Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Monte Carmeli – persuni li jgħixu l-isptar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni jgħixu fl-Isptar Monte Carmeli? Kemm naqsu fl-aħħar snin u kemm hemm minnhom li huma żgħażagħ ta’ bejn il-35 u 16-il sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 128 pazjenti li qed jieħdu kura meħtieġa fl-isptar Monte Karmeli li minnhom 8 għandhom bejn is-16 u l-35 sena. Dawn il-pazjenti speċifiċi minn żmien għal żmien isir assessjar minn tim multidixxiplinarju sabiex jiġi determinat jekk dawn il-pazjenti jistgħux jiġu trasferiti f’akkommodazzjoni alternattiva.

Ministeru għas-Saħħa – konsulenti maħtura

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu, mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista' jgħid min huma dawk il-konsulenti, x'tip ta' servizzi jagħtu, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s'issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19213.

GU Clinic – tnaqqis fil-persuni li attendew fl-2020

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk humiex magħrufa r-raġunijiet għalfejn fis-sena 2020 il-persuni li attendew fil-GU Clinic naqsu b'madwar 3,000 persuna mis-sena ta' qabel, hekk kif huwa indika fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19225? Jista’ jgħid jekk dawn humiex nuqqas ta' pazjenti ġodda jew pazjenti li ma żammewx l-appuntamenti tagħhom għal follow up?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minħabba l-pandemija tal-Covid 19kien hemm persuni li naqqsu milli jattendu l-GU Clinic fl-2020. Ir-raġunijiet kienu varji fostom illi bosta pazjenti, kienu huma stess li ħassru l-appuntament tagħhom għal raġunijiet personali u kif ukoll kien hemm żmien fejn l-aċċess għal diversi kliniċi li jinkludu anki dawk fl-isptar Mater Dei kienu reġolati minn direttivi sabiex tkun tista’ tiġi kkontrollata t-trasmissjoni tal-Covid-19.

Żieda fil-persuni pożittivi għal HIV

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhuma l-miżuri li l-Gvern qiegħed jieħu sabiex ifittex jikkontrolla ż-żieda fin-numru ta' persuni pożittivi għal HIV? Jista' jgħid ukoll dawk il-persuni li jirriżultaw pożittivi, x'tip ta' servizzi qed jingħatalhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18413 filwaqt li ninfurmaha li sal lum hemm 103 pazjenti bl-HIV li qed jagħmlu użu minn mediċini ġodda u hemm 235 pazjenti oħra li nbidlu għas-sistema l-ġdida msemmija.

Formolarju tal-mediċini essenzjali – contraceptive pill

Question

B'referenza għar-risposta li ta għall-mistoqsija parlamentari 19227, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta huwa ppjanat li tiġi varata strateġija olistika dwar is-saħħa sesswali, u jgħid minn min qiegħed isir ix-xogħol fuq din l-istrateġija ġdida?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa qiegħed isir xogħol fuq strateġija olistika dwar is-saħħa sesswali u mistennija li tkun imnedija sal-aħħar ta’ din is-sena.

Waiting list ta’ operazzjonijiet

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti fuq il-waiting lists għall-operazzjonijiet kemm f’Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm minn dawn huma għall-operazzjonijiet maġġuri, kemm huma għall-operazzjonijiet intermediate, u kemm għall-operazzjonijiet minuri?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.

Sptar Mater Dei – inżul tal-helicopter

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra fejn qiegħed jinżel il-helicopter li jkun qiegħed iġorr pazjent għall-Isptar Mater Dei? Jekk mhux Mater Dei, meta mistenni jibda jinżel fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi il-helikopter inkwistjoni qed jagħmel użu mill-helipad tal-kampus tal-isptar San Luqa.

Persuni li ma għandhomx aktar minn 80 sena li ħadu tilqima

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19897, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jkun ċar u jgħid kemm hemm persuni li ħadu l-vaċċin li : 1. Għandhom iktar minn 80 sena?; 2. Għandhom bejn 60 u 79 sena?; 3. Huma frontliners ?; 4. Ħaddiema f’setturi essenzjali?; 5. Huma vulnerabbli?; 6. Ma jaqgħu taħt l-ebda kategorija (1-5) imsemmija hawn fuq?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sas-Sibt 20 ta’ Marzu n-numru ta’ persuni li ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin għal kontra l-Covid 19 huwa kif ġej: 18,987 li għandhom iktar minn 80 sena, 28,398 li għandhom bejn 60 u 79 sena, 19,500 li huma meqjusa frontliners, 17,730 li huma ħaddiema f’setturi essenzjali u 14,635 li huma persuni vulnerabbli.

Suwiċidji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ suwiċidji maqsuma separatament għal kull sena fl-2018, fl-2019 u fl-2020? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm suwiċidji mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-aħħar ta' Frar 2021?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet fl-2018 kien hemm 22 persuna li kienet residenti f’Malta u Għawdex li mietet kawża ta’ suwiċidju filwaqt li fl-2019 kien hemm 23. L-informazzjoni għas-sena 2020 għadha qed tiġi vverifikata.

Imwiet minn problemi relatati mal-qalb

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta' mwiet minn problemi relatati ma’ mard fil-qalb, maqsuma separatament għal kull sena fl-2018, fl-2019, u fl-2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet fl-2018 kien hemm 925 persuna li kienet residenti f’Malta u Għawdex li mietet kawża ta’ problemi relatati minn mard fil-qalb filwaqt li fl-2019 kien hemm 972. L-informazzjoni għas-sena 2020 għadha qed tiġi vverifikata.

Kumpaniji tal-farmaċewtika ġodda li għandhom liċenzja biex joperaw minn Malta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18054 u jgħid kemm-il kumpanija ġdida tal-farmaċewtika għandha l-liċenzja biex topera minn Malta mill-2017 sal-lum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-Att dwar il-Mediċini, mill-2017 l-Awtorità tal-Liċenzji ħarġet 8 Awtorizzazzjonijiet ta’ Manifattura u Importazzjoni ġodda għal kumpaniji farmaċewtiċi

Ħwienet tal-logħob miftuħa

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex wara li fl-10 ta' Marzu 2021 il-Gvern ħabbar li n-negozji mhux essenzjali kollha ser jingħalqu, il-ħwienet tal-logħob baqgħu miftuħin? Dan ifisser illi l-logħob tal-azzard hu meqjus bħala servizz essenzjali mill-gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gaming parlours jistgħu joperaw biss b’restrizzjonijiet stretti kif indikati fl-Avviż Legali 101 tal-2021.

COVID-19 – Persuni bi trapjant

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna bi trapjant irċeviet il-vaċċin kontra l-COVID-19 sal-aħħar ta’ Frar? Jista’ jgħid kemm fadal persuni bi trapjant li għad iridu jirċievu l-vaċċin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuni li rċevew trapjant huma meqjusa parti mill-grupp ta’ persuni vulnerabbli, Sa issa 67% ta’ dan il-grupp ingħata t-tilqima kontra l-Covid 19. Il-proċess għadu għaddej.

Ħaddiema li jipprovdu servizz essenzjali f’pajjiżna – vaċċin kontra l-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li ħaddiema li qed jipprovdu servizzi essenzjali f’pajjiżna qed ikunu kkunsidrati bħala front liners u allura jindika f'liema prijorità qegħdin biex jirċievu l-vaċċin kontra l-COVID-19? Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, ħaddiema tal-banek, tas-supermarkets u ta' kumpaniji li jipprovdu prodotti u servizzi lil supermarkets, spiżeriji, eċċ. Dawn bi dritt jistennew ukoll li jiġu meqjusa wkoll bħala front liners.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fuq parir tal-Advisory Committee on Immunization Policy apparti persuni ‘il fuq minn 60 sena u nies b’mard kroniku serju, il-vaċċin qed jingħata ukoll lill-front liners u ħaddiema f’setturi essenzjali. Il-process għadu għaddej.

Tibdil fl-insulina – rapporti ta’ reazzjoni avversa fil-pazjenti fl-isptarijiet pubbliċi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm rapporti ta' reazzjoni avversa f'pazjenti fl-isptarijiet pubbliċi minn mindu nbidlet l-insulina minn Humulin M3 għal Gensulin M30 ? X'ser jagħmel id-Dipartiment tas-Saħħa għal dawk il-pazjenti li ma marrux tajjeb ma' din it-tip ta' insulina ġdida?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma saru l-ebda rapporti ta' reazzjoni avversa fl-isptarijiet pubbliċi minn mindu nbidlet l-imsemmija insulina.

Kummissjoni Ewropea – dożi tal-vaċċin Pfizer/Biontech għal Malta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ser takkwista dożi Malta tal-vaċċin Pfizer/Biontech mill-erba' miljun doża addizzjonali illi l-Kummissjoni Ewropea rnexxielha tinnegozja għall-konsenja f'Marzu 2021 u jekk hux ser jitħallas aktar minn € 12 għal kull doża, liema prezz ġie nnegozjat mill-istess Kummissjoni ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta se tiġi allokata dożi addizzjonali tal- vaċċin Pfizer/Biontech mill-4 miljun dożi li semma hu skont ma kien miftihem fil-Joint Steering Group magħmul mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Il-prezz ta’ kull vaċċin skont l-istess ftehim mal-Unjoni Ewropea, huwa ta’ natura kummerċjali.

Avukati li jipprattikaw il-qorti – tilqim

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex ma nħassietx il-ħtieġa illi l-avukati li jipprattikaw il-qorti jitlaqqmu bħalma ser jitlaqqmu l-ġudikanti u l-ħaddiema tal-qorti u dan b'differenza tal-pjani ta' tilqim ta' bosta pajjiżi Ewropej fosthom l-Italja?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19572 u nfakkru li l-proċess għadu għaddej.

Bankiera, ħaddiema tal-posta u kaxxiera tas-supermarkets – tilqim

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għala ma nħassietx il-ħtieġa li l-bankiera, il-ħaddiema tal-posta u l-kaxxiera tas-supermarkets li jkunu f'kuntatt kontinwu man-nies jitlaqqmu bħalma tlaqqmu ħaddiema fil-qasam edukattiv u f'oqsma oħra li qajla jiġu f'kuntatt mal-istudenti u l-pubbliku rispettivament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20010.