Fgura- Pjazza Patri Redent — abbużi fil-playing field
Question
Jista' l-Ministru jara kif jistgħu jsiru arrangamenti biex il-playing field li tinsab fi Pjazza Patri Redent fil-Fgura tingħalaq wara l-11 p.m. biex jinqatgħu l-abbuzi li jsiru f għajjat, drogi u ksur tal-buon viċinat? Xi spezzjonijiet isiru mill-pulizija f'dan ir-rigward?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Filwaqt li ġentilment nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel l-ewwel parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel ronda fil-post indikat. Dan isir kemm mill-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll mit-Taqsima ta’ kontra d-Droga u dik tal-Mobile.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi normalment jittieħdu mill-awtoritajiet Maltin biex jissolva każ ta' persuna li tkun ġiet frodata flus minn fuq l-internet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi meta l-Pulizija jkollha rapport dwar xi każ ta' frodi permezz ta’ l-internet, tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha bl-assistenza ta’ l-organiżżazzjonijiet internazzjonali tal-Pulizija, bħalma huma l-Europol, l-Interpol u anke’ permezz ta’ ittri rogatorji meta jkun il-każ. Ta’ min iżid illi dawn l-investigazzjonijiet huma komplessi, anke minħabba l-fatt illi ħafna pajjiżi għandhom treshold ta’ ammont frodat (madwar €5,000) sabiex jinvestigaw. Minħabba dan huwa ferm diffiżli sabiex il-Pulizija tagħlaq każ ta’ dan it-tip ta’ frodi.
Jista' l-Ministru jgħid liema sezzjoni/awtorità/dipartiment huwa responsabbli biex jinvestiga u jsolvi każijiet li jkun hemm rapport ta' frodi ta' Maltin minn persuni fuq l-internet? Kemm-il każ ġie solvut matul is-snin 2007, 2008, 2009 u 2010?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima ta’ kontra l-Frodi flimkien mas-Cyber Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, hija l-Iskwadra li hi nkarigata mill-investigazzjoni ta' reati kriminali dwar każijiet ta’ frodi permezz ta’ l-internet. Kif ġa spegajt fit-tweġiba preċedenti, dawn l-investigazzjonijiet huma komplessi, u s’issa, mis-sena 2007 l’hawn, kien hemm każ wieħed li ġie riżolt..
rapporti ta' abbużi mill-internet fuq persuni minorenni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jiġux investigati rapporti ta' abbużi minn fuq l-internet fuq persuni minorenni? Jista' jgħid jekk l-abbuż iridx jiġi rappurtat mill- vittma jew qraba tal-vittma jew jekk isirux investigazzjonijiet indipendenti li jkunu jistgħu jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tinvestiga kull rapport li jaslilha, isir minn min isir, ta’ reati li jsiru fuq minorenni permezz ta’ l-internet. Mhux neċessarjament li r-rapport isir mill-vittma jew qraba tal-vittma. Fil-fatt każijiet investigati mill-Pulizija kienu ġew irrapurtati minn diversi sorsi li jinkludu vittmi, ġenituri jew qraba, awtortajiet edukattivi, entitajiet governattivi, awtoritajiet tal-pulizija barranin, jew ukoll ikunu ġew osservati mis-Cyber Crime Unit tal-Pulizija.
Sezzjoni li tinvestiga l-abbuz ta' frodi fuq l-internet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija kbira s-sezzjoni/awtorità/dipartiment li jinvestiga l-abbuż ta' frodi minn fuq l-internet vis-a-vis human resources u apparat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif diġa' spegajt fi tweġiba preċedenti t-Taqsima ta’ kontra l-Frodi flimkien mas-Cyber Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, hija l-Iskwadra nkarigata mill-investigazzjoni ta' reati kriminali dwar każijiet ta’ frodi permezz ta’ l-internet.
Infermiera, tobba, għalliema u ħaddiema oħra — rapporti li ġew aggrediti fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport saru lill-pulizija fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena ta’ tobba, infermiera, għalliema u ħaddiema oħra li ġew aggrediti fuq il-post tax-xogħol tagħhom? X’passi ttieħdu f’kull każ? X’kien in-numru ta’ rapporti li saru s-sena li għaddiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, il-Pulizija kellha 129 rapport dwar inċidenti li jikkoncernaw vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi. B’konnessjoni ma' dawn l-incidenti l-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 145 persuna. Infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra kien hemm 181 każ u li dwarhom kien hemm 198 persuna li ġew imressqa quddiem il-Qorti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu jkun in-numru ta’ membri tal-Ġudikatura f’Malta u f’Għawdex? Kemm fil-fatt hu u xi pjani hemm biex ikun hemm full complement (jekk fil-fatt m'hemmx)?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-Avviż Legali numru 265/09, “Ordni tal-2009 dwar l-Għadd ta’ Mħallfin fil-Qrati Superjuri” il-President ta’ Malta stabbilixxa li l-għadd ta’ Imħallfin li joqgħodu fil-Qrati Superjuri, minbarra l-Prim Imħallef, ikun għoxrin (20). Preżentement hemm dsatax (19) l-Imħallef u Prim Imħallef. Bħalissa n-numru ta’ Maġistrati huwa ta’ dsatax (19) li jinkludu anke dawk t’Għawdex.
Diskorsi li saru fil-Parlament rappurati lill-Kummissjaru tal-Pulizija
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każijiet rappurtati lill-Kummissjaru tal-Pulizija bejn Jannar 2007 u Settembru 2010, minn Ministri/Deputati Parlamentari dwar diskorsi li saru fil-Parlament li l-istess kummissajru investiga? X'kien l-eżitu ta' dawn l-investigazzjonijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statitistika dwar it-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Però jekk l-Onorevoli Interpellant jindika xi każ partikolari, inkun nista' nitlob li jingħatali t-tagħrif.
Jista' l-Ministru jara li l-pulizija tieħu l-passi meħtieġa biex tara li s-sid tal-bar fi Pretty Bay, f'Birżebbuġa, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, isegwi l-liġijiet u r-regolamenti kollha dwar livell ta' ħsejjes u għeluq tal-ħanut minħabba l-inkonvenjenza regolari li qed joħloq lill-ġirien?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kull meta rriżulta illi kien hemm xi ksur tar-regolamenti fil-ħanut imsemmi, il-Pulizija dejjem ħadet u se tkompli tieħu passi skont il-liġi.
Marsa — Open Centre - Foundation for Shelter and Support to Migrants
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi proċess intuża biex l-Open Centre tal-Marsa jgħaddi f'idejn il-Foundation for Shelter and Support to Migrants? Jista' jgħid x'kundizzjonijiet intrabtet bihom din il-Foundation u xi ħlasijiet se tirċievi għas-servizzi li se toffri? Jista' jgħid jekk ġewx ikkunsidrati għaqdiet oħra biex imexxu dan iċ-ċentru?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li f’Mejju 2010, il-Fondazzjoni ta’ Suret il-Bniedem infurmat lill-Ministeru li ma kienetx beħsibha tkompli l-operat tagħha ġewwa ċ-Ċentru u li kienet ser tittermina l-impjieg tal-ħaddiema tagħha nvoluti fit-tmexxija taċ-Ċentru tal-Marsa.
Dawn il-ħaddiema sussegwentement għażlu li jiffurmaw fondazzjoni ġdida bil-għan li jkomplu jagħtu servizz simili. Il-Ministeru, wara li xtarr din il-proposta, deherlu li jkun fl-aħjar interess ta’ l-immigranti akkommodati fiċ-Ċentru li jżomm il-grupp ta’ ħaddiema eżistenti. Infurmat li l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar tliet snin uriet li kellhom il-ħiliet meħtieġa biex jidħlu għal dan l-impenn u dan ħareġ ċar bil-mod seren li bih saret din il-bidla tal-
management
li seħħet fil-15 ta’ Settembru 2010.
Infurmat ukoll li l-
Foundation for Shelter and Support to Migrants
imxiet fuq l-istess prinċipji tal-kuntratt preċedenti ċioe' li tipprovdi ambjent san ġewwa ċ-Ċentru u tgħin lill-istess immigranti jgħixu ħajja ndipendenti fis-soċjeta’ Maltija. Ta’ dan, il-Fondazzjoni ser titħallas is-somma ta’ €550,420 fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċentri (miftuħa u ta' detenzjoni) f'Malta u f'Għawdex għall-immigranti? Jista' jgħid f'kull każ liema organizzazzjoni tmexxihom u kemm hemm ħaddiema jaħdmu magħhom u kemm hemm immigranti miżmuma f'kull ċentru? Jista' jgħid kemm jirċievi flus kull ċentru minn dawn u mnejn ġejjin il-fondi għat-tmexxija ta' kull ċentru?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi f’Malta hawn 3 ċentri tad-detenzjoni li huma mmexxija mis-Servizz ta’ Detenzjoni fi ħdan il-Ministeru. Bħalissa hemm 78 immigrant fiċ-ċentru tad-detenzjoni ta’ Ħal Safi. Is-Servizz ta’ Detenzjoni jimpjega 50 membru tal-Forzi Armati u Uffiċjal mill-Pulizija li huma on secondment, u 176 Uffiċjali Temporanji tas-Servizz ta’ Detenzjoni. Minn dawn 17 il-membru tal-Forzi Armati, Uffiċjal tal-Pulizija u 117 Uffiċjali Temporanji tas-Servizz ta’ Detenzjoni joperaw miċ-ċentru tad-detenzjoni ta’ Lyster u jipprovdu s-sigurta’ fiċ-ċentri miftuħa. Matul l-2009, is-Servizz ta’ Detenzjoni ingħata madwar €3.9 miljun għaż-żamma taċ-ċentri ta’ detenzjoni mill-Vot tal-Ministeru għal Ġustizzja u l-Intern. Parti mill-fondi li jiffinanzjaw is-Servizz ta’ Detenzjoni jaqgħu taħt il-Vot tal-Forzi Armati.
L-informazzjoni dwar iċ-Ċentri miftuħa huwa kif ġej:-
Jista' l-Ministru jgħid kemm Malta rċeviet fondi mill-Unjoni Ewropea, mill-Ġnus Magħquda u minn sorsi internazzjonali oħra, sena b'sena mit-2003 sal-lum, biex jintnefqu fil-qasam tal-immigrazzjoni rregolari f'pajjiżna? Jista' jgħid kif intnefqu dawn il-fondi, sena b'sena, fl-istess perjodu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Djar u faċilitajiet biex jinżammu l-immigranti fihom
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-gvern kera mingħand ordinijiet reliġjuzi u individwi, djar u faċilitajiet f'Malta u f'Għawdex biex fihom jinżammu l-immigranti rregolari? Jista' jgħid f'kull każ x'inhi l-kera li titħallas fuq dawn id-djar u għal kemm huwa marbut l-gvern li jħallas din il-kera f'kull każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Gvern jikri żewġt id-djar mingħand ordnijiet reliġjuzi biex iżomm fihom l-immigranti. Waħda għandha kera ta' €9,320 fis-sena, li tiżdied b’10% kull tlett snin u hija għal perijodu indefinit, u oħra li għandha kera ta' €19,288 fis-sena, liema kera tagħlaq f'Settembru 2012.
Jista' l-Ministru jgħid x'kuntratt għandu l-gvern għall-provvista tal-ikel minn kuntratturi privati? X'inhu l-valur ta' dawn il-kuntratti f'kull każ, kemm jiġu provduti ikliet kuljum u kemm jiġu kkunsmati minn immigranti? Hemm każijiet fejn il-kuntratturi qed jipprovdu ikel li m'hemmx min jieklu u allura qed jinħela u jintrema?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-Ministeru jamministra kuntratt mogħti wara tender mill-Forzi Armati ta’ Malta f’isem iċ-Ċentri ta’ Detenzjoni fejn giet magħzula l-orħos offerta. Il-kuntratt huwa għal valur ta’ €11,315,000 u l-kuntratturi huma James Caterers Ltd u jaħseb għall-provvista ta’ tlett ikliet kuljum għad-detenuti. Infurmat ukoll li, peress li n-numru ta’ immigranti fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni issa naqas sew, id-Direttur tal-Kuntratti approva li l-kuntratt jista’ jintuża biex jinqdew ħtiġijiet għall-ikel fiċ-Ċentri Miftuħa kif ukoll fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Fil-fatt infurmat li, skont dan l-arranġament, qed jiġu provduti żewġ ikliet kuljum.
B'referenza għall-informazzjoni dwar in-numru ta' persuni barranin li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, jista' l-Ministru jgħid lokal b'lokal, fejn kienu joqogħdu f'Malta l-barranin li qegħdin fil-faċilità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant
Attachments:20790 - Prigunieri Barranin li kellhom residenza f'Malta.doc
Jista' l-Ministru jikkonferma meta Malta iffirmat il-Konvenzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (human trafficking)?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar ta' Bnedmin ġiet iffirmata fis-16 ta’ Mejju 2005, ratifikata fit-30 ta’ Jannar 2008, u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2008.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu nies il-Qorti dwar human trafficking fiż-żmien 2007, 2008, 2009 u 2010? Kemm minnhom weħlu l-ħabs? Kemm minnhom ħadu sentenza sospiża? Kemm minnhom weħlu penali? Kemm minnhom ġew liberati? Kemm minnhom għad għandhom il-każ pendenti? Kemm minnhom inħarġu on bail?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mis-snin 2007 sal-2010, il-Pulizija nvestigat u qabdet 9 persuna li kienu nvoluti f'attivita' kriminali ta' traffikar ta' persuni u li dawn kollha tressqu quddiem il-Qorti fuq dawn l-akkużi. Minn dawn, s'issa 8 għadhom pendenti quddiem il-Qorti u wieħed mill-akkużat kien miet. Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant illi din l-istatistika hija dik dwar każijiet ta' traffikar ta' persuni kif definita fis-Sub Titolu VIII BIS tal-Kodiċi Kriminali Kap. 9 bit-titlu Fuq Traffikar ta' Persuni.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — breakdown tal-każijiet ta' overdose
Question
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kemm-il każ ta' overdose seħħ fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u faċilitajiet oħra simili matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena kien hemm każ wieħed ta' overdose.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — persuni li ntbagħtu għall-kura fl-isptarijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kemm-il persuna mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u faċilitajiet oħra simili matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena ntbagħtet għall-kura fl-isptarijiet, kliniċi eċċ.? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu r-rġiel u/jew żgħażagħ? Kemm minn dawn kienu b'konnessjoni ma' mard mentali u/jew tqala?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru tal-2010 intbgħatu 387 raġel u 42 mara u 10 żgħażagħ għal kura fl-isptarijiet. Fost dawn kien hemm 30 raġel u 2 nisa li ngħataw kura mentali filwaqt li kien hemm 20 mara li ngħataw kura b'konnessjoni ma' tqala.