Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Furjana — Proġett Triq Sant’Anna - Studju

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju li kellu jsir dwar l-impatt fuq it-traffiku biex jiġu esplorati possibbilitajiet u opportunitajiet ġodda għal dan il-proġett li jinkludu l-pedestrianisation ta’ Triq Sant’Anna l-Furjana, wara li ġie konkluż li l-underpass imwiegħed qabel l-elezzjoni ma kienx fil-fatt fattibbli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-istudju li qed isir mill-Università ta’ Malta għadu għaddej peress li qed isir fuq tul ta’ żmien biex jaqbad il-patterns tat-traffiku sew fis-sajf u anke fix-xitwa.

In-Naxxar — Inħawi tal-ġibjun tal-ilma - Ħruġ ta’ ilma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet ir-raġuni għalfejn fl-inħawi tal-ġibjun tal-ilma fin-Naxxar ħareġ volum kbir ta’ ilma fit-toroq nhar: a. it-Tnejn 20 ta’ Jannar 2025 - l-ilma għadda minn Triq Sir Harry Luke, għal Triq E. Bradford u għal Triq il-Fortizza tal-Mosta biex spiċċa fil-wied ta’ taħt it-triq u b. l-Erbgħa 22 ta’ Jannar 2025 - l-ilma ħareġ minn grada mmarkata “Borehole” fi Triq Daħlet il-Ġibjun, niżel minn Triq Jules Verne għal Triq E. Bradford u għal Triq il-Fortizza tal-Mosta biex spiċċa fil-wied ta’ taħt it-triq? Tista’ tgħid ukoll għalfejn volum daqshekk kbir ta’ ilma tħalla jintrema u jekk hux possibbli li jinstab mod biex dan l-ilma, riżorsa tant importanti, jinġabar u jintuża jew jinħażen?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġà ġie mħabbar, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi proġett b’investiment ta’ €3 miljun biex jiġi rinovat il-ġibjun tan-Naxxar. Fost xogħlijiet oħrajn se jinbidlu s-saqaf u l-kolonni, waqt li l-ġibjun se jiġi maqsum f’żewġ partijiet biex ikun faċilitat il-proċess tat-tindif fil-futur. Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ stqarrija (PR 250156) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar it-30 ta’ Jannar 2025 li fiha aktar dettalji dwar dan il-proġett, nispjega li biex isiru x-xogħlijiet il-ġibjun tbattal b’mod li l-ilma li kien tajjeb għax-xorb mar għand il-konsumatur, waqt li l-ilma tal-qiegħ li jkun imħallat b’xi sediments li jitrabbew b’mod naturali matul iż-żmien, tħalla joħroġ fl-istorm water culvert, fejn imbagħad baqa’ sejjer fil-wied u eventwalment oskula fl-aquifer.

In-Naxxar — Birguma - Barriera - Inspection reports

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24820 u ċjoè: B'referenza għall-barriera f'Birguma, fin-Naxxar (Quarry HM 28), tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-inspection reports li saru mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), flimkien ma' kopji ta' rapporti ta' monitoraġġ u/jew enforcement minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-bidu tal-2023 s’issa, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għamlet 15-il spezzjoni fil-barriera inkwistjoni, bl-aħħar waħda saret fl-24 ta’ Jannar 2025. Minn dawn l-ispezzjonijiet, 4 kienu spezzjonijiet ta’ rutina li jsiru biex tiġi mistħarrġa l-konformità mal-permessi ambjentali, filwaqt li saru 11-il spezzjoni oħra wara rapporti/ilmenti li waslu għand l-Awtorità. L-ERA għamlet ukoll diversi spezzjonijiet bħala ‘follow-up’ biex jiġi assigurat li d-direzzjoni li tkun mogħtija minnha tkun qed tiġi segwita fil-prattika. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sommarju ta’ kull spezzjoni li saret matul il-perjodu indikat.

Enemalta p.l.c. — Dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18207, tista' l-Ministru tippreżenta d-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati ta' Enemalta p.l.c. għas-sena 2022 u għas-sena 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati ta’ Enemalta għas-sena 2022. Ninsab infurmata li għadu għaddej il-proċess biex jinħadmu d-dikjarazzjonijiet tas-sena 2023.

San Ġwann — Żona Industrijali - Ilmenti ta’ irwejjaħ ta’ ikel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ser jittieħdu fuq ilmenti dwar irwejjaħ ta’ ikel tal-annimali li ġejjin minn fejn hemm iż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Petrol E5 u E10

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk f’Malta jinbiegħx petrol E5 u E10 – petrol imħallat b’5% u b’10% ethanol, u jekk le, tgħid jekk hemmx pjan biex dan jiġi introdott?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li f’Malta s’issa mhux jinbiegħ petrol E5 jew E10. Dan peress li kemm il-prezz huwa ogħla minn dak normali, kif ukoll minħabba l-fatt li l-miri speċifikati mill-Unjoni Ewropeja għar-rigward ta’ emissjonijiet imposti fuq il-pajjiżi membri qegħdin jintlaħqu bi prodotti oħrajn hekk kif permess mill-istess direttiva.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Ħaddiema Għawdxin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu f’Malta fil-Ministeru tagħha u fl-entitajiet li jaqgħu taħtha? Tista’ tgħid ukoll: i. xi gradi huma dawn il-ħaddiema Għawdxin; ii. f’liema direttorat jaħdmu; iii. x'tip ta' xogħol jagħmlu; iv. kemm-il sena ilhom jaħdmu mal-Ministeru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ ħaddiema Għawdxin jaħdmu f’Malta fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu huwa 98.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Uffiċini

Question

Tista' l-Ministru tgħid: (a) Kemm-il uffiċċju addizzjonali għandu barra l-binja uffiċjali tal-Ministeru tagħha u f'liema lokalità qiegħed/qegħdin? (b) Dawn l-uffiċini huma binjiet pubbliċi jew privati? (c) X'inhu l-użu ta' dawn l-uffiċini? (d) Kemm titħallas kera għal kull uffiċċju sena b'sena u jekk din titħallasx minn fondi pubbliċi jew fondi oħrajn? (e) Min hu l-benefiċjarju ta' din il-kera? (f) Minn x'ħin sa x'ħin u f'liema ġranet ikunu miftuħin dawn l-uffiċini? (g) Min jiftaħ dawn l-uffiċini u jara lin-nies, il-Ministru personalment jew persuni oħra għan-nom tagħha? (h) Jekk in-nies jarawhom persuni oħra għan-nom tagħha, dawn huma impjegati tal-Ministeru jew tal-Gvern?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x’qed ifisser b’uffiċċju addizzjonali.

ARMS Ltd — Customer care

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23048, tista' l-Ministru tgħid kemm tħallset kull xahar il-kumpanija msemmija fl-istess tweġiba, li tipprovdi servizz ta' customer care għall-ARMS Ltd, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tigi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistennija tattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Bħala prassi, u sa fejn ikun possibbli, jien nattendi l-laqgħat kollha li jsiru fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jkunu intenzjonati għall-Ministri responsabbli mit-temi partikolari tal-portafoll ministerjali tiegħi. Ninforma lill-Onor. Interpellant li, din is-sena, s’issa għad ma kienx hemm laqgħat simili.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, mit-3 sad-9 ta’ Frar 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24480.

Is-Siġġiewi — Servizz tan-New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta s-servizz tan-New Water ser jitwassal is-Siġġiewi għal benefiċċju tal-bdiewa li jaħdmu l-għelieqi fl-inħawi tas-Siġġiewi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-proġett tan-New Water beda lejn l-aħħar tal-2017 u qed jinfirex b’ritmu mgħaġġel f’diversi nħawi madwar il-pajjiż. Bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bl-estensjoni tan-network tiegħu f’Għawdex, fit-tramuntana kif ukoll fin-nofsinhar ta’ Malta, b’investiment li jilħaq €68 miljun. In-natura ta’ dan ix-xogħol, li tinvolvi skavar ta’ toroq biex jiġu mgħoddijin il-mejnijiet, tirrikjedi ammont ta’ żmien biex jiġi ppjanat u implimentat. Bħalissa għaddejjin l-istudji neċessarji biex dan is-servizz utli għall-bdiewa jitwassal ukoll lejn inħawi oħrajn, inkluż Ħal Kirkop, is-Siġġiewi u r-Rabat. Sal-2027 dan l-ilma trattat se jkun milħuq mix-Xgħajra saż-Żurrieq u mill-Mellieħa sa Binġemma fil-każ ta’ Malta, kif ukoll mix-Xewkija sa San Lawrenz, f’Għawdex.Fil-frattemp il-bdiew jistgħu jippreżentaw crop plan lill-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali biex jingħataw aċċess għad-dispensers l-iktar viċin għalihom.

Indaġini

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) li tagħha hi responsabbli, hux qed jinvestiga ksur tal-liċenzja ta' bunkering ta’ kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament qed tagħmel negozju ta’ bunkering f’Malta permezz ta’ kumpanija lokali li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll? Tista’ tgħid ukoll jekk ordnatx indaġini fuq diversi allegazzjonijiet li għaddejjin b'konnessjoni ma’ dan l-allegat ksur ta' liċenzja u kundizzjonijiet konnessi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li wara investigazzjonijiet riċenti, r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma ma sab l-ebda ksur ta’ liċenzja u kundizzjonijiet rispettivi.

Ħal Tarxien — Triq l-Annunzjata - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq l-Annunzjata, f’Ħal Tarxien u kemm ser idumu għaddejjin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fiż-żona indikata, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq it-tieni fażi ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u x-xogħlijiet min-naħa ta’ Enemalta fit-triq imsemmija huma lesti fejn tpoġġew cables ġodda u t-trinek imtlew bil ‘backfilling’.

San Pawl il-Baħar — Enemalta - Ħsarat fil-cables

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm każi ta’ ħsarat fil-cables tal-Enemalta li kellhom jissewwew b’emerġenza, f’San Pawl il-Baħar, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll f’liema toroq seħħew dawn il-ħsarat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li matul il-perjodu indikat fil-mistoqsija, t-tiswijiet li kellhom isiru b’emerġenza f’partijiet mil-lokalità msemmija kienu skont ma jiġri f’ċirkostanzi normali, b’riżultat ta’ ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Credit/Debit cards

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtha jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta' nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Tista’ tgħid ukoll x'kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar u x'inxtara, item item, b'din il-credit/debit card?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Triq it-Turisti - Sistema tad-drenaġġ - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25214 dwar is-sistema ta' drenaġġ fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li jibda u jitlesta x-xogħol imsemmi fl-istess tweġiba?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħol fit-triq imsemmija, li hija waħda prinċipali, għadu qed jiġi ppjanat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fejn fost affarijiet oħrajn trid tittieħed kunsiderazzjoni tal-perjodu turistiku u li bħalissa madwar il-lokalità hemm għaddejjin diversi xogħlijiet anke minn entitajiet oħrajn.

Mini ta’ Santa Venera — Proġett għat-tisqif

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi s-sena definita li fiha għandu jkun lest il-proġett tat-tisqif tal-mini ta’ Santa Venera?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġá ġie spjegat fit-tweġiba mogħtija lilu għall-mistoqsija parlamentari 22830, Triq Reġjonali hija arterja prinċipali. L-impatt fuq it-traffiku hija kunsiderazzjoni prinċipali li trid tittieħed, speċjalment fid-dawl tax-xogħol li beda fuq il-proġett ta’ Msida Creek. Dan huwa Gvern li jwettaq dak li jwiegħed, fejn ix-xogħol isir b’mod ippjanat u strutturat.