Legislature:
Category:
Reset
Active:

Produzzjoni lokali tal-frott frisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-frott frisk matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment responsabbli mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika.

Produzzjoni lokali tal-ħxejjex friski

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-ħxejjex friski matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment responsabbli mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika.

Sussidju fuq sistemi fotovoltajiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm wieġbu għas-sejħa għas-sussidju fuq sistemi fotovoltajiċi taħt l-iskema li għalqet f'Awwissu li għadda? Kemm minnhom ġew proċessati? Kemm minnhom ġew approvati? B'kollox kemm mill-applikazzjonijiet mistennija jintlaqgħu minħabba raġunijiet baġitarji tal-Gvern innifsu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 28943, sallum ġew proċessati madwar 1,500 applikazzjoni. Ninfurmah ukoll li l-proċess relatat mal-iskema li għalqet f’Awwissu għadu għaddej u għalhekk ma nistax nagħtih l-informazzjoni mitluba.

Gżira — Proġett intiż fuq l-għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex verament wasal il-proġett intiż biex itaffi l-għargħar fl-inħawi tal-Gżira li huwa rapportat li ilu abbandunat għal diversi ġimgħat? X'passi ttieħdu dwar il-ħofra kbira li saret fil-ġenb tat-triq li hija mimlija kollha ilma u qed toħloq inkonvenjent u periklu kbir għar-residenti fl-inħawi? Meta mistenni jitlesta l-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-hofra kbira li qed jirriferi għalija hi l-ewwel fazi ta' proġett għal kostruzzjoni ta' Soakaway Reservoir u l-entratura għal mina li ser tiehu fiha l-ilma tax-xita tal-overflow ta' dan il-gibjun kif ukoll tal-ilma li jinżel għall-inħawi tal-Gżira mir-Regional Road. It-tenders għal bini tal-ġibjun kif ukoll tal-mina nħarġu u huwa mistenni li jkunu mogħtija fi żmien ftit ġimgħat oħra. Ix-xogħol għal bini tal-ġibjun irid jitlesta f'perjodu li ma jaqbisx it-tnax-il xahar minn meta jinbeda. Sadanittant tajjeb li wieħed jifhem li xogħol bħal dan preferibbilment isir fil-perjodu xott.

Pjan ta' Azzjoni dwar Enerġija Alternattiva

Question

Wara li kien hemm bdil ta' korrispondenza ta' kjarifiki mal-Korporazzjoni Enemalta dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar Enerġija Alternattiva li biha Malta għandha tilħaq il-miri tagħha ta' 10% sas-sena 2020, jista' l-Ministru jgħid l-energy mix ta' enerġija alternattiva kif inhu finalment kompost u kemm minnu jiddependi fuq enerġija mir-riħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jelabora aktar dwar dak li qed jirreferi għalih fil-Mistoqsija Parlamentari. Dettalji dwar kif inhu kompost l-energy mix ta’ enerġija alternattiva u kemm minnu jiddependi fuq enerġija mir-riħ u sorsi oħra jinstabu f’paġni 67 sa paġna 70 tan-National Renewable Energy Action Plan, (Nota: Kopja tan-National Renewable Energy Action Plan jinstab fuq is-sit: http://ec.europa.eu/energy/renewables/transparency_platform/action_plan_en.htm )

Animal Welfare Department — supplier għall-ikel tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jinxtara l-ikel li jintuża għall-annimali miżmuma fl-Animal Welfare Department? Dan l-ikel jinxtara mingħand supplier wieħed? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kif ġie magħżul dan is-supplier, jekk hux wara sejħa għal offerti jew b’direct order? Jekk wara sejħa għal offerti, kemm kienu dawk li tefgħu l-offerta tagħhom u x’offerti ntefgħu? Jista' jgħid kemm huwa l-budget kull xahar għall-ikel tal-annimali f’dan id-Dipartiment u kemm effettivament qed jinxtara?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26802, ngħarrfu li rigward is-sejħa ghall-tfiegħ ta’ offerti kif referuta f’din it-tweġiba, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm l-aggudikazzjoni kienet iffinalizzata, l-għotja tal-kuntratt kellu jkun sospiz fid-dawl ta’ appell li sar minn wieħed mill-offerenti, liema appell għadu pendenti quddiem il-Public Contracts Review Board. Ghaldaqstant, kellha tibqa’ fis-seħħ is-sistema li kienet tintuza fiż-żmien tat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari fuq imsemmija sakemm ikun deċiż dan l-appell u jingħata l-kuntratt. Dan kollu qed isir skont ir-regolamenti finanzjarji tal-Gvern. Ninfurmah ukoll li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni relevanti mid-data tat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari msemmija qabel.

tkabbir ta' prodotti agrikoli ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jibdew jitkabbru xi prodotti agrikoli ġodda, wara li saru esperimenti neċessarji jew mid-Dipartiment tal-Agrikoltura jew minn bdiewa privati (f'dan il-każ jekk kemm-il darba d-dipartiment hu infurmat b'tali inizjattivi)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Dipartiment tal-Agrikoltura kontinwament qiegħed jagħmel riċerka primarjament fuq speċi diġa eżistenti lokalment rigward varjetajiet li filwaqt li jkunu kompatibbli mat-tip ta’ ħamrija u kundizzjonijiet klimatiċi prevalenti lokalment. L-iskop prinċipali huwa li tiżdied ir-rendiment kemm bħala kwantità u kwalità kif ukoll li jiddaħħlu varjetajiet aktar reżistenti għall-mard. Bħala eżempju wieħed jista’ jsemmi s-suċċess li inkiseb fil-produzzjoni tal-bambinella bħala riżultat tar-riċerka li saret kif ukoll il-‘breakthrough’ bit-tlaqqim tas-siġar tat-tut fuq iċ-ċawsli. Preżentement qed issir riċerka fuq varjetajiet taċ-ċitru. L-istess jista’ jingħad dwar prodotti oħra bħal tadam, qaqoċċ u patata li f’kollaborazzjoni mas-settur privat. Fil-fatt saru esperimenti ta’ tkabbir u b’riżultat tas-suċċess miksub iddaħħlu varjetajiet ġodda ta’ prodott li kien tradizzjonalment stabbilit. It-tkattir fis-settur ta’ tkabbir ta’ dawn il-varjetajiet isir fuq numru ta’ snin Ninforma wkoll li s-settur privat kontinwament jimporta varjetajiet diversi bl-iskop li tiżdied il-varjetà u produttività. Id-Dipartiment ma jkunx infurmat b’dawn il-varjetajiet.

Ċentru San Franġisk — statistika dwar klieb

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm daħlu klieb fiċ-Ċentru San Franġisk minn meta fetaħ sal-lum? Kemm minnhom traqqdu u kemm minnhom ingħataw il-kura? Jista' jgħid kemm intnefqu flus fuq kull kelb li ma traqqadx?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba għall-klieb li ddaħħlu fiċ-Ċentru San Franġisk mis-servizzi tal-Animal Ambulance operat mill-Animal Welfare Department tal-Gvern.

Micro chipping ta' klieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi grupp ta' klieb li minħabba xi raġuni jew oħra għandom jiġu eżentati mill-micro chipping bħal, per eżempju, klieb li diġà għaddew minn xi trawma?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali niehda regolament ġodda (AL 199 tal-2011) sabiex kull kelb f’pajjiżna ssirlu ċippa zgħira ħafna injettata taħt il-ġilda tal-kelb intrascapulae (bejn l-ispalel). Din iċ-ċippa jkollha fiha numru t’identifikazzjoni uniku għal kull kelb. Dan in-numru hu abbinat mad-dettalji tas-sid fid-database nazzjonali (National Livestock Database). Permezz ta’ din iċ-ċippa, sid ta’ kelb jista’ jiġi identifikat b’mod faċli għax permezz ta’ apparat apposta l-informazzjoni ta’ gewwa ċ-ċippa tista’ tinqara. Għalhekk f’każijiet fejn kelb jintilef, jitħalla abbandunat, ikun involut f’xi inċident, u f’kull każ ieħor l-informazzjoni kollha marbuta mal-kelb u s-sid tkun aċċessibli. Dawn ir-regolamenti l-ġodda issa jipprovdu li sa Ġunju 2012, kull min għandu kelb irid jirreġistrah billi jieħdu għand veterinarju tal-għażla tiegħu sabiex isir il- microchipping. Għalhekk is-sid ser jiġi mitlub iħallas il-prezz ta’ €11.80 (VAT inkluż) fil-każ ta’ klieb imsewwija u €22.70 fil-każ ta’ klieb mhux imsewwija. Din id-diskrepanza fil-prezz hija bbażata fuq il-prinċipju li kelb imsewwi jelimina l-possibilità li jiżdied in-numru tal-klieb li jiġġerrew fit-toroq. Dan il-ħlas jinkludi l- microchip , l-injezzjoni tagħha u l-liċenzja, u se jieħu post il-liċenzja annwali ta’ €2.33 li kienet titħallas lill-Pulizija. Hu kkalkulat li kien hemm mal-500 annimal li tħalsitilhom il-liċenzja. Hu kkalkulat li kelb jgħix minn tal-anqas 10 snin għalhekk is-sidien sal-lum kienu obbligati li jħallsu €23.30 fuq 10 snin. Din is-sistema issa ser tispiċċa u dan il-ħlas mhux ser jibqa’ isir. Ser inkunu qed inressqu emendi għall-Att tal-Klieb fil-ġimgħat li ġejjin. L-għanijiet prinċipali ta’ dawn ir-Regolamenti huma: · Li jkun hawn aktar kontroll fuq il-klieb ħalli jkollna anqas klieb mitluqa fit-toroq. · Anqas periklu għas-saħħa pubblika. · Anqas tixrid ta’ mard serju fost il-klieb. · Tinħoloq database ċentrali b’reġistru sħiħ tal-informazzjoni kollha rigward il-klieb u s-Sidien tagħhom. Il-klieb li jiġu rreġistrati taħt din is-sistema ġdida għandhom jitlibbsu midalja (badge) provduta minn sidhom li fuqha jkun hemm il- contact number tas-sid. Dan juri li l-kelb huwa rreġistrat u lliċenzjat skond il-liġi. Sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm abbuż tas-sistema, ir-regolamenti jaħsbu wkoll għal numru ta’ multi. Dawn il-multi jidħlu fis-seħħ fiċ-ċirkostanzi fejn: § persuna jkollha fil-pussess tagħha kelb li sa’ Gunju 2012 (u wara din id-data sakemm joħorġu n-nejbiet t’isfel) ma tkunx irreġistrat il-kelb skont dawn ir-regolamenti, jew tagħti informazzjoni skorretta, inkompleta jew falza fil-formola ta’ reġistrazzjoni. Il-multa f’dan il-kaz hi ta’ €300. § Fl-eventwalità li kelb li jkun ġie reġistrat u liċenzjat jirriżulta li ċ-ċippa ma tistax tinqara, is-sid jew il-persuna li jkollha fil-pussess tagħha dan il-kelb jeħel multa ta’ €500 sakemm ma jiġix ippruvat li ċ-ċippa għadha preżenti fil-kelb. Dan il-provediment qiegħed hemm sabiex ħadd ma jipprova jaqla’ jew ineħħi l-microchip minn ġol-kelb. Tqassmet ukoll pubblikazzjoni informattiva f’kull residenza f’Malta u Għawdex. Sa’ llum gew microchipped ‘l fuq minn 6,500 kelb

residenzi li għandhom solar panels u solar water heaters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm residenzi għandhom solar panels u solar water heaters?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni miġbura tikkonċerna biss dawk is-sistemi li nxtraw permezz ta’ skemi li kienu amministrati mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi matul dawn l-aħħar snin u għalhekk din l-informazzjoni ma tinkludix dawk is-sistemi, b’mod partikolari ta’ solar water heaters, li kienu nstallati fuq bażi privata lil hemm minn dawn l-iskemi Mill-2008 ‘il hawn kienu nstallati 1,761 sistema ta’ pannelli fotovoltajċi fuq ir-residenzi u 6,199 solar water heaters minn persuni li bbenefikaw minn grant. Mir-records li għandha l-MRA hemm ukoll 278 sistema oħra ta’ pannelli fotovoltajċi li huma nstallati fuq djar privati. Din l-informazzjoni ingħatat mill-pubbliku stess lill-MRA. Dawn huma ta’ persuni li qatt ma applikaw biex jieħdu grant jew inkellha nstallaw sistema addizzjonali għal dik is-sistema li bbenefikat minn grant.

Tindif tal-Bajja ħdejn il-Casino f'San Ġiljan

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta tnaddfet l-aħħar qabel il-Ħadd, 18 ta' Settembru, 2011 l-bajja pubblika biswit il-Casino f'San Giljan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-tindif tal-bajja pubblika ħdejn il-Casino f'' San Ġiljan jsir kulljum mid-Direttorat għat-Tindif. F'din il-bajja hemm 14-il kontenitur kif ukoll kontenituri oħra biex jista’ jintrema fihom il-faħam wara l-BQ's. Dawn il-kontenituri jitbattlu kuljum inkluż is-Sibtijiet, il-Ħdud u l-Festi.

Għammieri — informazzjoni rigward ħaddiema

Question

Billi għaddew aktar minn tliet xhur minn mindu saret il-mistoqsija parlamentari 27631 dwar overtime, time off in lieu, allowances u qualification allowances ta’ ħaddiema partikolari, jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija??

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jerġa’ jitlob l-informazzjoni dwar ħlas ta’ overtime ta’ impjegat fis-Servizz Pubbliku xahar b’xahar meta kont diġa spjegat fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26738, se jkolli nerġa’ nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li il-ħlas ta’ salarji mal-gvern ma jsirx fuq bażi kalendarja iżda fuq ċikli ta’ erba’ ġimgħat. Barraminhekk se jkolli nerġa’ infakkru wkoll li l-ħlasijiet Addizzjonali li mhumiex regolari ma jikkoinċidux u ma jirrapreżentawx il-ħlas dovut la għall-perjodu tas-salarju u wisq inqas għal perjodi ekwivalenti tal-ħlas tas-salarju u mhux neċessarjament jitħallsu lill-kullħadd kontemporanjament għall-istess perjodi u l-anqas neċessarjament għal perjodi fl-istess sena kalendarja. Din il-prattika hija waħda użata b’mod wiesgħa fid-dinja tax-xogħol b’mod partikolari fl-ambjent Governattiv fejn il-proċess ta’ approvazzjoni huwa twil u metikoluż biex ikun żgurat kemm it-trasparenza kif ukoll l-‘accountability’. F’każ li l-Onorevoli Interpellant mhux kurrenti mar-regolamenti viġenti fis-Servizz Pubbliku, kif mitlub mill-istess regolamenti u proċeduri stabbiliti, qabel ma fil-fatt jinħadem l-overtime kull Kap ta’ Dipartiment kull tlett xhur jisottometti estimi ta’ x’inhu l-overtime li jkun previst meħtieg għall-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti. Suġġetta għal din l-approvazzjoni, kull overtime jkun ordnat mill-Kap tad-Dipartiment u li skont l-istess proċedura il-Kap tad-Dipartiment jissottometti rikomandazzjoni għall-ħlas għall-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti. Tajjeb li nerġa ngħidlu wkoll li filwaqt li hija l-prattika li kemm jista’ jkun l- overtime jitqassam b’mod ekwu fis-sezzjoni, dan jiddependi totalment fuq in-natura tax-xogħol tas-sezzjoni/Dipartiment kif ukoll mill-ħiliet mitluba fl-okkazzjoni partikolari li dan ix-xogħol ikun irid iseħħ. Nissuggerixxi lill-Onorevoli Interpellant jerġa’ jaqra t-tweġiba li tajt għall Mistoqsija Parlamentari 26738 li kien ressaq l-istess interpellant għal aktar informazzjoni Għaldaqstant fid-dawl tar-raġunijiet imsemmija hawn qabel partikolarment kif spjegat fl-ewwel parti, kif ukoll fid-dawl ta’ dak li kont spjegat fitt-tweġiba li tajt għall Mistoqsija Parlamentari 26738, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi dokument bl-informazzjoni tal-individwi identifikati mill-Onorevoli Interpellant għall-perjodu mitlub.

Rapport ta' Ħidma tal-Gvern 2008-2013 — kopji stampati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27171, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-kopja tar-rapport ta' ħidma tal-Ministeru tiegħu tqassmu fid-distretti elettorali li l-Ministru jikkontesta u lil min, billi kien hemm min irċieva kopji tagħhom mingħajr ma talab għalihom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tqassmu madwar 500 kopja f’indirizzi ta’ persuni li jiġu mid-9 u mill-10 Distrett. Nirrepeti li dawn intbagħtu lill-persuni li kienu matul is-snin li għaddew indikaw li kienu interessati li jirċievu nformazzjoni fuq il-ħidma ta’ dan il-Ministeru u tal-Gvern ingenerali. M’inix infurmat li kien hemm min ilmenta għax irċieva kopja tar-rapport imsemmi. F’kaz li l-Onorevoli Interpellant għandu xi informazzjoni f’dan ir-rigward, inkun grat jekk jgħaddihili ħalli ma terġax tintbagħat din l-informazzjoni lill-persuni kkonċernati.

Produzzjoni tal-laħam tat-tjur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-laħam tat-tjur (broilers) friski matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment responsabbli mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika.

Produzzjoni tal-laħam tal-majjal frisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-laħam tal-majjal frisk matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment responsabbli mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika.

Produzzjoni tal-laħam taċ-ċanga friska

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-laħam taċ-ċanga friska matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment responsabbli mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika.

Produzzjoni tal-laħam tal-fenek frisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-laħam tal-fniek friski matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2011 ġew maqtula fiż-żewg bicceriji approvati, 32,763 fenek, li huwa stmat li jkollohom piż ta’ bejn wiehed u iehor 1.3kg ir-ras.

Qabda tal-ħut frisk reġistrat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-qabda tal-ħut frisk reġistrat matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment responsabbli mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika.

Produzzjoni lokali tal-bajd frisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-bajd frisk matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-produzzjoni lokali ta’ bajd frisk matul l-ewwel disa’ xhur ta sena maħduma bħala stima skont in-numru ta' tiġieġ tal-bajd reġistrati fil-perjodi imsemmi, kienet approssivament ta’ 3,042,000 tużana.

Animal Welfare Department — infiq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-budget tal-Animal Welfare Department, f'dawn l-aħħar tliet snin fi sponsors, reklami, rigali għall- kompetizzjoni fuq programmi tat-televizjoni, prodotti minn stazzjonijiet, production houses u producers privati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'seduta oħra.