Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif iddettaljat dwar it-tipi ta’ xogħol li qed jitwettaq mill-Programm LEAP sabiex persuni joħorġu mill-faxxa ta’ faqar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-għan prinċipali taċ-ċentri LEAP huwa, li persuni vulnerabbli isibu spalla, gwida u għajnuna professjonali f’diversi oqsma.
Il-ħaddiema kollha tal-LEAP, iwettqu ħidma f’dak li hu
profiling
tal-familji vulnerabbli, sabiex jiġi indikat u mfassal pjan ta’ ħidma soċjali u tingħata l-għajnuna speċifika li l-familji vulnerabbli għandhom bżonn. Fil-fatt saru madwar 18,200 profil f’dawn l-oqsma li ġejjien;
· 800 profil ta’ persuni b’diżabilita`.
· 8,770 profil ta’ persuni li jibbenefikaw mill-iskema FEAD (tqassim tal-ikel koffinanzjat mill-Unjoni Ewropea)
· 6,177 profil ta’ persuni li jibbenefikaw mill-iskema SFFD (tqassim tal-ikel imħallas mill-Istat)
· 470 ‘il familji sabiex tibbenefika mill-iskema tal-
White Goods
b’kollaborazzjoni mall-
Water and Energy Agency
fejn 277 minhom diġa ġew assistiti u il-meħtieġ mogħti.
· ‘l fuq minn 2,000 familja li huma fil-lista tal-Awtorita` tad-Djar u li b’kollaborazzjoni mal-LEAP qiegħed issir profil fid-djar tagħhom.
B’kollaborazzjoni ma’ Ministeri u entitajiet oħra, il-LEAP jista’ jgħin aktar familji itejbu l-istil ta’ ħajja tagħhom u ukoll jaħdem ma’ aktar familji fil-bżonn. Din l-għajnuna li qiegħda tingħata tikkonsisti f’ħidma ma’;
- Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u n-National Literacy Agency sabiex ngħinu lit-tfal li ġejjin minn familji vulnerabbli u b’nuqqas ta’ ħiliet kif ukoll ħidma mal-Life Long Learning ;
- Ħidma mal-Water and Energy Agency sabiex jiġu mgħejuna l-familji bi dħul baxx fejn jidħlu użu ta’
appliances
;
- Kollaborazzjoni mal-JobsPlus u mal-Malta Enterprise għal għajnuna relatata ma’ tfittxija ta’ impjieg jew lil dawk li jeħtieġu għajnuna biex jiftħu intrapriża tagħhom;
- Ħidma mas-Servizzi Korrettivi ta’ Kordin sabiex dawk li jkunu qed jiskontaw is-sentenza tagħhom tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni lura tagħhom fis-soċjeta`,
- Kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali rigward it-tqassim tal-ikel;
- Ħidma mal-Awtorita` tad-Djar sabiex tingħata l-għajnuna lil dawk li huma fil-bżonn meta jkunu ser jieħdu loan sabiex ikollhom l-proprjeta` tagħhom.
- Promossi ta’ korsijiet li jsiru fil-lokalitajiet bħal
Għaqal id-dar
, korsijiet tal-kompjuters,
parental skills programmes
u inizzjattivi oħra li l-kunsilli jniedu bl-għan li nilħqu kull faxxa tas-soċjeta`;
Dan u ħafna aktar qiegħed jiġi mbuttat hekk kif l-għan tagħna huwa li npoġġu dejjem fuq quddiem tal-aġenda, l-għajnuna soċjali u li din tassew tingħata lil min għandu bżonnha.
Aġenzija Sapport — Ċentru ta’ Żvilupp Professjonali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie inawgurat iċ-Ċentru ta’ Żvilupp Professjonali għall-impjegati tal-Aġenzija Sapport? X’taħriġ ġie organizzat minn mindu nfetaħ u kemm-il professjonist ħa sehem f’dan it-taħriġ?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ċ-Ċentru ta’ Żvilupp Professjonali tal-Aġenzija Sapport, f’Santa Venera, ġie inawgurat fid-29 ta’ Marzu 2017. Dan iċ-ċentru jinkludi faċiitatjiet għall-konferenzi, seminars u taħriġ. Minn meta ġie inawgurat, saru diversi sessjonijiet ta’ taħriġ organizzati mill-Aġenzija, għall-istaff tagħha. Dan it-taħriġ jinkludi, taħriġ għall-benefiċjarji ta’ proġetti tal-UE, mmexxija mill-Aġenzija u benefiċjarji ta’ skemi oħra fi ħdan l-Aġenzija, u kif ukoll induction training flimkien ma’ taħriġ speċjalizzat ieħor, lill-istaff tal-Aġenzija.
Dan iċ-ċentru jakkomoda fuq bażi regolari, gruppi ta’ sapport u
workshops
għall-ġenituri u aħwa ta’ persuni b’diżabilità u gruppi ta’ sapport lil staff minn aġenziji oħra fis-servizzi soċjali.
Mhuwiex possibli li tingħata figura totali ta’ kemm kien hemm benefiċjarji, (staff, klijenti u membri tal-pubbliku) li ġieli għamlu użu minn dawn il-faċilitajiet, hekk kif dan iċ-Ċentru jintuża regolarment għal attivitajiet varji kif diġa’ ġie elenkat u ma tinżammx statistika.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni b’diżabilità li joqogħdu f’Marsaskala skont ir-Reġistru Nazzjonali Persuni b’Diżabilità tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD)? X’inhija d-diżabilità tagħhom? X’etajiet għandhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Il-Kummissjoni iżżomm statistika fuq il-persuni kollha li tinħarġilhom identifikazzjoni għall-finijiet tad-diżabbilta` tagħhom (Special ID u European Disability Card), u tippubblika statistika nazzjonali f'dan ir-rigward, kull sena, fir-rapport annwali tagħha, li jitpoġġa wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward ta' statistika mqassma skont l-lokalita`, in-konsiderazzjoni tad-daqs ta' Malta, u l-possibilita` ta' stigma li tista' titpoġġa fuq lokalita` partikolari, il-Kummissjoni hija tal-fehma illi jekk tagħti tali statistika kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, ikun qiegħed jinkiser Artiklu 5 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilita' (UN CRPD), illi jittratta l-Ugwaljanza u n-Non-Diskriminazzjoni.
Għal din ir-raguni, il-Kummissjoni mhux f'pożizzjoni li tagħti tali` statistika kif mitlub.
Jista’ l-Ministru jindika aktar tagħrif dwar ‘Skema Nikru Biex Nassistu’? Jista’ jpoġġi kopja ta’ kuntratt (mingħajr ismijiet) li jsir bejn sid il-post u l-Gvern, fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-kuntratt li jsir bejn sid il-post u l-Gvern, taħt l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, jirrifletti l-kundizzjonijiet illi kienu ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern, fl-1 ta’ Settembru 2017.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7441 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-eks ħaddiema tal-Gas Board (li fl-1977 ġiet tagħmel parti mill-Enemalta) jingħataw kumpens finanzjarju?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7442 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm jammontaw l-eks ħaddiema tal-Gas Board li effetivament jintlaqtu mill-possibilità ta’ kumpens?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jsegwi l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li ilha sitt xhur rikoverata fl-Isptar Mater Dei u għadha ma ngħatatx sodda f'Dar tal-Anzjani?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità qed isegwi mill-qrib dan il-każ u nforma lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex diversi anzjani ilhom ġimgħat sħaħ mingħajr is-servizz ta’ Home help?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, dan sar minħabba li ma kienux qegħdin jinstabu ħaddiema biżżejjed, sabiex jaħdmu bħala home helpers. Din il-problema qegħda tiġi ndirizzata billi dan il-Gvern ta’ żieda lill-persuni li jaħdmu bħalha Home Helpers mal-kuntrattur. Dawn il-ħaddiema, issa ħadu żieda fis-salarju tagħhom ta’ €28 fil-ġimgħa.
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – dettalji ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li d-dettalji tagħha ma nstabux fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali m’għandux dettalji tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għax minbarra li hi persuna barranija, qatt ma kienet benefiċjarja tal-istess Dipartiment.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex social worker iżur din il-familja peress li dan l-anzjan għandu tifla ta’ 57 sena b’diżabilità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, s-social worker ser iżżur il-familja tal-individwu msemmi.
Diskriminazzjoni abbażi ta’ sess fi skemi ta’ sigurtà soċjali
Question
Minkejja l-fatt li dan il-Gvern jisħaq li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess hija prijorità u peress li għad hemm referenzi fi skemi tas-sigurtà soċjali li jiddistingwu bejn il-kontribuzzjonijiet abbażi fuq jekk il-persuna hix mara jew raġel u eżempju ta’ dan jinsab f'A.L. 6 ta' 2018 Att dwar is-Sigurtà Soċjali (KAP.218) Ordni tal-2018 li jemenda l-Iskedi dwar Żieda fir-Rati ta' Benefiċċji, fejn f'Taqsima III hemm miktub li r-rata ta' kontribuzzjoni fil-ġimgħa hi ta "€28.99 jew 15% tal-qligħ nett jekk il-persuna hi mara li timpjega lilha nnifisha fuq bażi part-time jew student/studenta full-time li għad ma laħqitx l-24 sena u li timpjega lilha nnifisha fuq bażi part-time u l-qligħ nett tagħha fis-sena ma jeċċedix €10,051" u b'kuntrast għal dan, is-sit onlajn tal-Kummissarju tat-Taxxi jelenka l-figuri €29.51 u €10,194 rispettivament għas-sena 2018; u peress li dan qed iwassal għal tfixkil u għal dawk l-irġiel li jippreferu jaħdmu part-time self-employed biex iħallsu rati ogħla u dan ukoll qed iservi bħala indikazzjoni indiretta li jkun jaqbel aktar jekk tkun il-mara li taħdem part-time, u peress li din il-liġi qed tikkostrinġi wkoll lill-familji Maltin u Għawdxin fid-deċiżjonijiet tagħhom ta' kif jimmaniġjaw l-introjtu tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid xi strateġija għandu l-Gvern biex il-liġijiet il-ġodda ma jkomplux jinkludu diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel u biex liġijiet antiki jiġu aġġornati mill-aktar fis possibli?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, din il-klawsola ddaħħlet fl-2011, biex tinkoraġġixxi nisa jirregoralizzaw ruħhom fix-xogħol li jkunu qed jaħdmu fih u jħallsu l-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, sabiex meta jaslu għall-eta` tal-irtirar tagħhom, ikunu jistgħu jikkwalfikaw għal xi forma ta’ pensjoni kontributorja f’isimhom. Din il-klawsola per se, mhux toħloq diskriminazzjoni, minħabba li tfittex li tgħin biex tirregolarizza settur, li hu predominentament magħmul minn nisa.
Inżid ninforma ukoll lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Kapitlu tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali mhuwiex kif ikkwotat minnha, imma Kapitlu 318 tal-Liġijiet ta’ Malta. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant ukoll li, l-Avviż Legali Numru 6 tal-2018 qiegħed jirreferi għar-rati tas-sena 2017. L-Avviż Legali li jirreferi għar-rati tas-sena 2018, huwa l-Avviż Legali Numru 195 tal-2018.
Huwa għal din ir-raġuni li hemm kuntrast kif qed jingħad mill-Onorevoli Interpellant bejn l-Avviż Legali msemmi minnha u l-informazzjoni fuq s-sit uffiċjali tal-Kummissarju tat-Taxxi.
Ta’ min jirrimarka wkoll li kemm l-Avviż Legali (Numru 195/2018) kif ukoll is-sit tal-Kummsarju tat-Taxxi, jirreferu għal rata ta’ €29.41 u mhux dik ta’ €29.51 kif qed telenka l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li qed jiġi rifjutat milli jidħol f'dar tal-gvern meta saħħtu qed tmur lura?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, qed isegwi mill-qrib dan il-każ u nforma lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ilha żmien titħabat biex tidħol f'home?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, qed isegwi mill-qrib dan il-każ u nforma lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu blue badge stickers mis-sena 2008 sal-lum, sena b’sena? Jista’ jgħid kemm ittieħdu blue bladge stickers mis-sena 2008 sal-lum, sena b’sena? Jista’ jagħti anke total ta’ blue badge stickers li kienu maħruġa f’Malta u Għawdex mis-sena 2008 sal-lum, maqsuma sena b’sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej ;
Blue Badges Ġodda
Sena
Malta
Għawdex
Total
Ritornati
2008
705
57
762
147
2009
634
52
686
180
2010
685
53
738
655
2011
846
60
906
840
2012
828
65
893
979
2013
875
73
948
976
2014
889
85
974
948
2015
1065
98
1163
805
2016
1100
96
1196
1155
2017
1222
124
1346
1066
Sal-aħħar ta' Ottubru 2018
960
117
1077
800
Nota : Tiġdid ta'
Blue Badges
mhumiex inklużi fit-tabella
.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f’kull entità li għaliha hu responsabbli f’festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol u simili mill-2013, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha, hekk kif mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid għand min mar il-flat battal li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jikkonferma, jekk il-flat marx għand membru tal-familja ta' xi ħadd li jgħix fl-istess blokk ta' flats?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar ma tħossx li għandha tgħaddi din l-informazzjoni sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwi konċernati.
Aġenzija Appoġġ – każijiet ta’ tfal li jitħallew waħedhom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħda tagħmel l-Aġenzija Appoġġ kontra l-ġenitur/i li jħallu t-tfal iż-żgħar tagħhom waħedhom mingħajr superviżjoni waqt li huma jkunu qed jaħdmu? Kemm-il każ kien hemm matul dawn il-ħames snin li għaddew? Min jista’ jieħu ħsieb it-tfal iż-żgħar meta l-ġenituri tagħhom ma jkunux id-dar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, każijiet bħal dawk li qiegħed jirreferi għalihom, huma rari ħafna, hekk kif illum il-ġurnata, l-Gvern investa f'child care centres bla ħlas, kif ukoll f'ċentri mmexxija mill-FES għal wara l-ħin tal-iskola.
F'każijiet rari fejn sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu għall-attenzjoni tal-Aġenzija Appoġġ, issir ħidma sabiex nedukaw lill-ġenituri, dwar is-servizzi offruti. Każijiet ta’ individwi li jirriżulta li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet fil-ħajja tagħhom, jingħataw l-attenzjoni meħtieġa mill-ħaddiema tas-servizzi fil-komunità, hekk kif il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, taħdem man-nies biex tgħinhom jegħlbu l-isfidi li jkunu għaddejjin minnhom u jirrealizzaw il-potenzjal u l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal fiex jikkonsisti l-Proġett JESS u meta kien twaqqaf? Kemm huwa twil dan il-kors ta’ taħriġ indirizzat l-aktar għall-persuni b’diżabilità? Kemm hija l-allowance fil-ġimgħa mogħtija lill-parteċipanti ta’ dan il-kors? Kemm kien hemm parteċipanti s’issa li nstabilhom impjieg? X’kienu l-impjiegi li nstabulhom dawn il-persuni b’diżabilità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.