Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nursing Officers — Qasam tas-Saħħa - postijiet vakanti għal nurses

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk issa li ħarġu r-riżultati tan-Nursing Officers kemm hemm iktar postijiet vakanti fil-Qasam tas-Saħħa fejn jidħlu nurses? Fejn huma u f'liema gradi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li filwaqt li l-ħatra ta’ numru ġdid ta’ nursing officers se joħloq numru ta’ consequential vacancies fil-grad ta’ deputy nursing officer, il-mili ta’ dawn il-vakanzi huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi kif ukoll il-Public Administration HR Office fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku.

Hyperbaric Chambers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn hyperbaric chambers f'Malta u Għawdex? Fejn qegħdin? Min iħaddimhom? Jista' jgħid hux qegħdin in good working order? Kemm-il pazjent uża dawn iċ-chambers mill-2008 sal-lum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’Malta hawn żewġ chambers fl-Isptar Mater Dei, u żewġ chambers fl-Isptar San Luqa. F’Għawdex hemm chamber waħda fl-Isptar Ġenerali. Fl-isptar Mater Dei, it-tim tal- Hyperbaric Unit jikkonsisti minn żewġ tobba, tlett infermiera, u tlett tekniċi. F’Għawdex it-tim jikkonsisti minn żewġ tobba ( part-time fil- Hyperbaric Unit ), tlett infermiera ( part-time fil- unit ) u tlett tekniċi. Iċ- chambers ta’ San Luqa ma jintużawx. Waħda hija antika u l-oħra hemm pjan li tittieħed Mater Dei wara rinnovament. Iċ- chambers ta’ Mater Dei huma f’’ working order ’ perfetta u kull sena isirilhom il-manutenzjoni u test annwali u jiġu ċċertifikati mill-kumpanija ta’ assigurazzjoni. Il-pazjenti li ġew trattati fl-isptar Mater Dei kienu : 2008 – 70 (922 trattament), 2009 – 83 (1,572 trattament), 2010 – 74 (2,112 trattament), 2011 – 64 (995 trattament). Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-parti tal-Mistoqsija dwar Għawdex lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post — spezzjonijiet f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol f'Għawdex minn spetturi tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fl-2008, fl-2009 u fl-2010? Kemm nies instabu ħatja f'Għawdex ta' ksur tar-regolamenti u kemm huma l-multi li ġew inflitti b'kollox?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ spezzjonijiet li saru f’Għawdex, kien kif muri hawn taħt: 2008 - 9 2009 - 30 2010 - 87 Fir-rigward ta’ kemm instabu ħatja persuni, irid ikun ppreċiżat li l-akkużi mhux dejjem ikunu kontra individwi, iżda jistgħu jkunu kontra kumpaniji u d-diretturi tagħhom – f’dan il-każ ma tinżammx statistika dwar kemm ikunu nstabu ħatja persuni. Għal din ir-raġuni, qed tingħata nformazzjoni dwar kawżi deċiżi kontra l-akkużat jew akkużati. 2008: €3,936 f’sitt każijiet separati u żewġ sentenzi sospiżi ta’ priġunerija ta’ 3 xhur; 2009: €25,094 f’dsatax-il kawża separata; 2010: €14,142 fi sbatax-il kawża.

Dipartiment tas-Sanità — spezzjoni fuq razzett

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax issir inspection mis-Sanità dwar l-istandards tar-razzett li dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn skont rapporti li saru, minkejja li dan jinstab qrib l-abitat, għandu d-demel tal-baqar li ma jinżammx kif suppost taħt tinda u l-istandards bażiċi ambjentali tal-indafa mhumiex jinżammu ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul dawn l-aħħar ġranet uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali għamlu diversi tentattivi sabiex issir spezzjoni fir-razzett indikat iżda dan ir-razzett dejjem instab magħluq, saħansitra l-istess uffiċċjali marru wkoll fir-residenza ta’ sid ir-razzett iżda lanqas hawn ma sabu lil ħadd u għalhekk aktar tentattivi sabiex issir l-ispezzjoni neċessarja f’dan ir-razzett se jibqgħu jsiru mill-istess uffiċċjali. Ninsab infurmat ukoll li fl-2009 ittieħdu passi legali kontra sid l-istess razzett fuq ilment simili liema każ għadu sub-judice.

mediċini substandard jew foloz

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt ġewx identifikati mid-Dipartiment tas-Saħħa mediċini ġeneriċi li kienu substandard jew saħansitra mediċini foloz? X'inhu jagħmel il-Ministeru sabiex ikun ċert li l-mediċini li qegħdin jinxtraw fil-pajjiż qegħdin ikunu ta' kwalità tajba?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li biex prodott mediċinali jitpoġġa fuq is-suq f’Malta irid jiġi ireġistrat. Fil-proċess tar-reġistrazzjoni tiġi evalwata l-kwalità tal-prodott kemm għall-mediċini ġeneriċi kif ukoll mediċini ta’ referenza. F’każ ta’ mediċini ġeneriċi, jiġi assigurat li dawn huma ekwivalenti għall-mediċini ta’ referenza. Jekk jiġu identifikati prodotti fuq is-suq li ma jkunux skont il-liċenzja tar-reġistrazzjoni, dawn jinġabru minn fuq is-suq. Fl-Unjoni Ewropea teżisti sistema fejn informazzjoni fuq mediċini li jistgħu jkunu mhux tal-kwalita’ mistennija jew jista’ jkollhom diffett f’xi lott, tiġi ikkomunikata mal-istati membri kollha, biex jekk ikun hemm bżonn tinġabar minn fuq is-suq. Malta bħala stat membru fl-Unjoni Ewropea hija nvoluta f’din is-sistema. L-Awtorità dwar il-Mediċini tieħu kampjuni ta’ xi prodotti mediċinali minn fuq is-suq u dawn jiġu evalwati f’laboratorju. Kif ġie spjegat, biex prodotti mediċinali jitpoġġew fuq is-suq dawn iridu jkunu irreġistrati. Il-prodotti mediċinali jitqassmu f’katina tal-provista mill-manifattura sal-ispiżeriji li hija rregolata. Mediċina ffalsifikata hija mediċina li l-kontenut tagħha u/jew isimha u/jew is-sors tagħha jkunu ppreżentati apposta b’mod qarrieqi. Il-mediċini ffalsifikati jista’ jkun fihom ingredjenti tajbin jew ħżiena, ammont ħażin ta’ ingredjenti, nuqqas ta’ ingredjenti jew ippakkjar iffalsifikat. Il-falsifikazzjoni tapplika kemm għall-mediċini oriġinaturi kif ukoll għall-mediċini ġeneriċi. Sa issa ma nstabux prodotti mediċinali ffalsifikati fil-katina tal-prodotti rregolati f’Malta. Kien hemm żewġ każijiet ta’ prodotti ffalsifikati iżda dawn ma kienux fil-katina tal-provista legali għall-pazjenti Maltin. L-Unjoni Ewropea ppublikat leġislazzjoni ġdida li hija intenzjonata biex tkompli tnaqqaas ir-riskju ta’ prodotti mediċinali iffalsifikati minn fuq is-suq. Dawn il-liġijiet qed jiġu addottati fil-liġijiet lokali u jiġu fis-seħħ fil-bidu tal-2013.

Bereġ Tal-Gvern — ECG Technicians, radiographers, nurses u staff ieħor

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28818 u jgħid kemm huwa l-full complement tal-istaff li għandu bżonn fil-bereġ tagħna bħal ECG Technicians, radiographers, nurses u staff ieħor biex il-kliniċi tas-saħħa jkunu jistgħu joperaw 24 siegħa kuljum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-full complement tal-istaff jiddependi fuq l-esiġenzi tad-Dipartiment tal-Kura Primarja, kif ukoll fuq l-approvazzjoni tal-Capacity Building Exercise.

Persuna li qed tistenna għall-operazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara każ ta' anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li fl-24 ta Novembru, 2011 mar l-isptar biex issirlu l-operazzjoni, imma bagħtuh lura d-dar? Jista' l-Ministru jara l-każ u jiġi kkuntattjat dan l-anzjan?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-każ ta' anzjan, li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, qiegħed fil-lista tal-operazzjonijiet u se jiġi operat f'qasir żmien. Għall-fatt illi huwa ma ġiex operat fid-data stipulata, tajjeb li wieħed jkun infurmat illi f’din l-imsemmija data kien hemm ħafna operazzjonijiet b’emerġenza u li għalhekk kellhom jitħassru oħrajn, sfortunatament fosthom tal-anzjan imsemmi. Il-pazjent ġie infurmat li għandu jirċievi telifonata mingħand it-tobba rigward dan il-każ mis-sezzjoni tal-Customer Care tal-isptar.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — nefqa fuq mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31050 u cioè:B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30638, jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li għandhom mobile? Xi grad għandhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Statistika fuq operazzjonijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31190, jista' l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar in-numru ta' operazzjonijiet maġġuri u dawk intermedjarji?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-informazzjoni miġbura mis-Surgical Operations Register in-numru ta’ operazzjonijiet irreġistrati li saru bejn Jannar tal- 2005 u Diċembru ta’ l- 2007 ġewwa l-Isptar San Luqa / Mater Dei jidhru hawn taħt. Dawn l-operazzjonijiet huma mqassmin skont il-BUPA category. Dawn il-figuri jinkludu proċeduri li jkunu ippjanati minn qabel (Elective) kif ukoll dawk li jkunu ta’ natura urġenti (Emergency). Year Major Variant (CMO, Major+, Major) Intermediate 2005 9248 11069 2006 9555 11436 2007 * 9276 11205 · F’ Novembru tas-sena 2007 saret il-migrazzjoni mill-Isptar San Luqa għall-Isptar Mater Dei.

Sptar tal-Onkoloġija — tlestija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li l-Isptar tal-Onkoloġija se jkun inbena u tlesta kompletament? Kemm hi stmata l-ispiża totali biex l-isptar tal-Onkoloġija jitlesta fit-totalità tiegħu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li huwa maħsub li ċ-Ċentru tal-Onkoloġija ġewwa l-Isptar Mater Dei jkun kompletament lest sal-aħħar tas-sena 2013. Dan ifisser li ċertu servizzi jistgħu jkunu qegħdin jaħdmu qabel din id-data. L-ispiża għal dan l-isptar se tkun €59.6 miljun, ko-finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropeja.

Sptar Mater Dei — operazzjonijiet tal-għajnejn - telfien tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti mill-1 ta' Jannar 2011 sal-lum li saritilhom operazzjoni jew interventi f'għajnejhom fl-Isptar Mater Dei u spiċċaw tilfu d-dawl minn dik l-għajn? Jista' jispeċifika liema kienu dawk l-interventi li fl-aħħar wasslu għat-telfien tad-dawl tal-għajn? X'investigazzjonijiet saru?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li din l-informazzjoni ma tinżammx. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni dwar xi każ partikolari li jixtieq jgħaddilna, tkun tista’ ssir il-verifika neċessarja.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fid-dekasteru tiegħu kemm, matul Jannar 2012, inkrew karozzi? Kemm kienet il-kirja ta' kull karozza u għal kemm żmien kienet il-kirja? Il-kirja kienet tinkludi wkoll driver?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Research fil-kamp mediku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm u min huma l-konsulenti li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei li qed jagħmlu research f'xi kamp mediku? Kemm minn dawn qed jieħdu fondi mill-Unjoni Ewropea? Għal kemm jammontaw individwalment dawn il-fondi? Liema huma t-topics tar-research tagħhom u meta hu mistenni li jispiċċa dan ir-research?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm tlett konsulenti li qed jagħmlu research f’ kamp Mediku. Hemm konsulent li s-suġġett tar-riċerka huwa Infection Prevention and Control, liema riċerka mistenni tispiċċa fl-aħħar ta’ din is-sena u li tammonta għal €93,645. Dan l-ammont ġej mill-fondi ‘Public Health Programme’ . Iż-żewg konsulenti l-oħra qed jagħmlu riċerka li hija studju fuq l-effett tal-kwalita’ tal-arja fuq it tfal ta’ bejn il-11u l-14-il sena u l ġenituri tagħhom. Din ir-riċerka tammonta għal €345,000 mill-fondi Italja – Malta, u huwa mistenni li tispiċċa f’Marzu 2013.

Sptar Monte Carmeli — ħaddiem li mhux impjegat full-time

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 31514, jista' l-Ministru jgħid għalfejn, jekk dan huwa impjieg b'għan terapewtiku, il-persuna in kwestjoni kienet ġiet imġiegħla tiffirma kuntratt meta bdiet dan ix-xogħol u qed tintalab li trid tiffirma kuntratt issa fejn taċċetta li dan l-impjieg se jiġi terminat fi żmien sena u nofs?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuni li jiffurmaw parti minn din l-iskema mhumiex impjegati iżda jingħataw opportunita’ ta’ xogħol, taħriġ u support vokazzjonali bl-għan aħħari li jitilqu minn fuq din l-iskema u jsibu mpjieg regolari fid-dinja tax-xogħol. Meta dawn il-persuni jkunu għamlu progress konsiderevoli fil-kundizzjoni tagħhom, dawn jiġu mħeġġa u mgħejjuna jitilqu minn fuq l-iskema. Kuntratt bħal dan jiġi ffirmat sabiex dawn il-persuni jkollhom biżżejjed ċans jaddattaw ruħhom għall-bidla u jibdew jaħsbu biex ifittxu impjieg regolari.

mediċini Maalox u Gaviscon

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-mediċini Maalox u Gaviscon għadhomx jingħataw b'xejn lill-pazjenti li huma eligibbli? Jekk kien hemm deċiżjoni li ma jingħatawx, għaliex?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ż-żewġ mediċini msemmija jinstabu bl-isem ġeneriku tagħhom fuq il-Formularju tal-Gvern, fejn dawn jistgħu jingħataw kemm fuq il-kartuna s-safra, kif ukoll fuq il-kartuna r-roża. Dawn il-mediċini jissejħu ‘antacids’, u jintużaw sabiex iserrħu l-pazjent minn sintomi ta’ ħruq ta’ stonku u indiġestjoni. Jingħataw skont rakkomandazzjonijiet riċenti minn aġenziji internazzjonali li ma jirrakomandawx li dawn il-mediċini jintużaw frekwenti u għal tul ta’ żmien.

Servizzi mediċi — lista tad-drittijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-ċittadin għandux lista tad-drittijiet meta jidħlu servizzi mediċi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-ċittadini intitolati għandhom dritt għas-servizzi mediċi li jinsabu fil-pakkett ta’ servizzi offruti mill-Gvern kif ukoll xi servizzi oħra li l-Gvern jista’ jdaħħal minn żmien għal ieħor. Il-Gvern qiegħed jaħdem ukoll fuq it-transpożizzjoni tad-direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjent fil-kura tas-saħħa transkonfinali li għandha twassal biex ikollna lista ta’ drittijiet tal-pazjent. Din id-direttiva tidħol fis-seħħ fit-23 ta’ Ottubru 2013.

operazzjonijiet fil-privat

Question

Jekk il-Ministru stess qed jgħid li ħadd ma jaf kemm qed isiru operazzjonijiet fil-privat għaliex ħadd ma jieħu rekord ta' dan ix-xogħol, allura jista' l-Ministru jgħid kif tista' ssir strateġija nazzjonali u ppjanar ta' x'għandu bżonn li jinvesti fih il-pajjiż, jekk m'hemmx rekord ta' x'tip u kemm qed isiru operazzjonijiet fil-privat? Kif jiġu moniterjati t-trends li jkun għaddej minnhom il-pajjiż?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

proġetti għall-poplu fil-qasam tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ppjanar sar u kif jiġu proġettati proġetti għall-poplu tagħna fil-qasam tas-saħħa jekk data importanti bħal kemm isiru operazzjonijiet fil-privat lanqas biss tinġabar u allura mhux qed jiġi moniterjat kemm attwalment qed isiru interventi ta' kull tip u ta' kull xorta fil-pajjiz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30921.

kwalità ta' kura lill-pazjenti li jagħżlu li jmorru fl-isptarijiet privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġi garantit li qed jingħataw kwalità ta' kura l-pazjenti li jagħżlu li jmorru fl-isptarijiet privati u li jkollhom moħħhom mistrieħ li dak li qiegħed isir fuqhom huwa prattiċi aċċettat fid-dinja moderna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Kliniċi u Sptarijiet Privati huma irregolati mill-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 458.23 (Liċenzji Għal Kliniċi Privati). Dawn jiġu spezzjonati minn spettorat multi-dixxiplinarju b’l-iskop illi jissalvagwardja s-Saħħa Pubblika u jaċċerta li l-kwalita` ta’ kura ipprovvduta f’dawn il-kliniċi/sptarijiet hi ta’ livell tajjeb. La darba ikun stabbilit li l-entita konċernata tilħaq il-livell meħtieġ, tinħareġ il-liċenzja.