Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Persuni taħt arrest jew biex jiskontaw sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu effettivament il-persuni li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul is-sena 2024 jew li kienu taħt arrest jew biex jiskontaw sentenza?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 kien hemm 891 persuna li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Persuni taħt arrest jew biex jiskontaw sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu effettivament il-persuni li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fis-sena 2025, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jew li kienu taħt arrest jew biex jiskontaw sentenza?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Frar 2025, daħlu 181 persuna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li minnhom 140 daħlu arrestati u 41 b’sentenza.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Każijiet biex jiġu deċiżi aktar minn għaxar snin

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25534, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li kienu qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż u l-proċess determinat waqt li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ilhom aktar minn għaxar snin jistennew?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li t-tweġiba hija fin-negattiv.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Każijiet biex jiġu deċiżi aktar minn ħames snin

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25534, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li kienu qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż u l-proċess determinat waqt li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ilhom aktar minn ħames snin jistennew?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li persuna waħda biss.

Immigration Appeals Board — Appelli pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm appelli pendenti quddiem l-Immigration Appeals Board u jipprovdi d-data tar-reġistrazzjoni ta' kull appell li hemm pendenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ appelli pendenti quddiem l-Immigration Appeals Board jammonta għal 4,914.

Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati — Impjegati full-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati full-time fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jgħid min huma, f'liema kariga ġew appuntati u meta ġew appuntati? Jista' wkoll jindika kemm telqu jew tneħħew/tkeċċew nies li kienu jaħdmu full-time fl-Akkademja u jindika meta spiċċa l-inkarigu tagħhom u għal liema raġuni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ impjegati fl-Akkademja tal-Forzi Armati minn Jannar 2023 sal-ġurnata li qegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija Parlamentari kien ta’ ħdax. Illum l-Akkademja għandha ħaddiema fi ħdana li huma Professjonisti u li llum qegħdin joffru korsijiet li huma akkreditati. L-Akkademja llum m’għadiex biss tħarreġ lill-Korpi Dixxiplinati imma anke ħaddiema oħra fis-settur tas-sigurta. Dan filwaqt li qegħda toffri wkoll dan li hu msejjaħ bħala continuous professional development lill-Korpi u lill-ħaddiema tas-sigurta bil-għan li jibqgħu jiġu mħarrġa b’mod kontinwu. It-tabella tindika d-dati li fihom saru l-ingaġġi fl-Akkademja. Impjegati li ġew ingaġġati bħala full-time qabel Jannar 2023: Executive Officer Manager II Assistant Principal Impjegati ingaġġati full-time wara Jannar 2023: Director of Studies 13/03/2023 Registrar 10/04/2023 Manager ll 29/05/2023 Manager ll 03/07/2023 Manager ll 20/05/2024 Registrar 01/11/2024 Manager ll 03/03/2025 Dan filwaqt li kien hemm żewġ riżenji, waħda fl-1 ta’ Awwissu 2023 u oħra fit-30 ta’ Mejju 2024. Fl-4 ta’ Awwissu 2023, irtira ħaddiem li ħareġ bl-pensjoni filwaqt li fl-16 ta’ Lulju 2023 persuna mxiet għal Dipartiment ieħor.

Programmi tas-CEPOL — Taħriġ lill-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ ingħata taħt il-programmi tal-European Union Agency for Law Enforcement Training (CEPOL) lill-Pulizija ta' Malta jew lil persuni oħra taħt dan il-programm f'taħriġ li qed isir f'Malta minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll min huma l-persuni responsabbli biex jikkordinaw dan it-taħriġ lokalment, x'laqgħat saru b'konnessjoni mas-CEPOL barra minn Malta, fejn Malta ġiet irrappreżentata, min attenda dawn il-laqgħat u jinkludi meta, fejn saru u kemm damu, kif ukoll x'kienet in-natura ta' dawn il-laqgħat/programmi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mis-sena 2023 sal-aħħar ta’ Frar 2025 kien hemm mija u tnejn u erbgħin (142) kors ta’ taħriġ li kien ko-ordinat mill-Ispettur li ilha nkarigata mit-taqsima nazzjonali tas-CEPOL mis-sena 2021, kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra, li tindika d-data ta’ meta sar it-taħriġ, in-numru ta’ parteċipanti u fejn sar, meta ma kienx online. Dwar ko-ordinament ta’ taħriġ li jsir lokalment, ikun dak imsejjaħ Activity Manager li japplika meta joħorġu grants tal-Aġenzija għal dan il-għan u mhux il-ko-ordinatur tas-CEPOL. F’Malta ġie ospitat avveniment dwar Interoperability of the EU Large Scale IT Systems - Current and Future Implementation bejn il 11 ta’ Novembru u 15 ta’ Novembru 2024, fejn ibbenefikaw żewġ parteċipanti Maltin minflok wieħed, kif tradizzjonalment isir. Dettalji mitluba dwar il-laqgħat li saru minn Jannar 2023 sal-aħħar ta’ Frar 2025, barra dawn il-gżejjer, konnessi mas-CEPOL fejn Malta kienet rappreżentata, jinsabu fit-tabella u dawn prinċipalment saru ġewwa l-Ungerija, fejn hemm il-Kwartieri Ġenerali tal-Aġenzija.

CEPOL — Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-kordinament għat-taħriġ taħt il-European Union Agency for Law Enforcement Training (CEPOL), li sa tmiem l-2022 kien isir mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, tneħħa minn idejn l-Akkademja u beda jitmexxa mill-Human Resources tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant f’din il-mistoqsija diġà ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23405.

Kwartieri Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili — Xogħlijiet fl-istazzjonijiet - Spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar l-ispejjeż relatati max-xogħlijiet kollha li qegħdin isiru fl-istazzjonijiet u l-Kwartieri Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili fil-perjodu minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jindika l-mod kif ġew inkarigati l-kuntratturi, liema hija l-kumpanija li qed twettaq ix-xogħol u x’inhi l-ispiża?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.

Għawdex — Reati relatati ma’ traffikar ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24805 u 25357 u jgħid x’inhu n-numru ta’ reati li seħħew ġewwa Għawdex li kienu relatati ma’ traffikar ta’ droga, mill-2010 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.

Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol mis-sena 2008 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kellhom edukazzjoni terzjarja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li rreġistraw għax-xogħol mis-sena 2008 sal-aħħar ta' Jannar 2025, kif ukoll in-numru ta' persuni li rreġistraw u għandhom edukazzjoni terzjarja, maqsuma sena b’sena, jinsab fit-tabella t’hawn taħt. Sena Total ta’ Persuni jirreġistraw għax-xogħol Persuni jirreġistraw għax-xogħol li kellhom edukazzjoni terzjarja 2008 6,373 70 2009 7,680 93 2010 6,606 78 2011 6,587 91 2012 6,811 113 2013 7,401 145 2014 6,287 141 2015 4,615 98 2016 2,912 72 2017 2,167 71 2018 1,765 62 2019 1,642 64 2020 2,765 158 2021 1,167 76 2022 1,046 68 2023 955 76 2024 1,115 71 2025 1,117 67

Droga rkuprata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-226 kilogramma ta’ droga li nsterqet minn ġewwa l-barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta fi Frar tal-2025, skont kif ikkonfermat il-Pulizija ta’ Malta, ġiet irkuprata sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onor. Membru jifhem li l-Ministru mhux parti mill-investigazzjonijiet. Ninsab infurmat li d-dettalji dwar dak li qed jistaqsi l-Onor. Interpellant ingħataw waqt il-kumpilazzjoni li tinsab għaddejja fil-Qrati Maltin, fejn kien spjegat kif l-investigazzjonijiet stabbilixxew li nsterqu 132 blokka li minnhom ġew irkuprati 83 blokka. Dwar dan il-każ tressqu sitt persuni l-Qorti.

Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis — Kannabis li qed tiġi pprovduta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25828 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jagħti dettalji u jgħid minn fejn qed tiġi l-Kannabis li qed tiġi pprovduta mill-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis — Ittestjar tal-kannabis

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25829 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid hux qed isir ittestjar tal-kannabis? Jekk iva, jista’ jgħid min qed jagħmel l-eżaminazzjoni tas-sustanza u xi proċedura qed tintuża biex dawk li qed jagħmlu użu jkollhom sustanza li hija eżaminata u ċċertifikata?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol – Infiq fuq hospitality

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus bħala hospitality mill-Ministeru tiegħu, xahar b’xahar minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f'hospitality, id-data ta' meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f'hospitality?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-line item ta' hospitality fl-estimi finanzjarji tal-budget, li kopja tagħhom diġà tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Santa Luċija — Domestic Violence Hub

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji persuna tintbagħat għand id-Domestic Violence Hub ta’ Santa Luċija u mhux il-hub li qiegħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li huwa iktar aċċessibbli u ċentrali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-prassi hi li l-Pulizija tad-distrett jirreferu lill-vittmi ta’ vjolenza domestika fil-hub li tkun l-eqreb lejn l-għassa fejn isir ir-rapport. Ħafna drabi saħansitra jakkumpanjaw lill-istess vittma sal-hub. Madankollu vittmi ta’ dan ir-reat huma liberi li jagħżlu u jmorru fil-hub l-aktar konvenjenti għalihom.

AFM Complaints Board — Commission for Injustices - Pagamenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699, rigward l-operat tal-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jindika x’kienu l-parametri tal-pagamenti ex gratia jew li ġew deċiżi on case by case basis?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li, kif spjegajt fil-mistoqsija parlamentari 25699, li ex-gratia payment huwa pagament wieħed li ngħata lil dawk kollha li aċċettaw id-deċiżjoni bħala full & final settlement. Mill-banda l-oħra, dawk li ngħataw raġun mill-Board u aċċettaw id-deċiżjoni, irċevew l-arretrati tal-pagi tagħhom dovuti skont il-bażi ta’ dak iż-żmien u d-differenza fir-rank, kif applikabbli.

Droga kkonfiskata — Inventarju ta’ records

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jinżammx inventarju ta' records tal-ammont ta' droga minn meta din tiġi kkonfiskata sa meta tiġi meqruda b'chain of custody ikkonfermata b'xhieda esperti? Jekk iva, x'tip ta' records jinżammu u x'tip ta' dettal ikun fihom dawn ir-records?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kull droga li tiġi maqbuda minn awtorità kompetenti, tiġi elevata minn esperti maħtura waqt l-Inkjesta Maġisterjali u wara li l-proċess kollu ta’ elevar jiġi rrekordjat, din tgħaddi l-kustodja tar-Reġistratur tal-Qrati ta’ Malta. Infurmat li il-kwantità ta’ droga u anke l-proċess ta’ transazzjoni lejn r-Reġistratur tal-Qrati jiġi kollu rrekordjat u dan kollu jkun parti mill-inkjesta Maġisterjali. Infurmat li fil-każi fejn d-drogi jew sustanzi suspettati droga, jiġu elevati waqt arresti jew operazzjonijiet tal-Pulizija, u jkunu ser jitressqu persuni l-qorti fuq tali każi, din is-sustanza tiġi elevata u preservata mill-uffiċjal inkarigat mill-każ, li jkun maħtur espert mill-Qorti, sakemm din tiġi kkonsenjata lill-espert li eventwalment ikun maħtur mill-Qorti, biex janalizza u jagħmel eżamijiet forensiċi oħra, sakemm jiġu preżentati fil-Qorti fl-Atti ta’ l-inkjesta jew waqt xi seduta meta jkun qed jitressaq xi imputat, dwar il-każ in-kwistjoni. Dawn il-proċessi huma kollha dokumentati permezz ta’ irċevuti jew aħjar ‘submission forms’ u r-rapporti li l-istess esperti jippreżentaw fil-Qorti jew lill-Maġistrat Inkwerenti. Dan barra li jkun hemm ‘file’ fuq il-każ li fih ikun hemm irreġistrat kull dettal.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Ħaddiema full-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi full-time fil-Ministeru tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kompożizzjoni tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol huwa skont il-Policy on the Engagement of Persons/Positions on a Trust Basis li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq l-Mejda tal-Kamra.