Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Direct Orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Novemru 2024?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16938.

Każ ta’ individwu — Rifużjoni ta’ ħlas

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ġewx rifużi xi ħlasijiet, u jekk iva kemm kien l-ammont, mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, dan wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt ta' konsulenza tagħha mal-Istitut tal-Istudji Turistiċi?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport ta’ investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali mkien ma jirrakkomanda li għandha ssir tali rifużjoni kif lanqas qatt ma kien hemm xi rakkomandazzjoni simili mill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Każ ta’ individwu — Rifużjoni ta’ ħlas

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ġewx rifużi xi ħlasijiet, u jekk iva kemm kien l-ammont, mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika (K/036) u ksur ta' erba' artikoli tal-Kodiċi tal-Etika?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern irrispetta r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u laqa’ r-rakomandazzjonijiet tiegħu u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li mkien ma qalu li għandu jkun hemm tali rifużjoni li allura ma hiex dovuta. Wieħed irid jirrimarka kif il-persuna inkwistjoni refgħat ir-responsabbilità politika għall-kuntrarju ta’ dak li ġara fl-2020 meta f’investigazzjoni simili fuq numru ta’ Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li fin-nuqqas ta’ ftehim mal-prinċipali tagħhom, l-assenteiżmu tagħhom fuq il-post tax-xogħol kien jikkostitwixxi abbuż mill-kariga ta’ Deputat Parlamentari u miżapproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

Public Service Expo 2024 — Nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19800, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq l-istess Public Service Expo 2024 minn kull entità u/jew aġenzija li taqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi t-tweġiba li tajt lill-Onor. Interpellanta għall-mistoqsija parlamentari 19800 hija komprensiva għall-entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet — Bordijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Diċembru tas-sena 2023 u Ottubru 2024? Jista’ jgħid ukoll x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ħaddiema tas-servizz Sectorial Agreement

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il Sectorial Agreement għal ħaddiema tas-servizz ġew iffirmati matul is-sena 2024, maqsuma xahar b'xahar u għal liema kategorija ta' ħaddiema? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm oħrajn li huma maħsuba li jiġu ffirmati minn issa sal-aħħar tas-sena 2024?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li matul din is-sena ġew iffirmati 15-il ftehim settorjali li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-impjegati fis-Servizz Pubbliku f’kategoriji differenti. Infurmat ukoll li fil-preżent hemm 2 ftehimiet li qegħdin jiġu diskussi u li jinsabu fi stadju matur.

Art li hi proprjetà tal-Gvern Libjan — Ftehim

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22619 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li bih il-Gvern Malti kien għadda l-art/skola (ex Teacher Training Centre) ġewwa Ta’ Ġiorni, f’San Ġiljan lill-Gvern Libjan?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Belt, Valletta — Triq il-Mitħna - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 22065 u 22066, li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali rispettivament, jista’ l-Prim Ministru jgħid liema Ministru huwa nkarigat ossija responsabbli sabiex isiru x-xogħlijiet u t-tiswijiet li hemm bżonn fi Triq il-Mitħna, fil-Belt, Valletta?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali.

Pakkett finanzjarju — Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20446 u jgħid x’inhu l-pakkett finanzjarju tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u li issa assuma r-responsabbiltà ta' Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-pakkett tal-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa stabbilit skont il-provvedimenti li joħorġu mill-Manual on Resourcing Policies and Procedures, Sezz. 7.7.7.c kif kien intavolat fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaddiema barranin — Sena 2023

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm bdew jaħdmu persuni barranin f’pajjiżna matul l-2023? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u kemm kienu minn pajjiżi terzi?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Tribunal Industrijali – Każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali, sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li hemm 287 każ pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali. Dawn jinkludu żewġ test cases li jirrappreżentaw 313 każ ta’ eks-ħaddiema tat-tarzna u li fil-jiem li għaddew bdew jirċievu kumpens għall-inġustizzji li soffrew.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Nefqa fuq fjuri għal funerali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12032 u 19002 u jgħid kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista jgħid jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba tinqabeż l-Advisory Cost. Ninforma ukoll lill-Onor Interpellant li n-nefqa għal fjuri kemm għal-funerali kif ukoll għal okkażjonijiet oħra hija koperta mill-Line Item 22 Materials and Supplies fl-Estimi Finazjarji tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Newtralità tal-karbonju - Tnaqqis fl-emmissjonijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'qed isir fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jiġi żgurat tnaqqis fl-emissjonijiet sabiex tintlaħaq in-newtralità tal-karbonju sal-2050? Jista’ jgħid ukoll kif qed jiġu rreġistrati l-emissjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u jipprovdi rendikont ta' dawn l-emissjonijiet?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern huwa komess li jkompli jwettaq il-miżuri u l-inizjattivi ambizzjużi sabiex Malta tilħaq il-miri tagħha għall-2050. Fost il-miżuri ewlenin li l-Gvern qiegħed jieħu u li huma xprunati fi ħdan l-operat tas-servizz pubbliku kollu hemm; (i) il-qalba lejn vetturi elettriċi, fejn matul l-2023 ġew introdotti 250 vettura elettrika ġdida, (ii) ir-rinovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi inkluż il-ftuħ tal-ewwel skola carobon neutral fl-Imsida, (iii) installazzjoni ta’ panelli solari fuq il-bjut u spazji oħra, (iv) installazzjoni ta sistemi ta’ energy efficiency (v) kif ukoll kampanji edukattivi sabiex ikun hemm aktar għarfien fl-imġieba tal-individwu biex jadotta prattiċi aktar sostenibbli. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta li l-inventarju tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra jiġu rreġistrati u rrapurtati fuq livell nazzjonali, liema rendikont jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Azzjoni Klimatika, liema awtorità ġiet stabbilita f’Ottubru 2024.

Baġit 2025 — Reklamar u propaganda - Nefqa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22525, 22877 u 23031 u jagħti rendikont totali tal-ispiża ta’ reklamar u propaganda li qed issir mill-Gvern wara d-diskors tal-baġit, li sar nhar it-Tnejn 28 ta’ Ottubru, b’rabta mal-Baġit 2025?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Istanbul Convention 2012

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21920 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, u li issa ġiet referuta lilu, u jgħid min huwa l-Ministru konċernat li jista’ jwieġeb din il-mistoqsija u ċjoè: B’referenza għall-Istanbul Convention ta’ 2012 li kien ratifikat fl-2014 u fejn Malta hija firmatarja tiegħu, fejn hemm imniżżel li f’każ ta’ vjolenza domestika huwa l-ġeneru maskili li għandu jinħareġ mid-dar tal-koppja u diversi drabi dan mhuwiex il-każ, jista’ l-Ministru jgħid għaliex dan ma jseħħx?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-Artikolu 52 tal-Istanbul Convention ta’ 2012 ma jiddikjarax li f’każ ta’ vjolenza domestika huwa l-ġeneru maskili li għandu jinħareġ mid-dar tal-koppja. L-Artikolu 52 jispeċifika li huwa l-awtur ta’ vjolenza domestika li għandu joħroġ mir-residenza tal-vittma.

Istanbul Convention 2012

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21921 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, u li issa ġiet referuta lilu, u jgħid min huwa l-Ministru konċernat li jista’ jwieġeb din il-mistoqsija u ċjoè: B’referenza għall-Istanbul Convention ta’ 2012 li kien ratifikat fl-2014 u fejn Malta hija firmatarja tiegħu, fejn hemm imniżżel li f’każ ta’ vjolenza domestika huwa l-ġeneru maskili li għandu jinħareġ mid-dar tal-koppja u diversi drabi dan mhuwiex il-każ, jista’ l-Ministru jgħid għaliex dan ma jseħħx?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23285.

Membri Parlamentari — Pensjoni tas-sigurtà nazzzjonali

Question

Jista' l-Prim Minsitru jgħid għaliex Membru Parlamentari li serva tliet Legiżlaturi jieħu l-pensjoni sħiħa mill-Parlament u l-minimu tal-pensjoni tas-sigurtà nazzjonali, filwaqt li Membru Parlamentari li serva żewġ Leġiżlaturi jieħu biss proporzjon tal-pensjoni mill-Parlament u din titnaqqas mill-pensjoni tas-sigurtà nazzjonali tiegħu?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Awtoritajiet u korporazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Jista’ jgħid ukoll min huma ċ-chairpersons, diretturi, u chief executive officers ta' kull waħda minnhom u x'inhuma s-salarji u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat kif ġej: AWTORITÀ KARIGA ISEM Awtorità tax-Xandir Chairman Is-Sur Frank V. Farrugia Membru tal-Bord Is-Sur Charlo Bonnici Membru tal-Bord Dr Peter Fenech Membru tal-Bord Is-Sur Frans Ghrixi Membru tal-Bord Dr Alessandro Lia Kap Eżekuttiv Dr Joanna Spiteri Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA) Chairperson Ing Helga Pizzuto Director General (Consumer Affairs) Grace Stivala Director General (Standards and Metrology) George Cutajar Director General (Technical Regulations) Rudie Vella Director (Complaints and Conciliation) Phyllis Bezzina Director (Inspectorate and Cartel Investigations) Aloysius Bianchi Director (Regualtory Affairs) Ingrid Borg Director (Communications, Energy, Transport and Financial Services Denise Camilleri Director (Laboratory Services) Rene Cassar Director (Market Surveillance) Bernice Farrugia Director (Enforcement) Joseph Spiteri Director (Metrology) Nicola Testa Director (Primary Manufacturing and Retail Markets) Melchior Vella Director (Information, Education & Research) Odette Vella Director (Standards) Neil Attard Authority on the Responsible Use of Cannabis (ARUC) Executive Chairperson Joey Reno Vella

Il-Kalkara — Forti Ricasoli - ħażna taż-żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18167 u 20727 u l-mistoqsijiet parlamentari 15009, 15859 u 17068 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lill-Ministru għall-Finanzi u allura jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14339 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u jgħid x'passi qed tieħu biex il-faċilità tal-ħażna taż-żejt ma tibqax fil-Forti Ricasoli fil-Kalkara?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninab infurmat li l-faċilità tal-ħażna tal-waste oils, li l-Partit Nazzjonalista kien ta b’konċessjoni lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2013, mhijiex ser tiġi rilokata fil-faċilitajiet tal-MOBC fil-Marsa.