ERA – Ilmenti dwar irwejjaħ mill-impjant tal-Aquaculture Resources Ltd
Question
Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm-il ilment irċeviet l-ERA dwar irwejjaħ insapportabbli ta' ħut minn mindu beda jopera l-Impjant tal-Aquaculture Resources Ltd? Kemm-il spezzjoni saret mill-ERA f'dan l-impjant, inkluż wara li rċeviet l-ilmenti dwar l-irwejjaħ? X'kien ir-riżultat tal-investigazzjonijiet? X'azzjoni ħadet l-ERA?
Response (DALLI, MIRIAM)
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed tinvestiga rapporti ta’ rwejjaħ li rċeviet mingħand residenti u postijiet tax-xogħol madwar Birżebbuġa, kif ukoll mingħand il-Kunsill Lokali. L-uffiċjali ta’ l-Awtorità wettqu u għadhom qed jagħmlu sensiela ta’ spezzjonijiet ta’ monitoraġġ fl-inħawi. Dawn jinkludu monitoraġġ fuq l-impjant il-ġdid tal-ħut fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far, li bħalissa jinstab fil-fażi ta’ ‘commissioning’ sabiex fi ftit jiem oħra, l-apparat kollu u s-sistemi ta’ mitigazzjoni jkunu operazzjonali. L-Awtorità qed issegwi dan il-proċess sabiex dan jitlesta malajr kemm jista’ jkun.
L-Awtorità qiegħda wkoll tagħmel spezzjonijiet f’żoni oħrajn li jistgħu jkunu kawża ta’ rwejjaħ, inkluż fuq mollijiet u impjanti ta’ akkwakultura li jistgħu jikkontribwixxu għall-irwejjaħ, biex jiġi kkonfermat illi l-miżuri ta’ mitigazzjoni neċessarji għall-kontroll tal-irwejjaħ huma implimentati. L-Awtorità ħarġet ukoll istruzzjonijiet lill-operatur ta’ fish farm fil-viċinanzi sabiex jassigura li l-attivitajiet mal-moll jinżammu tajjeb u mingħajr irwejjaħ, hekk kif dawn ukoll jistgħu jilħqu żoni residenzjali fil-viċin minħabba rjieħ prevalenti.
L-ERA ser tkompli twettaq spezzjonijiet ta’ monitoraġġ f’din iż-żona f’dawn il-jiem.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Impjant tat-Tisfija tad-Drenaġġ li hemm fil-Qasam Industrijali ta' Ħal Far hux qiegħed ikkomunikat mas-sistema tad-drenaġġ? Jista’ jgħid jekk hux qiegħed jintuża b'xi mod u jekk hemmx mod kif ilma minn dan l-impjant qed imur fil-baħar? Jekk l-impjant mhux qed jintuża, hemm xi ħsieb dwar x'se jsir minnu u jekk jistax jitneħħa ħalli l-area tiġi fl-istat oriġinali tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Ħal Far mhuwiex operabbli u lanqas ma huwa mqabbad mas-sistema tad-drenaġġ.
Id-drenaġġ iġġenerat fil-Qasam Industrijali jiġi interċettat minn pumping station li hija mqabbda mas-sistema tad-drenaġġ u b’hekk l-ebda ilma ma jista’ jmur il-baħar mill-impjant. Jekk jintużax l-impjant fil-futur se jiddependi fuq diversi fatturi fosthom ir-riżultat ta’ eżerċizzju ta’ reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament Tad-Drenaġġ (91/271/EC), proċess li se jiġi mniedi mill-Kummissjoni Ewropea fix-xhur li ġejjin u li se jieħu madwar sentejn biex jiġi konkluż.
Għaldaqstant l-impjant mhuwiex maħsub li jitneħħa fil-futur prevedibbli.
Żoni Industrijali – charging points għal vetturi elettriċi
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru charging points għall-vetturi elettriċi fiż-żoni industrijali, fejn saru u jekk hemmx ħsieb li jiżdiedu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħalissa hemm tliet pilastri pubbliċi tal-iċċarġjar ġewwa żoni industrijali u dawn joffru żewġ punti tal-iċċarġjar kull wieħed. Dawn jinsabu fiż-żoni industrijali ta’ Bulebel, Ħal Far u Kordin u jammontaw għal total ta’ sitt punti pubbliċi tal-iċċarġjar.
Sal-aħħar tas-sena huwa ppjanat li jiġu istallati sitt pilastri pubbliċi tal-iċċarġjar oħra ġewwa ż-żoni industrijali tax-Xewkija Għawdex kif ukoll fis-Central Business District ġewwa l-Imrieħel. Dan ifisser li sal-aħħar tas-sena komplessivament se jkun hawn tmintax-il punt pubbliku tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi ġewwa żoni industrijali.
Iż-Żurrieq – Blue Grotto Avenue — xogħlijiet ta’ tqattigħ
Question
B'referenza għax-xogħlijiet ta' tqattigħ li saru fi Blue Grotto Avenue ġewwa ż-Żurrieq fis-siegħa ta’ wara nofsinhar ta’ nhar il-Ġimgħa 7 ta' Ottubru 2022, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq ma kienx infurmat b'dawn ix-xogħlijiet? Tista’ tgħid għaliex il-Kunsill Lokali ma ntalabx permess jew tal-inqas No Objection sabiex isir dan ix-xogħol? X'kienet ir-raġuni għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien xogħol ta’ emerġenza biex tissewwa ħsara imprevista f’cable tal-elettriku u allura, kif inhu permissibbli f’ċirkostanzi bħal dawn, kienet segwita l-proċedura ta’ emerġenza. F’każijiet bħal dan jinħarġu permessi apposta minn Transport Malta.
F’ċirkostanzi normali l-Kunsilli Lokali dejjem ikunu infurmati meta jkun ser isir tħaffir fil-lokalità tagħhom u x-xogħol ikun skedat mal-programm tax-xogħlijiet li jkunu ser isiru fil-lokal.
San Pawl il-Baħar — Ġnien Borg, Għajn Nastas u San Martin – tqegħid ta’ mains tal-ilma tan-new water
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2557, tista' l-Ministru tagħti indikazzjoni sa fejn fil-fatt se jitwassal l-ilma tan-new water, għaliex ma jidhirx li għandu jkun hemm diffikultà biex l-istess ilma jitwassal sal-inħawi tal-Wardija u taż-Żebbiegħ? Jekk preżentement jirriżulta li hemm xi problemi ta' pressa, billi dawn il-problemi għad jistgħu jiġu indirizzati, tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex dan isir, iktar u iktar meta fl-istess rotta tan-new water jidher li se jkun hemm ukoll mains tal-ilma tax-xorb mibdula?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infakkar lill-Onor. Interpellant fit-tweġiba li diġà tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 2557. Infurmata li x-xogħlijiet se jitwasslu sa fejn teknikament huwa possibbli llum skont il-pressa li hemm fil-post.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — konsulenzi
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlametari 338 u tagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw bejn l-2017 u l-2022? Tista’ tgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Tista’ tgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar servizzi ta’ konsulenza mitluba tiġi ppubblikata kull sitt 6 xhur fuq il-gazzetta tal-Gvern.
Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra x’passi se jittieħdu sabiex dak li hu magħruf bħala Ġnien Bormla jiġi kkurat aħjar, jissaqqa u jkun hemm aktar siġar imħawwlin fih?
Response (DALLI, MIRIAM)
Dan il-ġnien fin-Nofsinhar ta’ Malta ser ikun qed jingħata dehra aħjar billi se jsir xogħol ta' tneħħija ta' bandli u strutturi dilapitadi u mkissrin, qtugħ ta' ħaxix, tneħħija ta' siġar u arbuxelli aljeni u invażivi u flokhom se jitħawlu siġar indiġeni.
Fil-fatt diġà bdew ċertu xogħlijiet, fosthom żbir ta' siġar, qtugħ ta' ħaxix u tneħħija ta' siġar invasivi. Issa fil-perjodu tal-ħarifa ser inkunu qed inħawlu siġar indiġeni billi huwa l-istaġun ideali għat-twettiq ta' dawn ix-xogħlijiet.
In-Nadur – Triq Xandriku – manutenzjoni ta’ bini mal-ġibjun tal-ilma
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta se ssir il-manutenzjoni tal-bini li hemm mal-ġibjun tal-ilma fi Triq Xandriku fin-Nadur u dan peress li parti minn dan il-bini tinsab fi stat ħażin ħafna u tista' ċċedi minn ħin għall-ieħor? Tista' tgħid meta saret l-aħħar manutenzjoni fil-ġibjun tan-Nadur?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-binja li hemm maġenb il-ġibjun ġiet spezzjonata minn Perit tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma, u kien ikkonfermat li ma hemmx ħsarat strutturali li jirrikjedu intervent immedjat.
Għaldaqstant fis-sitt xhur li ġejjin ser isir xogħol ta’ manutenzjoni u restawr tal-faċċata.
Imġarr u Ħaż-Żebbuġ – stallazzjoni ta’ line voltage regulators
Question
B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 2469, tista’ l-Ministru tgħid f’liema toroq ġew stallati line voltage regulators fl-Imġarr u Ħaż-Żebbuġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Fil-lokalitajiet inkwistjoni ġew installati tliet line voltage regulators, wieħed fi Triq il-Buskett f’Ħaż-Żebbuġ u tnejn fl-Imġarr, wieħed fi Triq Temi Zammit u ieħor fi Triq Vitale.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2500, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid għaliex huma biss it-toroq ta’ biswit l-istadium ġewwa Ta’ Qali li huma mdawla? Peress li ż-żona minn fejn il-mini aircraft fieldsal-bidu ta’ Ta’ Qali, li hija żona frekwentata minn persuni li jmorru jimxu jew jiġġoggjaw, hija kompletament mudlama, tista’ l-Ministru tgħid meta ser tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li biex l-Enemalta tistalla dwal ġodda fit-toroq irid ikollha talba speċifika minn min ikun responsabbli mit-triq inkwistjoni. F’dan il-każ l-Enemalta ma rċeviet l-ebda talba. Dawn it-toroq ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà ta’ xi entità jew dipartiment li jagħmlu parti mill-Ministeru tal-Ambjent, Enerġija u Intrapriża.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il tunnellata ta' skart riċiklabbli (borża griża u/jew ħadra) ttieħdu ġimgħa b'ġimgħa mill-impjant ta' Sant'Antnin għal-landfill mill-1 ta' Jannar 2022 sal-aħħar ta' Settembru 2022?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda skart irkuprat li hu riċiklabbli (borża griża u/jew ħadra) ma jittieħed fil-landfill iżda jinbiegħ fis-suq internazzjonali biex jiġi mdawwar fi prodotti oħra.
Tista' l-Ministru tikkonferma li l-Multi-Material Recovery Facility f'Ħal Far ser tkun qed topera matul ir-raba' kwart ta' din is-sena? Tista’ tippreżenta rapport dwar kif din il-faċilità ser tgħin biex noqorbu iżjed lejn Waste Framework Directive 2008/98/EC u telenka x'inhu l-pjan sabiex il-pajjiż ikun kompletament konformi ma’ din id-direttiva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Multi-Material Recovery Facility f’Ħal Far mistennija tkun qed topera sal-aħħar ta’ din is-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istrateġija tal-pajjiż dwar l-immaniġġar tal-iskart 2021-2030 li għandha twassalna biex nilħqu l-miri tagħna fir-rigward.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-funzjoni tan-Noise Control Commission? X’inhi l-proċedura li tintuża biex jibdew investigazzjonijiet minn din il-Kummissjoni? Minn kemm ilha mwaqqfa, sena b’sena, kemm-il każ ġie investigat u f’kemm-il każ instab li kien hemm ksur ta’ liġi? X’kienet ir-raġuni għall-ksur ta’ liġi f’kull każ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li n-Noise Control Commission kienet Kummissjoni ffurmata ad hoc fil-passat u kellha l-funzjoni li tagħti parir lill-Ministru fuq kwistjonijiet ġenerali relatati mal-istorbju. Il-Kummissjoni qatt ma kellha poteri investigattivi u qatt ma għamlet investigazzjonijiet. Din il-Kummissjoni m’għadhiex stabbilita.
San Pawl il-Baħar – Telgħet ix-Xemxija — xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu t-tħejjijiet għal xogħlijiet relatati mas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ f’Telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Fiex jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet? Tista’ tgħid jekk hemmx pjanijiet għal xogħlijiet oħra minn entitajiet oħra u fiex jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet? Meta hu skedat li jibda u jitlesta dan ix-xogħol? X’inhu t-traffic management li ser ikun qed jintuża waqt ix-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħalissa qed tkun imfassla s-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet li hemm ippjanati fit-triq inkwistjoni.
Ix-xogħlijiet relatati mas-sistema tad-drenaġġ f’telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar jikkonsistu f'sistema ta’ rinovar tal-mejnijiet tad-drenaġġ eżistenti permezz ta’ 'lining' tal-mejnijiet.
L-intervent se jsir minn ġot-tappieri eżistenti u huwa ppjanat li x-xogħol kollu jsir matul il-lejl. Għaldaqstant l-inkonvenjent fuq ir-residenti u fuq kull min juża din it-triq se jkun minimizzat. Dan il-proġett se jkun illokalizzat fuq il-mejnijiet tad-drenaġġ u mhux se jinkludi xogħol fuq servizzi oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1546, peress li għaddew erba’ xhur u l-arbli tad-dawl għadhom ma ġewx installati, tista’ l-Ministru tgħid kemm irridu nistennew iktar qabel ma jiġu installati dawn l-arbli? (Ritratt ta’ fejn għandhom jitwaħħlu l-arbli qed jingħata separatament)
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Enemalta qegħda fil-proċess biex tordna arbli “custom made” biex jinbidlu dawk li sofrew ħsarat estensivi bil-maltemp. Sadanittant il-bankina u t-triq fil-promenade ta’ Tas-Sliema huma adegwatament imdawla b’arbli oħrajn li hemm fl-istess żona.
Wasteserv – Bini tal-Impjant Multi Material Recovery Facility
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreement għall-fondi Ewropej li l-Wasterserv daħlet għalih b'rabta mal-bini tal-impjant Multi Material Recovery Facility f'Ħal Far?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreement.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha skont l-entità/awtorità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Membri tal-bord
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1135 u t-tweġiba li ngħatat, tista’ l-Ministru, a tenut tal-artikolu 3(6) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545, telenka l-kriterji ppubblikati li abbażi tagħhom skont l-istess artikolu, għandhom jinħatru l-membri tal-Bord tar-REWS?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji li jirreferi għalihom l-artikolu 3(6) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (Kap. 545) jiġu ppubblikati bħala parti mill-proċess ta’ ħatriet ġodda. Madankollu, b’mod ġenerali, wieħed ikun irid jassigura li l-bord tar-Regolatur ikun kompost minn membri li jkun ġejjin minn oqsma professjonali differenti bħal ngħidu aħna il-kamp legali, l-inġinerija, ix-xjenza u l-ekonomija jew l-accountancy.
Minbarra l-kwalifiċi akkademiċi wieħed ikun mistenni japplika wkoll kriterji oħra bbażati fuq il-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza. Dan kollu minbarra verifiki oħra li jikkonċernaw ir-reputazzjoni tal-individwu u li jassiguraw li ma jkunx hemm kunflitt ta’ interess.
Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 176 – European Landscape Convention
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11908 li kienet ġiet imwieġba fl-aħħar leġiżlatura, tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk il-proċess ta’ ratifikazzjoni tal-European Landscape Convention (Kunsill tal-Ewropa) huwiex issa finalizzat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għadu għaddej.
Wara li d-dwal tat-toroq (street lighting) ġie f'sezzjoni għalih, tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema (u b’kemm cherry pickers) jaħdmu madwar Malta kollha, biex jieħdu ħsieb il-ħsarat li jkun hawn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jieħdu ħsieb ħsarat ta’ dawl li jaqa’ fir-responsabilità tal-Enemalta hemm 5 ħaddiema u żewġ tower ladders li jiġu megħjuna minn ħaddiema oħra skont il-ħtieġa.