Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — impjegati nisa bi skala sebgħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati nisa fil-Ministeru, dipartiment u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma minn skala sebgħa 'l fuq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta' impjegati li huma nisa fil-Ministeru tiegħi, d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu u li hemm 'l fuq minn skala sebgħa huwa ta' 65.

Ta' Xbiex — servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tistax tinvestiga l-possibilità li l-kumpanija Arriva li toffri servizz mill-Isptar Mater Dei għall-Housing Estate ta' Ta’ Xbiex tagħmel arranġament simili għaliex residenti tal-estate u tal-inħawi tal-madwar biex imorru l-isptar ikollhom jimxu mixja twila sa fejn id-dar tal anzjani privata li hemm fix-Xatt tal-Imsida qabel wieħed jaqbad it-triq għal Gwardamanga?

Response (GATT, AUSTIN)

Nistqarr li m'hinix ċert x'ihnu jsaqsi preċiż l-Onor. Interpellant. Inżid iżda li ninsab infurmat li mill-iskeda tas-sajf 2012, b 'żieda mas-servizzi eżistenti, se jibda jingħata għall-ewwel darba servizz max-Xatt Ta' Xbiex li jmur kemm tas-Sliema, kif ukoll il-Belt Valletta wara li jgħaddi mill-Imsida.

Żejtun — rotta tal-linja li twassal sa ħdejn l-isptar

Question

Jista' l-Ministru jara jekk li l-karozza tal-linja li titlaq miż-Żejtun għall-isptar (il-210) twassal - bħalma jagħmlu karozzi oħrajn - lill-passiġġiera (li wħud minnhom ikunu morda u anzjani) sal-bieb tal-isptar u mhux ħdejn l-entratura tal-Università?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bit-tibdiliet li se jidħlu fis-seħħ fis-27 ta’ Mejju li ġej r-rotta 210 se tibda tieqaf kemm quddiem il-bieb tal-isptar kif ukoll ħdejn l-entratura tal-Università.

Impjegati mid-Direttorat tal-Infurzar — roster

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li żewġt impjegati mid-Direttorat tal-Infurzar dejjem toħroġilhom roster sabiex jesegwixxu xogħol fil-Belt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi peress li s-sistema tal-bollard fil-Belt Valletta tirrikjedi li jkun hemm dejjem u f’kull ħin, jiġifieri 24 siegħa kuljum, il-ġimgħa kollha, uffiċċjali ta’ Transport Malta disponibbli, għalhekk huwa prattikabbli li dawn l-uffiċċjali jagħmlu dan ix-xogħol.

Dipartiment tal-Infurzar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex iċ-Chief Officer, Senior Manager jew il-Manager tad-Dipartiment tal-Infurzar qatt ma ħadu azzjoni fil-konfront tal-impjegat mill-istess direttorat meta dan ma jilbisx l-uniformi bħal sħabu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm każijiet fejn impjegati ta' dan id-direttorat li ma jilbsux l-uniformi bħal sħabhom u ma jittieħdux passi dixxiplinarji, iżda jekk l-Onor. Interpellant jaf b'xi każ allura nitolbu jindikahuli.

Belt Valletta — crash barrer f'Xatt il-Barriera

Question

Jista' l-Ministru jgħid lil min Transport Malta għaddiet ix-xogħol sabiex tiġi rranġata crash barrier f'Xatt il-Barriera l-Belt Valletta? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa għal din il-biċċa tax-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-crash barrier in kwistjoni ma ssewwiex minn Transport Malta.

MNL — esperti xjentisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-esperti impjegati mal-Malta National Labortory idumu ħafna sabiex jippreżentaw ir-relazzjonijiet tagħhom fosthom l-esperti xjentisti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Ħad-Dingli — Triq il-Kbira u Triq il-Mitħna - tabella ta' bus stop

Question

Jista l-Ministru jara li t-tabella tal-bus stop li kienet imwaħħla ma' ħajt u li issa ġiet imwaħħla ma' arblu fuq il-bankina fejn il-ħanut Hilltop fi Triq il-Kbira u Triq il-Mitħna f'Ħad Dingli, titneħħa minħabba li l-arblu fil-bankija qiegħed ta' inkonvenjent kbir għal min juża l-bankina għax ma jippermettiex li jgħaddi wheelchair jew pushchair?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt l-osservazzjoni tiegħu lil Transport Malta.

Ħ'Attard — servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li xi rotta tal-Arriva tiġi emendata biex il-vetturi jaslu sa Triq Santa Katerina Ħ'Attard fejn qabel kien hemm il-venda għax din l-area mhix milħuqa bis-servizz tat-trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hekk kif diġà ġie mħabbar fil-ġimgħat li għaddew, din iż-żona se tkun moqdija permezz tar-rotta 54 wara li jidħlu fis-seħħ il-modifikazzjonijiet li hemm maħsuba għas-27 ta’ Mejju 2012.

informazzjoni dwar anzjani

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33816 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kienu l-anzjani: a) bejn is-60 u l-74 sena; u b) minn 75 sena 'l fuq, sena b'sena, fl-2010 u fl-2011?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

kumitat ta' Regatta Bormla — kumpens minħabba danni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumitat ta' Regatta Bormla humiex intitolati għal xi kumpens u dan wara li soffrew danni kbar bi ħsarat li rriżultaw minħabba x-xogħliiet marbuta mal-proġett ta' Dock 1 u Xatt ir-Risq? Jekk fl-affermattiv, min hu responsabbli li jikkumpensa lill-klabb?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Grand Harbour Regeneration Corporation mhix responsabbli għal xi kumpens. Il-kuntrattur għandu l-obbligu li jħares id-drittijiet ta' terzi.

Bajja ta' Rinella Kalkara — triq mġarffa

Question

Peress li ftit tax-xhur ilu it-triq fuq il-Bajja ta' Rinella Kalkara ġġarrfett sabiex tista' tkun ta' periklu, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ttieħdu jew se jittieħdu sabiex jitneħħa kull periklu l-aktar issa li qed joqrob is-sajf u din il-bajja tkun aktar iffrekwentata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta' tiswija fuq retaining wall ser isir mid-diviżjoni tax-xogħlijiet tal-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Ladarba x-xogħol tal-bini mill-ġdid tal-ħitan jitlesta, Transpot Malta tagħmel ix-xogħol neċessarju fuq il-bażi u l-wiċċ tat-triq.

Xogħol ta' bdil ta' katusi tal-komun

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol tant bżonnjuż ta' bdil ta' katusi tal-komun fl-indirizz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Xagħra — Triq Ġnien Imrik - kumulu tal-ilma

Question

Peress li r-residenti ta' Triq il-Ġnien Imrik fix-Xagħra Għawdex senjatament il-parti ta' isfel tat-triq li tiġi l-iktar qrib tal-lukanda Cornucopia qed jilmentaw minħabba kumulu ta' ilma li jinġabar meta tkun ix-xita u dan qed joħloq inkonvenjent għar-residenti, jista' l-Ministru jara kif din il-problema tiġi riżolta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accomodation) li fiha kien involut il-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari inkluż l-uffiċjali li marru magħhom? Fejn kienet id-destinazzjoni u minn akkumpanjahom matul l-2011?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ta' Xbiex, Imsida u Birkirkara — toroq li għandhom bżonn wiċċ ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq ix-Xatt ġewwa Ta' Xbiex/Imsida, Triq Ellul Mercer ġewwa Ta' Xbiex/Imsida u Valley Road f'Birkirkara, hemmx xi ħsieb li jingħataw xi wiċċ ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Triq ix-Xatt ġewwa Ta' Xbiex/Imsida hija triq li taqa' taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali. Madankollu se jingħata wiċċ ġdid minn Transport Malta f'parti sostanzjali minnha. Fil-ġimgħat li ġejjin se jsir ukoll xogħol f'Misraħ Ellul Mercer ġewwa l-Imsida. Għalissa mhemmx pjan li Valler Road f'Birkirkara tingħata wiċċ ġdid.

Arriva — rotta 82 - dewmien

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed tiġi mmonterjata r-rotta 82 tal-Kumpanija Arriva? Jista' jgħid x'inhu jsir sabiex ir-residenti tal-Birżebbuġa ma jkollhomx dewmien ta' sagħtejn jew aktar għal dan is-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta kienet qiegħda tissorvelja kontinwament ir-rotta 82 mis-27 ta' Frar sal-15 t'April 2012, kemm bejn is-sebgħa u l-ħdax ta' filgħodu u wara nofsinhar bejn is-sagħtejn u l-ħamsa. Infurmat ukoll li kif jirriżulta minn dan l-istħarriġ li sar fuq medda ta' 49 ġurnata kien hemm: a) 1.95% biss tal-vjaġġi li kienu tard tant li kien hemm stennija ta' bejn 40 u 44 minuta; u b) 0.73% tal-vjaġġi kienu tard tant li kien hemm stennija ta' madwar siegħa. Transport Malta baqgħet tissorvelja din ir-rotta u qiegħda tieħu azzjoni hekk kif inhu stiġulat fil-kuntratt bejn Transport Malta u Arriva. Sadattant ġew applikat il-multi applikabbli għal dawn l-episodji.

Transport Malta — Chief Executive Officers - personal assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid min fejn ġie ngaġġat il-personal assistant taċ-chief executive officers għal mat-Transport Malta? Jista' jgħid jekk kenitx inħarġet call for application għal din il-post? Jista' jgħid x'tip tax-xogħol qed jesegwixxi? Jista' jindika kemm hu s-salarju flimkien mal-benefiċċji provduti lilu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma ġiex ingaġġat personal assistant għaċ-chief executive officer.