Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prostituzzjoni u tlajjar — piena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-piena ta’ priġunerija għal nisa li nstabu ħatja ta’ prostituzzjoni u tlajjar rispettivament matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 12120.

Persuni Maltin u Barranin li tressqu l-Qorti — każijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14756 u jgħid kemm persuni Maltin u kemm barranin tressqu l-Qorti matul is-sena 2019, 2020, 2021 u 2022 u kemm minn dawn il-każijiet għad m'hemmx deċiżjoni tal-Qorti fuqhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-15 ta’ Jannar 2024.

Divorzji u separazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn mindu daħal id-divorzju f’Malta, kemm persuni ddivorzjaw sena b’sena? Fl-istess perjodu, kemm ġew reġistrati separazzjonijiet?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sas-17 ta’ Jannar 2024.

Qorti tal-familja – Kwalifiċi tal-Medjaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiċi jrid ikollhom il-persuni li qed jinħatru bħala medjaturi fil-Qorti tal-Familja? Jista' jgħid ukoll kemm huma twal (bħala sigħat jew xhur) il-korsijiet li qed ikunu mitluba jipproduċu ċertifikat tagħhom? Kif jista' jiġi assigurat li min jiġi maħtur bħala medjatur f'każijiet daqstant sensittivi jkollu l-kwalifiċi u t-training meħtieġ?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-medjaturi fil-Qorti tal-Familja jintgħażlu abbażi tal-Liġi Sussidjarja 12.20 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Separazzjonijiet fl-2023

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm separazzjonijiet matul l-2023? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ġew konklużi bonarjament u kemm minnhom ġew deċiżi permezz ta’ sentenza tal-Qorti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabelli li juru kemm kien hemm separazzjonijiet matul is-sena 2023 kemm dawk konklużi bonarjament u dawk deċiżi permezz ta’ sentenza tal-Qorti.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni – Nefqa fuq rigali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux xi fond mill-baġit ministerjali jew minn xi entità li taqa’ taħtu li minnhom jixtri rigali tat-tiġijiet u/jew rigali oħra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li m'hemmx fond speċifiku li jismu rigali tat-tiġijiet u/jew rigali oħra.

Qorti tal-Familja – Każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet ta’ separazzjoni pendenti fil-Qorti tal-Familja?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi quddiem il-Qorti tal-Familja f’Malta hemm 440 rikors ġuramentat ta’ separazzjoni pendenti u quddiem il-Qorti tal-Familja f’Għawdex hemm 25 rikors ġuramentat ta’ separazzjoni pendenti.

Qorti tal-Familja – Każijiet ta’ separazzjoni bonarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet ta’ separazzjoni fil-Qorti tal-Familja li huma bonarja?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sat-12 ta’ Diċembru 2023 fil-Qorti tal-Familja f’Malta kien hemm 37 proċedura ta’ separazzjoni bonarja li kienu pendenti u fil-Qorti tal-Familja f’Għawdex ma kienx hemmx proċeduri ta’ separazzjoni bonarja li kienu pendenti.

Qorti tal-Familja – Każijiet ta’ separazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nfetaħ l-aktar każ ta’ separazzjoni antik u li għadu pendenti fil-Qorti tal-Familja?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi quddiem il-Qorti tal-Familja f’Malta l-aktar każ antik li għadu pendenti infetaħ fit-28 ta’ Novembru 2003 u quddiem il-Qorti tal-Familja f’Għawdex l-aktar każ antik li għadu pendenti nfetaħ fid-9 ta’ Marzu, 2007. Fiż-żewġ kawżi indikati l-partijiet ħadu diversi snin sabiex iressqu il-provi voluminużi tagħhom. Il-kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Familja ta’ Għawdex tinsab differita għas-sentenza għax-xahar ta’ Jannar.

Każijiet ta’ separazzjoni pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-każijiet ta’ separazzjoni pendenti skont meta nfetħet il-kawża?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-ammont tal-każijiet ta’ separazzjoni li għadhom pendenti sena b’sena skont meta nfetħet il-kawża, hekk kif miġbura sat-12 ta’ Diċembru 2023.

Każijiet ta’ separazzjoni – Maġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Maġistrati li qed jippresjedu każijiet ta’ separazzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Qorti ta’ Malta hemm tlett Imħallfin illi jisimgħu każijiet ta’ separazzjoni u fil-Qorti ta’ Għawdex hemm żewġ Maġistrati illi jisimgħu każijiet ta’ separazzjoni.

Każijiet ta’ separazzjoni – Ġenituri li mhux qed jitħallew jaraw lil uliedhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jiżgura li ġenituri mhux qed jiġu mċaħħda minn uliedhom sakemm iddum għaddejja l-kawża ta’ separazzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux il-kompitu tal-ebda Qorti, entità jew dipartiment fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja biex ikun hemm infurzar ta l-aċċess ta’ tfal waqt proċeduri ta’ separazzjoni. Madanakollu l-Ministeru għaddej b’ħidma interna fuq riforma fil-Qrati tal-Familja, liema riforma ser tkun qed toħroġ ukoll għal konsultazzjoni pubblika.

Ministeru għall-Ġustizzja – Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista bid-dettalji tad-direct orders li ħarġu l-entitajiet jew l-awtoritajiet li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu fil-perjodu bejn Novembru 2022 u Novembru 2023, maqsuma skont l-awtorità jew l-entità u għal kull direct order separatament jgħid meta ngħatat, kemm kien l-ammont, lil min tħallas, lil min ingħatat id-direct order u x'servizz kien ġie ingaġġat?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Eks Malta Shipbuilding – Avvenimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk intefqux flus pubbliċi biex is-sit tal-Eks Malta Shipbuilding jiġi preparat biex jospita konferenzi u fieri? Jekk iva, jista’ jipprovdi elenku tal-ammonti kollha li ntefqu, u f'kull nefqa jispeċifika u jgħid jekk din ingħatatx b'tender, direct order, jew mod ieħor?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13729.

Inċidenti fuq postijiet tax-xogħol u siti ta’kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol/ siti ta’ kostruzzjoni matul is-sena 2023? Kemm minn dawn l-inċidenti kellhom konsegwenzi fatali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, għandu jkun enfasizzat li l-istatistika li tinġabar turi biss inċidenti li wasslu għal korriment jew imwiet. Dawn il-parametri huma stabbiliti mill-EUROSTAT. L-istatistika dwar korrimenti, li tiġi miġbura mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, għal perjodu bejn Jannar u Ġunju hija ppubblikata fuq is-sit tal-NSO, mentri tal-perjodi bejn Lulju u Diċembru 2023 tiġi ppublikata aktar tard din is-sena. Statistika miġbura mill-OHSA turi li fil-perjodu bejn Jannar u Diċembru 2023, żewġ (2) ħaddiema mietu f’siti ta’ kostruzzjoni.

Qrati ta’ Mata — Appelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi appelli mill-Qorti Kostituzzjonali, mill-Qorti tal-Appell Superjuri u mill-Qorti tal-Appell Inferjuri fis-snin 2021, 2022 u 2023?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba.

Ittri uffiċjali taħt l-Artikolu 166A

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14031 u jgħid kemm ġew preżentati ittri uffiċjali taħt l-Artikolu 166A tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili minn meta ġiet introdotta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija maqsuma sena b’sena u b’kemm ġew reżi eżegwibbli?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika kemm ġew preżentati ittri uffiċjali taħt l-artikolu 166A tal-Kodiċi ta’ Organizazzjoni u Proċedura Ċivili u kemm minnhom ġew reżi eżekuttivi hekk kif miġbura sal-aħħar tal-2023.