Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rheumatoid Arthritis – Servizzi għal persuni li jbatu b’Rheumatoid Arthritis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qed jiġu offruti mill-Gvern għal persuni b’Rheumatoid Arthritis fil-livell primarju u speċjalizzat tal-kura tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Kura Primarja, permezz tal-Kliniċi tat-Tabib tal-Familja bl-appuntant jew walk-in, joffri kura għal kull pazjent, inkluża kura għal pazjenti li jbatu minn Rheumatoid Arthiritis. Barra minn dan is-servizz ġenerali, ġie stabbilit ukoll servizz speċjalizzat ta’ podjatrija, mmexxi minn żewġ podjatri esperjenzati f’dan is-suġġett, mid-Dipartiment tal-Kura Primarja u li jopera erba’ darbiet fil-ġimgħa. Il-pazjenti jiġu riferuti direttament mir-Rheumatologist jew minn professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa, sabiex tiġi żgurata kura f’waqtha u mmirata. Infurmat ukoll li kull nhar ta’ Ġimgħa wara nofsinhar, fl-Isptar Mater Dei issir klinika konġunta mmexxija minn Rheumatologist flimkien ma’ podjatri mid-Dipartiment tal-Kura Primarja, li tkompli ttejjeb l-integrazzjoni tal-kura. Dan is-servizz jappoġġja intervent bikri u l-prevenzjoni ta’ kumplikazzjonijiet f’dawn il-pazjenti.

Rheumatoid Arthritis – Mediċini disponibbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tipi ta’ mediċini huma attwalment disponibbli permezz tas-servizz pubbliku għal pazjenti b’Rheumatoid Arthritis, kemm f’tagħrif ġenerali (eż. klassifikazzjoni eż. anti-inflammatories, immunosuppressants , eċċ.) kif ukoll skont l-ismijiet speċifiċi ta’ mediċini elenkati fil-Formularju Outpatients? Jista’ wkoll jipprovdi statistika dwar kemm pazjenti b’din il-kundizzjoni kienu qed jirċievu kull tip jew kategorija ta’ mediċina għal dawn l-aħħar tliet snin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-lista ta’mediċini attwalment disponibbli permezz tas-servizz pubbliku qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li n-numru ta’ pazjenti li kienu qed jirċievu l-mediċini huwa kif ġej: fl-2023 kien hemm 2,388; fl-2024 kien hemm 2572; fil-preżent hemm 2,736 pazjent.

Rheumatoid Arthritis – Proċedura biex tingħata dijanjożi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura uffiċjali li pazjent irid jgħaddi minnha biex jingħata dijanjożi u jibda trattament għal Rheumatoid Arthritis permezz tas-servizz pubbliku tas-saħħa? Jista’ jispjega l-passi mill-mument li pazjent juri sintomi, inkluż jekk ikun hemm bżonn ta’ referenza mingħand tabib tal-familja, aċċess għal speċjalisti, testijiet dijanjostiċi u kif jinkiseb aċċess għall-mediċini taħt il-kundizzjoni Schedule V?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pazjenti ġeneralment jiġu riferuti għand Rheumatologists minn tabib tal-familja u wara dijanjosi pożittiva bbażata fuq valutazzjoni klinika, testijiet radjoloġiċi u bijokimiċi, tinbeda il-kura xierqa. Applikazzjoni tas-Schedule V issir mill-ispeċjalista jekk ikun hemm bżonn.

Il-Mosta — Ċentru tas-Saħħa - Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni użaw is-servizz taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta matul l-2024? Minn dawk li ngħataw dan is-servizz, jista’ jgħid kemm minnhom huma mill-Mosta u kemm minnhom huma minn Ħ’Attard?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul l-2024, kien hemm 194,800 darba fejn persuni rrikorrew għas-servizzi tas-saħħa fiċ-Ċentru tal-Mosta. Minn dawn id-drabi, 50,983 kienu minn residenti li joqogħdu fil-Mosta u 5,687 darba minn residenti li joqogħdu Ħ’Attard.

Il-Mosta — Ċentru tas-Saħħa - Servizzi mogħtija lil TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) u kemm ċittadini tal-Unjoni Ewropea li użaw is-servizz taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta matul l-2024 u kemm ħallsu għal dawn is-servizzi? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizzi ngħataw?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni disponibbli, matul l-2024 kien hemm 44,117-il darba fejn dawk li rrikorrew għal servizz miċ-Ċentru tas-Saħħa ma kinux Maltin. Minn dawk li ma kinux intitolati għall-kura tas-saħħa b’xejn, is-somma mħallsa kienet ta’ €23,679.

L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex — Pagi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet is-somma totali li tħallset f’pagi u spejjeż relatati ma’ pagi (National Insurance, allowances, overtime eċċ.) lill-impjegati kollha tal-Gvern fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għas-snin 2019, 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet is-somma totali li tħallset mill-Gvern lill-kuntratturi privati talli pprovdew ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-istess snin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba fir-rigward tal-impjegati tal-Gvern, jidhru taħt Personal Emoluments fl-Estimi Ġenerali li kopji tagħhom diġà tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tal-ħaddiema tal-kuntrattur mill-5 t’April 2023 sal-aħħar tas-sena 2024, is-somma totali tal-ħlasijiet għas-servizzi pprovduti mill-kuntratturi privati hija ta’ €10,500,451. Tajjeb li jingħad li mid-data msemmija hawn fuq, żdiedu bosta servizzi fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li f’numru ta’ ċirkustanzi, anke qed jgħinu lill-Għawdxin jieħdu s-servizz ġewwa Għawdex minflok l-iskariġġ li jridu jinżlu Malta għall-kura u dawn is-servizzi fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ser ikomplu jiżdiedu.

Ftuħ ta’ spiżeriji — Talbiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma t-talbiet għall-ftuħ ta’ spiżeriji (pharmacies) li dwarhom għandu informazzjoni l-Ministeru u f’liema lokalità jinsabu kull waħda minn dawn it-talbiet (b’numru għal kull lokalità)? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-kriterji stabbiliti li jintużaw biex jinfetħu spiżeriji ġodda?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29127.

Sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Imġarr, Malta — Sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza fl-inħawi ta’ l-Imġarr, Malta, (lokalità kollha), minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Remote working - teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working u teleworking, mal-Ministeru konċernat, inkluż fl-entitajiet u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, hemm 167 ħaddiem/a li jaħdmu permezz ta’ remote working u teleworking.

CPSU — Ħaddiema bi grad ta’ laboureres

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tas-CPSU li ddaħħlu mal-Gvern reċentement permezz ta’ interview bi grad ta’ labourers, humiex jingħataw xogħol ta’ skrivani u qed jieħdu allowances ogħla mill-paga li huma intitolati għaliha skont il-ftehim tax-xogħol?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29675.

Sleep apnea — Xiri tal-magni mill-privat - Refund

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29068 u 29178 u jgħid kemm hawn pazjenti li kellhom jixtru magna tal-isleep apnea mill-privat u li qed jistennew li jieħdu refund mis-servizz tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Isptar Mater Dei ma jkollux informazzjoni dwar min jixtri magna tal-isleep apnea mill-privat.

Pilloli Isosorbide Mononitrate R 60MG – Out of Stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom out of stock il-pilloli Isosorbide Mononitrate R 60mg u jagħti r-raġuni? Jista’ jgħid ukoll meta dawn il-pilloli ser ikunu disponibbli?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li saru diversi sejħiet urġenti biex jinxtraw il-pilloli Isosorbide Mononitrate R 60MG. Sfortunatament sakemm jasal l-istokk tat-tender, dawn l-ordnijiet ġew kanċellati minħabba li hawn nuqqas tal-mediċina internazzjonalment. Huwa mistenni li fil-jiem li ġejjin għandha tasal ordni.

Ħ’Attard — Ċentru tas-Saħħa - Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni użaw is-servizzi tas-saħħa fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħ’Attard matul l-2024? Jista’ jgħid ukoll liema kien l-iktar servizz li rrikorrew għalih?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ix-Xemxija — Ambulanza stazzjonata

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex partikolarment matul ix-xhur tas-sajf, tkun stazzjonata ambulanza fl-inħawi tax-Xemxija, ħdejn il-Fire Station tal-Protezzjoni Ċivili, biex tkun tista’ tintuża f’każijiet ta’ emerġenza li jinqalgħu spiss?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

L-Isptar ġenerali ta’Għawdex – Ħaddiema li jaħdmu maċ-Ċivil

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema li jaħdmu maċ-ċivil ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, għadhomx jingħataw b’mod regolari ta’ kull xahar, bħalma ngħataw għal dawn l-aħħar snin: kafè, ħalib u zokkor kif ukoll affarijiet oħra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li kull impjegat tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għandu l-meal allowance skont il-proċeduri fis-seħħ fejn hemm l-għażla bejn allowance jew ikel. Sal-ġurnata li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kull ħaddiem fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għażel li jingħata l-allowance. Madankollu, kafè u tè għadu jingħata u ħa jibqa' jingħata.