentari li saru dwar direct orders, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ċċirkola Memo apposta sabiex jiġbor u jaġġorna l-informazzjoni kollha mitluba, permezz ta’ Memo 91/2010, kif appuntu jaf l-Onor. Interpellant peress li jirċievi l-Memoranda kollha li joħroġ id-Dipartiment għall-Gvern Lokali. L-informazzjoni aġġornata qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #18477 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Allegazzjoni kontra xi segretarju eżekuttiv ta' kunsill lokali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17491, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-allegazzjonijiet humiex ta' kull tip u l-perijodu ta' żmien huwiex mis-sena 2008 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi mill-ġdid lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 17491 u mill-ġdid nitolbu jispeċifika t-tip ta’ każijiet li qed jitlob u jindika wkoll il-perjodu ta’ żmien li qiegħed jistaqsi dwaru. L-Onorevoli Interpellant jifhem li l-informazzjoni li qed jitlob hi waħda mill-aktar estensiva u kien għal din ir-raġuni li tlabtu jindika l-perjodu ta’ żmien partikolari għall-informazzjoni li qiegħed jitlob.
Leg 11 PQ #18609 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

LES Management Committee — bord tal-membri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri fuq il-bord tat-tmexxija LES Management Committee? Meta nħatru? X'inhi l-funzjoni ta' dan il-bord? X'forma ta' remunerazzjoni għandu kull membru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-funzjoni tal-LES Management Committee hija li jipprovdi l-linji gwida, il-politika ġenerali u t-tħaddim tas-sistema tal-infurzar lokali. Il-Kumitat inħatar fis-26 ta’ Marzu 2010 u huwa kompost kif ġej: Chairperson Maurice Caruana Membri Henri Darmanin George Cremona Joseph Chetcuti Peter Calleja Segretarju Edgar Gatt Iċ- Chairperson għandu remunerazzjoni ta’ €7,000 fis-sena filwaqt li l-Membri l-oħra inkluż is-Segretarju, jirċievu €2,330 fis-sena.
Leg 11 PQ #18617 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Safi — Għar Tal-Libru - protezzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qed jitttieħdu sabiex l-għerien magħrufa bħala Tal-Libru ġewwa Ħal Safi, fil-kontrada tal-Karwija, li huma uniċi fid-dinja peress li huma mibnija fuq żewg saffi, jiġu protetti u jsiru aċċessibbli għall-pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Diċembru 2009 il-MEPA skedat il-katakombi Tal-Liebru ġewwa Hal Safi bħala Sit ta’ Importanza Arkeoloġika. Is-sidien ta’ l-art għamlu talba ta’ rikonsiderazzjoni kif tippermetti l-liġi. Il-kontroll dwar l-aċċess pubbliku għal dawn il-katakombi jiġi irregolat mis-Sovvrantendenza tal-Wirt Kulturali bi ftehim mas-sidien tal-art.
Leg 11 PQ #18675 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kiosks armati skont il-liġi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’passi ttieħdu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta fl-aħħar sentejn beix jaraw jekk is-sidien tal-kiosks li jarmaw fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Baħar iċ-Ċagħaq, San Ġiljan, Sliema u Gżira qed iħarsu l-ligijiet u l-permessi li għandhom? X'irriżulta minn dawn il-passi f’kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #18676 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

eco-contribution għal min jgħallem fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif se titħaddem l-eco-contribution ta’ €3.50 għal kull persuna li żżur Malta fil-qasam tal-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Kemm se jħallsu dawn l-istudenti? Meta se tidhol fis-seħħ u kif?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern irċieva proposta mill-MHRA fuq il-metodu ta’ kif għandha tinġabar l-eko kontribuzzjoni. Il-Gvern ukoll qed jevalwa l-proposta mressqa mill-MHRA u anke talab parir legali biex jara jekk dak li qed tipproponi l-MHRA jistax jiġi mplimentat.
Leg 11 PQ #18677 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

eco-contribution għal min jgħallem l-Ingliż lill-barranin

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet għad-dewmien biex jiġi spjegat lill-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin kif se taħdem is-sistema tal-eco-contribution fil-qasam tagħhom meta dan id-dewmien ħoloq problemi lil dawn l-iskejjel għax baqgħu ma ġewx infurmati lejliet il-bidu taż-żmien fejn ikunu l-iżjed beżlin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 18676.
Leg 11 PQ #18817 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MTA — budget għar-reklamar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18098 u jgħid fl-ewwel ħames xhur tas-sena kemm intnefaq mill-Awtorità tat-Turizmu ta' Malta fuq reklamar ta’ Malta bħala post turistiku? Kif intnefqu u f’liema pajjiżi? Kemm fadlilha budget l-Awtorità għall-kumplament tas-sena għal reklamar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva. Għaldaqstant ma nħossx li għandha ssir pubblika. L-Awtorità tat-Turiżmu tieħu ħsieb tqassam il- budget tagħha li bejn Overseas Campaign u Marketing Support ilaħħaq mad-€29 miljun biex tassigura li jkun hemm coverage fis-swieq kollha matul is-sena.
Leg 11 PQ #18826 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Power Station — IPPC

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta saret l-Integrated Pollution Prevention and Control ( IPPC) fuq il-power station antika ta' Delimara? X’passi ttieħdu biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet, standards u kriterji kollha kienu qed jiġu osservati l-ħin kollu? Kemm-il audit sar dwar dan u meta saru, kif jitlob il-process tal-IPPC innifsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permezz tal-IPPC (Integrated Pollution Prevention and Control) tal-power station eżistenti ta' Delimara nħareġ f'Marzu 2010. L-ewwel audit dettaljat fuq dan l-impjant huwa skedat għal iktar tard din is-sena. Il-MEPA filfatt diġà ħarġet sejħa għall-tenders għall-enġiniera kwalifikati biex fost l-oħrajn ikunu jistgħu jagħtu assistenza teknika waqt dan l-audit. Barra minn hekk, fi Frar 2010 saret spezzjoni ffukata fuq aspetti tad-Direttiva tas-Seveso, waqt li spezzjonijiet oħrajn huma skedati skond risk-based assessment li ssir mill-MEPA. L-operatur huwa marbut li josserva l-kundizzjonijiet, standards u kriterji kollha li hemm fil-permess il-ħin kollu, li jirrapporta kwalunkwe devjazzjoni u li jissottomessi rapporti tal-emissjonijiet regolarment. Barra minn hekk, jekk jiġi nnutat xi devjazzjoni mill-permess (inkluż devjazzjonijiet rappurtati mill-pubbliku), il-MEPA torganizza spezzjonijiet addizzjonali biex jiġi nvestigat il-każ.
Leg 11 PQ #18931 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — tneħħija ta' permessi li kienu diġà ħarġu

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' każijiet fejn ġiet applikata r-regola tat-39A min-naħa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li biha tneħħew permessi li kienu diġà ħarġu matul l-2008, 2009 u 2010 sal-aħħar ta' Mejju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għadd ta' każijiet fejn ġiet applikata r-regola tat-39A min-naħa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li biha tneħħew permessi li kienu diġà ħarġu huma kif ġej: 2008 - 1 każ 2009 - 3 każijiet 2010 - 0 każijiet
Leg 11 PQ #18936 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuni li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Prim Ministru tgħid matul l-ewwel ħames xhur tal-2010, kemm kien in-numru ta' persuni rapportati li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol f'Malta u Għawdex separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' persuni li weġgħu u għamlu talba għall-Benefiċċju għal Korriment fuq il-post tax-xogħol fix-xhur minn Jannar sa Mejju 2010 kien kif jidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #18946 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Mitħna ta' Kola tax-Xagħra - restawr

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet ta' restawr u tiswijiet fil-Mitħna ta' Kola tax-Xagħra, Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #18950 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kwestjoni rigward delitti ambjentali

Question

Jista' l-Prim Ministru jiddikjara jekk huwiex minnu li nhar it-23 ta' Ottubru 2006, meta l-Ministri ta' l-Ambjent tal-Unjoni Ewropea iltaqgħu fil-Lussemburgu għall-ewwel miż-żewġ kunsilli organizzati mill-presidenza Finlandiza tal-Unjoni Ewropea u li fiha l-Kummissarju Stavros Dimas ta' dak iż-żmien kien anke kkommetta ruħu li jippreżenta proposta għal direttiva fuq id-delitti ambjentali per konsegwenza tal-istragi tal-Probo Koala - fejn allegatament ħafna mill-iskart tossiku li eventwalment wassal biex mietu u mardu nies innoċenti fil-Cote d'Ivoire ġie prodott waqt li l-vapur kien qiegħed fil-Contiguous Zone tagħna - Malta kienet l-uniku pajjiż li opponiet li jiġu riveduti l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar "transfontier waste shipments"? Għaliex ittieħdet din il-pożizzjoni? Għandu records il-gvern Malti li l-Probo Koala kien qiegħed fil-Contiguous Zone tagħna jew addirittura fit-Territorial Waters tagħna fix-xhur preċedenti għal dawk t'Ottubru 2006? Kemm-il darba ġie Malta l-Probo Koala? Kien hemm xi ħadd minn ħdan l-awtorità responsabbli mis-sigurtà tal-baħar li ġibed l-attenzjoni tal-gvern li seta' kien qiegħed isir caustic washing fil-Probo Koala, jew kellu xi tip ta' informazzjoni f'dan is-sens il-Gvern Malti f'Ottubru 2006? Kien hemm xi awtorita oħra, bħall-MARPOL u oħrajn, li ġibdet l-attenzjoni ta' Malta li sar xi caustic washing fuq xi vapur fil-Contiguous Zone jew territorial Waters tagħna bejn l-2005 u l-2010? Meta l-Gvern Malti beħsiebu jirratifika l-BAN amendments għall-Basel Convention on trade in hazardous waste? Għaliex għadu ma rratifikax dawn l-emendi minkejja li l-Unjoni Ewropea nnifisha rratifikathom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #18974 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Interim From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — kuntratti li ma jkunux kompleti

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'inhi l-proċedura meta kuntrattur għal xi raġuni jonqos milli jonora l-kuntratt billi ma jikkompletax il-kuntratt li jkun ħa mingħand Kunsill Lokali? Kien hemm każijiet ta’ din ix-xorta tul is-sena 2009 sa April 2010? Min huma l-kuntratturi nvoluti? Meta waqfu mix-xogħol? Liema hu l-kunsill lokali li mingħandu ħadu l-kuntratt? X'kienet l-ispiża komplessiva tal-kuntratt? Ittieħdu passi u fil-każ x'passi ttieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 88/2010 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Leg 11 PQ #18975 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Termini tar-regolamenti — proċedura ta' sponsorship

Question

Jista’ l-Prim Ministru jispjega lill-Kamra l-proċedura stabbilita fit-termini tar-regolamenti finanzjarji, il-proċedura dwar l-għoti ta’ sponsorships lill-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-gvern, inklużi l-kunsilli lokali; a) jekk kienx hemm entitajiet pubbliċi li għalihom qed issir referenza u kunsilli lokali li matul il-perjodu 2006 sal-lum, ingħataw sponsors ta’ kull xorta, inkluż dawk finanzjarji; b) jekk fl-affermattiv, liema kienu x-xorta ta’ sponsor u l-ammont f’termini finanzjarji, entità b’entità u kunsill b’kunsill; ċ) jekk il-proċedura stabbilita kif spjegata ġietx segwita, jekk le, min kienu dawk li ma segwewx din il-proċedura u jekk ittieħdux passi neċessarji? d) jgħid ukoll l-iskop tal-i sponsorship mogħti u jekk dawn stante li ħadd ma jagħti xejn għal xejn humiex marbuta ma’ xi skop partikolari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Financial Adminstration and Audit Act u l-General Financial Regulations ma jipprovdux għal sitwazzjonijiet fejn entitajiet pubbliċi jirċievu sponsorships.
Leg 11 PQ #19089 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kuntratti mogħtija lil kumpaniji li jkunu kisru l-liġi tax-xogħol

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hijiex il-policy tal-gvern tiegħu li jingħataw kuntratti wkoll lill-kumpaniji li jkunu nstabu ħatja li kisru l-liġi tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-liġi tax-xogħol tinkludi numru kbir ta’ provvedimenti. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun speċifiku għal x’hiex qed jirreferi.
Leg 11 PQ #19098 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħatra ta' headship

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il ħatra ta' headship minn wara l-elezzjoni tal-2008, kemm fis-servizz ċivili kif ukoll fis-settur pubbliku, ma ġietx imġedda lill-persuni li kienu jokkupawha u x'kienet ir-raġuni għal kull waħda? Il-ħatra per se imtliet jew tħalliet vojta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn total ta’ mija tlieta u erbgħin (143) pożizzjoni, kien hemm disa’ (9) pożizzjonijiet fejn il-persuna li kienet tokkupa l-kariga ma reġgħetx ġiet maħtura. Minn dawn kien hemm:- a) pożizzjoni waħda fejn l-uffiċjal fil-kariga ġie nominat għall-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali u ħadd ma ġie appuntat floku; b) erba’ pożizzjonijiet fejn ħadd ma ġie nominat għall-kariga; c) pożizzjoni waħda fejn il-kandidat m’applikax għall-post u ħadd ma ġie appuntat floku; d) pożizzjoni waħda fejn il-kandidat m’applikax għall-post u uffiċjal ieħor ġie appuntat floku; e) pożizzjoni waħda fejn uffiċjal inħatar minflok dak li kien hemm fil-kariga; u f) pożizzjoni waħda fejn l-uffiċjal m’applikax għax wasal biex jirtira u nħatar uffiċjal ieħor minfloku. Għar-rigward tal-ħatriet fuq imsemmija, infakkar li f’dan il-livell dawn isiru billi jiġi identifikat l-aktar persuna idonea għall-pożizzjonijiet partikolari.
Leg 11 PQ #19115 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Lista' ta' konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb misotqsijiet parlamentari 18865, 18514, 18085, 17707, 17386 u 16952 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħthom, għamlu użu minnhom matul is-sena 2009? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ? Kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #19117 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija

Question

B’referenza għat-tweġiba għal mistoqsijiet parlamentari 18864, 18515, 18069 u 17409, jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhu eżatt il-mekkaniżmu ta’ market correctivity li jingħata lill-Viċi Chairman u CEO tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija u jekk dan japplikax għal persuni oħra f’bordijiet tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-market correctivity li hija negozjabbli, titħallas skont il-kwalifiċi u t-track record tal-persuna magħżula. Dan il-prinċipju li japplika f’kull każ fejn meħtieġ.