Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bastimenti kummerċjali — CVC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-Ċertifikati ta’ Verifika tal-Konformità (CVC) għall-bastimenti kummerċjali humiex kollha maħruġa, u jekk hemmx pendenzi minn Transport Malta? Jekk iva, jista’ jgħid jekk hemmx dewmien jew ċertifikati li għadhom pendenti għall-bastimenti li jġorru minn 16-il passiġġier u inqas, u għaliex? Jista’ wkoll jipprovdi lista tal-bastimenti kollha li għadhom pendenti u r-raġunijiet għaliex għadhom f’dak l-istatus?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-eqdem applikazzjoni pendenti għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ bastiment kummerċjali hija datata l-1 ta’ April 2025, filwaqt li l-applikazzjonijiet kollha ta’ Marzu diġà ġew ipproċessati. Bħalissa hemm 101 applikazzjoni li huma ġodda u 57 li qabżu x-xahar mid-data tas-sottomissjoni.

Transport Malta — CVC u CVOL

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuna fi Transport Malta li hija kwalifikata biex tivverifika ċ-Ċertifikati ta’ Verifika tal-Konformità (CVC) u ċ-Ċertifikati ta’ Verifika tal-Operat (CVOL), kif ukoll il-rapporti tas-surveyors? Jekk iva, jista’ jindika liema huma l-kwalifiki li għandhom u f’liema grad huma?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

CVC — Bastimenti kummerċjali - Perjodu ta’ żmien għall-ħruġ taċ-ċertifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-perjodu ta’ żmien mill-applikazzjoni sa ma jinħareġ iċ-Ċertifikat ta’ Verifika tal-Konformità (CVC) għall-bastimenti kummerċjali li jġorru sa 16-il passiġġier?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Transport Malta — Rigali lill-impjegati - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefqet Transport Malta fuq rigali lill-impjegati bejn Jannar 2023 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ f’kull każ jgħid x’kienet l-okkażjoni, minn fejn inxtraw ir-rigali, u kienx hemm sejħa għal kwotazzjonijiet, direct order, jew mod ieħor kif intgħażlu minn fejn jinxtraw?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Infrastructure Malta — Rigali lill-impjegati - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefqet Infrastructure Malta fuq rigali lill-impjegati bejn Jannar 2023 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ f’kull każ jgħid x’kienet l-okkażjoni, minn fejn inxtraw ir-rigali, u kienx hemm sejħa għal kwotazzjonijiet, direct order, jew mod ieħor kif intgħażlu minn fejn jinxtraw?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Aġenzija Infrastruttura Malta temmen bir-rikonoxximent lejn l-impjegati tagħha u minn żmien għal żmien tirrkonoxxi ħidmiethom b’ġest żgħir ta’ apprezzament.

LPTS — Faċilitajiet tal-iggaraxxjar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27851 u 28118 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ permessi ta’ żvilupp maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-faċilitajiet tal-iggaraxxjar għas-servizzi tal-Light Passenger Transport System (LPTS) li huwa rekwiżit għal-liċenzja tal-operatur indikati minn operaturi li għandhom minn 30 vettura ’l fuq u jindika l-indirizz tal-faċilitajiet tal-iggaraxxjar ta’ kull operatur?

Response (BONETT, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Transport Malta — Kontravenzjonijiet - Multi amministrattivi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27852 u 28119 u jgħid kif Transport Malta qiegħda tibgħat multi amministrattivi tas-sena 2023 f’dawn il-ġranet, sentejn wara li l-imsemmija kontravenzjonijiet ikunu twettqu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta tibgħat multi amministrattivi skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.68.

L-Imqabba — Triq Karmenu Ciantar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26232 u jgħid x’kienu l-interventi li saru fi Triq Karmenu Ciantar, fl-Imqabba minn meta tlestiet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm ġie jiswa kull intervent, meta sar u min ħallas għalih?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għamel intervent wieħed fi Triq Karmenu Ciantar fl-Imqabba minn meta din tlestiet sal-lum. Dan sar fis-6 ta’ Ġunju 2024 u kien jikkonsisti f’tindif u tiswija ta’ culverts. Dan ix-xogħol sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-ispejjeż, li kienu minimi, tħallsu mill-istess dipartiment.

Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq — Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26227 fejn intqal li t-trattattivi bejn Infrastructure Malta u l-Kunsilli Lokali ta’ Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Luqa u ż-Żurrieq għadhom għaddejja, jista’ l-Ministru jagħti d-data meta huwa mistenni li t-trattativi għax-xogħlijiet għas-sena 2025 ser ikunu lesti?

Response (BONETT, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24207, 24208, 24209, 24210, 24211 u 24212, ninfurmah illi d-diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali rispettivi għaddejin u jiffurmaw parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni kontinwa.

Ta’ Qali — Sit għall-impjant il-ġdid tat-trattament tad-drenaġġ - Studju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27641 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju li sar biex jistabbilixxi s-sit għall-impjant il-ġdid tat-trattament tad-drenaġġ f’Ta’ Qali biex jipprovdi l-ilma għall-proġett tal-Park Nazzjonali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara konsultazzjonijiet mal-entitajiet konċernati, ġie identifikat sit li kien diġà propjetà tal-Gvern a bażi ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet: · Il-viċinanza għall-main li ser jissupplixxi l-impjant bid-drenaġġ biex jiġi trattat · Il-viċinanza għas-siti kollha li jiffurmaw il-Park Nazzjonali · Il-viċinanza għas-sistema eżistenti ta’ New Water biex f’każ ta’ surplus ta’ ilma dan jingħata lill-bdiewa għat-tisqija · Is-sit jinsab imbiegħed minn żoni residenzjali, allura mhux mistenni li jkun ta’ inkonvenjent għal residenti.

L-Imġarr, Malta — Trasport pubbliku - Tibdil fir-rotot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’bidliet daħlu fis-seħħ fl-aħħar sena fir-rigward tat-trasport pubbliku fil-lokalità tal-Imġarr, Malta? Jista’ jgħid ukoll liema rotot ġodda ġew introdotti u liema rotot kellhom il-frekwenza tagħhom mibdula, kemm fil-każijiet fejn żdiedet, kif ukoll fejn tnaqqset il-frekwenza tas-servizz?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda tibdil fir-rotot li jikkonċernaw din il-lokalità.

In-Naxxar — Trasport pubbliku - Tibdil fir-rotot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’bidliet daħlu fis-seħħ fl-aħħar sena fir-rigward tat-trasport pubbliku fil-lokalità tan-Naxxar? Jista’ jgħid ukoll liema rotot ġodda ġew introdotti u liema rotot kellhom il-frekwenza tagħhom mibdula, kemm fil-każijiet fejn żdiedet, kif ukoll fejn tnaqqset il-frekwenza tas-servizz?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul din l-aħħar sena daħlu fis-seħħ żewġ tibdiliet relatati mal-lokalità tan-Naxxar, kif jidher permezz tal-punti segwenti: 1. Estensjoni tar-Rotta 103 – Din ir-rotta ġiet estiża biex tinkludi Triq Burmarrad, sabiex issa qiegħda taqdi aħjar il-bżonnijiet tat-trasport ta’ ħaddiema u persuni li għandhom bżonn jinqdew mill-istabbilimenti u intrapriżi li jinsabu f’din iż-żona. Il-frekwenza tar-rotta baqgħet l-istess. 2. Introduzzjoni tar-Rotta Ġdida 207 – Din ir-rotta topera bejn il-Marsa Park and Ride u n-Naxxar, sal-viċinanzi tal-Giovanni Curmi Higher Secondary. Tul il-vjaġġ tagħha mill-Marsa Park and Ride, ir-rotta tagħmel waqfa fl-Isptar Mater Dei. Din ir-rotta toffri żewġ vjaġġi filgħodu u oħrajn wara nofsinhar, fil-ġranet tal-iskola biss.

San Pawl il-Baħar — Trasport pubbliku - Tibdil fir-rotot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’bidliet daħlu fis-seħħ fl-aħħar sena fir-rigward tat-trasport pubbliku fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll liema rotot ġodda ġew introdotti u liema rotot kellhom il-frekwenza tagħhom mibdula, kemm fil-każijiet fejn żdiedet, kif ukoll fejn tnaqqset il-frekwenza tas-servizz?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul din l-aħħar sena daħlu fis-seħħ żewġ tibdiliet relatati mal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, kif jidher permezz tal-punti segwenti: 1. Rotta mibdula – X299 Ir-rotta X300, li kienet topera żewġ vjaġġi filgħodu u oħrajn wara nofsinhar, ġiet “rebranded” u llum qed topera taħt in-numru X299 . 2. Rotta ġdida – X300 Rotta ġdida bl-isem X300 bdiet topera bejn Ċirkewwa u l-Belt Valletta b’frekwenza ta’ kull nofs siegħa f’ħinijiet ta’ peak. Din ir-rotta tgħaddi mill-Għadira, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar (waqfa Kennedy), Salina, Baħar iċ-Ċagħaq, Pembroke, l-Università u l-Isptar Mater Dei. Permezz ta’ dan is-servizz, ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar issa qed igawdu minn vjaġġi aktar diretti u frekwenti kemm lejn il-Belt Valletta kif ukoll lejn l-Università u l-Isptar Mater Dei, partikolarment mill-waqfa Kennedy. Ir-rotta X1 ġiet irtirata minħabba l-fatt li r-rotot il-ġodda qed jaqdu l-areas kollha li kienu jiġu koperti bl-X1.

Is-Siġġiewi — Triq Blat il-Qamar - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24697, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fi Triq Blat il-Qamar fis-Siġġiewi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Pjan ta’ Ħidma mal-Kunsilli Lokali, Triq Blat il-Qamar hija waħda mit-toroq li ġiet proposta mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. Ninfurmak ukoll li x-xogħol tat-toroq jiġi allokat skond l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalità rispettiva tagħhom.

Santa Luċija — Vjal l-Oleandri - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Vjal l-Oleandri, Santa Luċija, u meta huma mistennija jitqiegħdu l-marki relatati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Vjal Oleandri Santa Luċija kienu jinkludu xogħlijiet relatati ma’ bdil tal-medda tal-ilma tax-xorb, xogħlijiet ta’ telekomunikazzjoni, installazjoni ta’ arbli ġodda tad-dawl, bini mill-ġdid ta’ bankini u bini mill-ġdid tat-triq inkluż asfalt. Iż-żebgħa tat-triq beda llum.

Il-Kalkara — Bighi - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26979 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25533, jista’ l-Ministru jgħid xi progress ulterjuri kien hemm fix-xogħol relattiv f’Bighi, fil-Kalkara?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi dawn ix-xogħolijiet maqsumin fi 3 partijiet, għalkemm ix-xogħol għaddej fl-istess ħin. Fl-ewwel parti għandna ix-xogħol b’emerġenza fin-naħa tax-Xjenza Malta fejn emendajna u ffinalizzajna d-disinn minħabba l-limitazzjonijiet tal-post u l-inġenji. It-tieni parti hija dik tal-bini tal-moll fin-naħa ta’ Heritage Malta. Id-disinn huwa finalizzat u l-approvazzjoni mill-entitajiet kollha waslet. Rigward it-tender għall-istabbilizzazzjoni u r-restawr tal-ħitan storiċi f’Bighi mistenni jiġi ppublikat fiż-żmien li ġej.

Ħal Tarxien — Triq Paola - Xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar Triq Paola, f’Ħal Tarxien, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet laħqu saru matul din is-sena u kemm intefqu flus għalihom? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xogħol ulterjuri ieħor li huwa previst li ser isir?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninfroma lill-Onor. Interpellant li x xogħlijiet f’din it-triq qed isiru f’fażijiet differenti b’konsultazzjoni kontinwa mall-Kunsill Lokali. L-ewwel fażi kienet marbuta ma’ xogħlijiet ta’ trinek biex tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku fiż-żona, liema xogħlijiet kienu b’kollaborazzjonii bejn Infrastructure Malta u Enemalta. Saru wkoll xogħlijiet ta’ asfaltar temporanju sabiex it-triq tkun fi stat aċċettabli għat-traffiku li jgħaddi minn din it-triq ta kuljum. Eventwalment se ngħaddu għall-aħħar fażi li hija pjanata tibda wara ċ-ċelebrazzjonijet tal-festa u li se jkunu qed jinvolvu wkoll xogħlijiet maġġuri inkluż servizzi fi Triq Paola. Hekk kif dan il-proġett ikun kompletat, isir il-kejl kollu neċessarju sabiex tiġi kwantifikata l-ispiża globali.

Ħal Tarxien/Raħal Ġdid — Triq San Ġużepp - Xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet huma previsti għal Triq San Ġużepp, f’Ħal Tarxien/Raħal Ġdid?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lix-xogħlijiet jikkonsistu f’bini tat-triq mill-ġdid, ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, it-tisħiħ tas-sottobażi eżistenti, tibdil ta’ servizzi kif ikun mitlub mill-entitajiet rispettivi u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa.

Ir-Rabat, Malta — Triq it-Tabia - Periklu ta’ sewqan eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jittieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiġi evitat xi inċident tat-traffiku jew li jittajjar xi ħadd fi Triq it-Tabia r-Rabat, Malta, (fil-parti tat-Triq it-Tabia li twasslek għal Vjal il-Ħaddiem) billi jsiru sleeping police kif kien imwiegħed lir-residenti jew traffic lights li jikkontrollaw is-sewqan sfrenat?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin isiru l-evalwazzjonijiet neċessarji fuq it-triq imsemmija.