Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Konsulenti/Persons of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux konsulenti jew persons of trust li jaħdmu fil-Ministeru tiegħu? Jekk hemm, jista’ jgħid kemm huma mill-Unjoni Ewropea u kemm huma Third Country Nationals?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti/persons of trust jiġu mpjegati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ir-Rabat Għawdex – Triq ta’ Wara s-Sur – traffic calming measures u zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser isiru traffic calming measures fi Triq ta' Wara s-Sur, ir-Rabat Għawdex u jekk hemmx il-ħsieb li jsiru zebra crossings fl-istess triq peress li hemm periklu serju għall-pedestrians u r-residenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din it-triq; partikolarment qrib il-junction ma’ Triq l-Imgħallem hemm limitu ta’ veloċità ta’ 40km fis-siegħa. Ser issir zebra crossing fit-trejqa l-ġdida ta’ Triq ta' Wara s-Sur li nifdet għal ma Triq l-Imgħallem.

Ix-Xewkija, Għawdex — Proġett il-ġdid tal-Gozitano

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett il-ġdid tal-Gozitano ġewwa x-Xewkija, Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħed jiġi ppreparat l-works method statement biex jiġi sottomess għall-approvazzjoni tal-BCA.

Ir-Rabat, Għawdex – Bus Terminus

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-soft areas tal-Bus Terminus fir-Rabat Għawdex fl-aħħar xhur tħallew jiddeġeneraw b'tali mod li ma fadal xejn fihom meta għal snin twal din l-area ċentrali fir-Rabat kienet miżmuma tant sew bil-pjanti, fjuri u turf?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żona reġgħet ġiet riġenerata bil-pjanti u l-fjuri.

Sospensjoni tal-eżekutibbiltà tal-permessi tal-iżvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Gvern se jkun qiegħed iressaq il-liġi relatata mas-sospensjoni awtomatika tal-eżekutibbiltà tal-permessi tal-iżvilupp għal xogħlijiet f’każ li jiġi sottomess appell jew konsultazzjoni esterna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-process għadu għaddej u titnieda konsultazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.

Wied il-Għajn — Triq is-Salini, Triq ix-Xatt u l-Bajja ta' San Tumas – Permessi għal imwejjed u siġġijiet

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numri tal-permessi għal imwejjed u siġġijiet fi Triq is-Salini, Triq ix-Xatt u l-Bajja ta' San Tumas f’Wied il-Għajn u jinkludi s-site-plan u l-pjanta għal kull permess?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-permessi tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Karma.

Reviżjoni ta’ Local Plans

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb jew il-mira li jiġu emendati l-Local Plans tal-2006?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għaqal u r-responsabbiltà jitolbu li ssir reviżjoni komprensiva tal-pjanijiet lokali ta’ Malta u Għawdex, kif qed diġà qed isir. Il-Gvern jagħraf li jeżistu każijiet partikolari fejn ittieħdu deċiżjonijiet f’żoni speċifiċi fosthom żoni industrijali, ix-xtajta ta’ Wied il-Għajn u l-protezzjoni ta’ Ħondoq ir-Rummien, li kien wieħed mill-ħafna siti ODZ li b’daqqa ta’ pinna fl-2006, spiċċaw f’żoni ta’ żvilupp.

Triq li twassal mir-Rabat sa Ta' Sannat — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq il-parti li fadal fit-triq li twassal mir-Rabat sa Ta' Sannat u dan peress li aktar minn tliet snin ilu fi tweġiba kien intqal li dan mistenni jsir fi żmien qasir?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Għawdex – Tender — SPD3/2024/001

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' inhuma r-raġunijiet u għaliex is-sejħa li ħarġet f'dawn l-aħħar ġimgħat mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar 'Tender for road works including the building of a gravity wall, resurfacing of part of triq ta' Hondoq ir-Rummien Qala, Gozo, in a resource and efficient manner which considers wider environmental impacts' (SPD3/2024/001) u li kella tagħlaq fil-24 ta' Lulju 2024, f'dawn l-aħħar ġranet ma baqgħetx tidher fuq il-website 'etenders.gov.mt'? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet stmata din is-sejħa, meta kien maħsub li jibda u jitlesta x-xogħol mitlub minn din is-sejħa peress li din il-parti tat-triq kien sar xogħol fuqha mill-Ministru preċedenti, iżda ftit wara bdiet tisfronda?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tat-tender ġie kkanċellat minħabba raġunijiet ta’ termini u kundizzjonijiet li kien hemm bżonn jiġu aġġornati.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 19955.

Ħaż-Żabbar — Triq l-Iskola - Enforcement Notices attivi

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' Enforcement Notices li għadhom attivi, ta' każijiet fi Triq l-Iskola, Ħaż-Żabbar li turi n-numru tal-EC, id-data meta nħarġet u deskrizzjoni qasira ta' x'azzjonijiet ittieħdu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti: Numru tal-avviż Indirizz Deskrizzjoni tal-iżvilupp illegali Azzjonijiet li ttieħdu sal-lum EC/00097/24 St Paul, Triq l-Iskola, Zabbar Għandek żvilupp mhux skont il-permess PB/0497/61, u dan billi nbidel l-użu ta' maħżen għal post fejn issir tiswija u manutenzjoni ta' vetturi (mechanic workshop), mingħajr permess. L-avviż ta’ infurzar inħareġ fit-3 ta’ Lulju 2024, u s-sid irċevih fis-6 ta’ Lulju 2024. Is-sid tal-post sostna li l-użu ilu għaddej snin, iżda ma kienx f’pożizzjoni li jipproduċi liċenzja tal-użu. Fl-24 ta’ Lulju 2024 saret spezzjoni oħra mill-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar, u ġie kkonfermat li l-użu kien għadu ma waqafx. Il-każ ġie riferut biex tittieħed azzjoni diretta mill-Awtorità tal-Ippjanar biex jitwaqqaf l-użu, liema azzjoni tittieħed skont prijoritajiet ta’ urġenza ta’ każijiet. Fl-aħħar ġimgħat l-Awtorità rċeviet ukoll ilmenti rigward periklu minħabba parkeġġ ta’ vetturi li jkunu qegħdin jissewwew fuq it-triq. L-Awtorità infurmat lil min għamel l-ilment li kwistjonjiet ta’ saħħa u sigurtà, kif ukoll aġir li jiddisturba lill-ġirien mhumiex fil-kompetenza tal-Awtorità tal-Ippjanar. EC/00065/04 64, Triq L-Iskola, Zabbar Għandek ċumnija mhux skont il-pjanti approvati fil-permess PA 2485/02 datat 28 ta' Ġunju 2002, billi ma rtirajtx il-ġewwa mill-faccata skont kif indikat fil-pjanti approvati L-avviż ta’ infurzar inħareġ fit-28 ta’ Jannar 2004 peress li ċ-ċuminija ma kinitx irtirata mill-faċċata ta’ quddiem skont id-distanza indikata fuq il-pjanta approvata tal-permess PA/2485/02. Il-każ kien riferut biex tittieħed azzjoni diretta mill-Awtorità tal-Ippjanar, liema azzjoni tittieħed skont prijoritajiet ta’ urġenza ta’ każijiet. Fi Frar 2024, sid il-proprjetà talab biex l-avviż ta’ infurzar jingħalaq peress li ċ-ċumnija kienet modifikata. Iżda l-avviż ma jistax jingħalaq peress li ċ-ċumnija mhix irtirata skont il-qisien murijin fuq il-pjanta approvata.

Il-Belt, Valletta — Xatt Lascaris - Permess għall-bini ta’ ħajt għoli

Question

Jista' l-Ministru jgħid min applika għall-permess mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex ikun jista' jinbena ħajt għoli numru ta' filati max-Xatt Lascaris, il-Belt Valletta, liema xogħol sar f'April 2024 u jipprovdi l-works description, l-application number, il-public application form u kif ukoll kwalunkwe pjanta sottomessa mal-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-ħajt sar bħala hoarding biex jissepara ż-żona tal-kuntrattur minn dik li tintuża mill-passiġġieri ta’ cruise liner partikolari li jrid bilfors juża dak il-moll biex jitrakka minħabba t-tunnellaġġ, biex b’hekk jiġi evitat kull periklu. Dan il-ħajt ma jirrikjedix permess u ser jitneħħa la darba x-xogħlijiet koperti bil-permess PA4108/16 ikunu kompluti. Id-dokumentazzjoni mitluba hija pubblika u aċċessibbli permezz tal-eApps minn fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Ippjanar www.pa.org.mt. Xogħol huwa relatat mal-informazzjoni hawn taħt annessa: Numru ta’ l-applikazzjoni: PA 4108/16 ġie approvat 21/02/18 Proposta tikkonisisti: Extension of pinto quays 4 and 5 including insertion of two new bollards and two new lighting masts Permess gie mġedded: PA 7570/22 ġie approvat 13/02/23 Proposta tikkonsisti: Renewal of approved development permit PA4108/16. Extension of pinto quays 4 and 5 including insertion of two new bollards and two new lighting masts. Applikant: Infrastructure Malta Lokazzjoni: Quays 4 & 5, Triq Pinto, Floriana, Malta Dokumenti approvati: PA 4108/16/1Q (Site Plan) PA 4108/16/1H (General Plan) PA 4108/16/1i (Proposed Deck Plan and Demolition Plan) PA 4108/16/1J (Proposed Plans) PA 4108/16/1K (Elevations) PA 4108/16/1L (Sections) PA 4108/16/1M (Details); and supporting documents: PA 4108/16/44C (Government Property Department) PA 4108/16/88A (Environment and Resources Authority)

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Public Service Expo 2024 - Stands

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-istand tal-Ministeru tiegħu fil-Public Service Expo 2024? Jista’ jgħid ukoll jekk minbarra l-istand tal-Ministeru tiegħu kienx hemm stands ta’ entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istand tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar fl-Expo 2024 ġiet tiswa €56,058. F'din l-istand kien hemm il-parteċipazzjoni tal-pubbliku li żar l-Expo fejn apparti li l-pubbliku ra b’għajnejh ix-xogħol li jsir minn bosta Direttorati fi ħdan il-Ministeru, fost affarijiet oħra seta’ jipparteċipa f’attivitajiet imtellgħin mis-sezzjoni tal-Manifattura, tas-sezzjoni Rurali, mid-Diretttorat tal-Wirt Kulturali li waqt l-Expo beda l-preparamenti għall-Karnival 2025 u ngħatat esperjenza virtwali permezz ta’ karozza tal-linja antika li kienet tintuża ġewwa Għawdex.Waqt l-Expo kien hemm ukoll sezzjoni li turi l-pjattaforma Events in Gozo li biha l-attivitajiet li jsiru madwar Għawdex issa jinsabu miġburin f’post ċentrali. Iċ-ċifra li ġiet tiswa l-stand fl-Expo 2024 tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar tkopri wkoll il-parteċipazzjoni tal- Awtorità tal-Ippjanar, u Gozo Channel Operations Limited. L-Expo tas-Servizz Pubbliku żaruha 55,000 persuna u kella t-tema "Ħiliet". L-istess attività serviet ta' tieqa għall-avvanzi li saru fl-amministrazzjoni pubblika f'dawn l-aħħar snin b'aċċenn fuq rizorsi umani, teknoloġija u kwalità.

Marsalforn – Waterfront – Cables imwaħħla mal-faċċati tad-djar

Question

B'referenza għall-cables tad-dawl li baqgħu mwaħħlin mal-faċċati tad-djar u bini ieħor fil-waterfront ta’ Marsalforn, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender ħarġitx biex jitgħaddew minn ġo culvert taħt l-art li kien sar meta sar il-promenade ta' Marsalforn u jekk iva, meta (xahar u sena) nħarġet is-sejħa u meta se jibdew (xahar u sena) ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender SPD3/2023/011 – Tender to provide cable management systems and laying of Enemalta cable ħarget f’Mejju 2023 u għalqet fis-6 ta’ Ġunju 2023. Ma rċivejna l-ebda’ sottomissjoni għal din it-tender. Għaldaqstant qed terġa' tiġi kkumpilata tender sabiex terġa' toħrog sejħa għall-offerti.

Għawdex – Siti Storiċi – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti u għala nħasset il-ħtieġa li tinħareġ din id-direct order 'MGP NP08/2024 - Negotiated Procedure for the Management of Historic Sites in Gozo'? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-valur u għal kemm hu l-perjodu ta' żmien ta' din id-Direct Order u kemm-il siegħa ta' servizz hemm ippjanata li tingħata permezz ta’ din id-direct order u liema huma s-siti storiċi li ħa jiġu mmexxija permezz ta’ din id-direct order u kemm ilha bħala snin tinħareġ din id-direct order?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nħasset il-ħtieġa li tinħareġ din id-direct order 'MGP NP08/2024 - Negotiated Procedure for the Management of Historic Sites in Gozo' biex tkopri ż-żmien sakemm toħroġ u tiġi evalwata t-Tender. Safrattant it-Tender ħarġet u għalqet fil-31 ta’ Lulju, 2024. In-Negotiated Procedure tkopri 12-il siegħa ta’ servizz kuljum, inkluż is-Sibt u l-Ħadd. Is-siti storiċi huma dawk li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u siti oħrajn li dwarhom hemm ftehim mal-Kunsill Lokali tan-Nadur.

Ir-Rabat Għawdex – Triq Santa Dminka — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nbeda x-xogħol f'parti minn Triq Santa Dminka, fir-Rabat Għawdex, u meta ntemm? Kemm kien proġettat li ser jiswew ix-xogħlijiet u meta ġiet awarded it-tender għal dawn ix-xogħlijiet u kemm effettivament ġew jiswew?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq din it-triq għadhom għaddejjin u mistennija jitkomplew fiż-żmien li ġej.

L-Imqabba — Triq Mons. Alfons Caruana - Permess ta’ twaqqigħ ta’ kamra

Question

Jista' l-Ministru jgħid taħt liema permess twaqqgħet il-kamra li kienet qiegħda fin-nofs fi Triq Mons. Alfons Caruana, l-Imqabba, meta ħareġ il-permess u f'każ li ma kienx għadu validu meta kien imġedded?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjoni 1(e) tal-permess ta’ żvilupp PA/0444/13 tirrikjedi li triq skemata li tmiss mas-sit u, fejn huwa l-każ għadha mhix miftuħa, għandha tinfetaħ skont il-linji u livelli uffiċjali tat-triq skemata. Peress li l-iżvilupp approvat bil-permess sar, il-kundizzjoni kellha tiġi applikata u għaldaqstant l-istruttura msemmija kellha titneħħa.

Għawdex — Għases

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema huma l-għases f’Għawdex li jkunu miftuħa 24 siegħa kuljum u ċjoè ma jingħalqux għal ebda raġuni, fejn wieħed jista’ jdaħħal rapport hu x’inhu? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-għases f’Għawdex li huma magħluqa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex – Applikazzjonijiet għal bini jew estensjonijiet ta’ stalel għaż-żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet ’għal bini jew estensjoni fin-numru ta’ stalel għaż-żwiemel ġewwa Għawdex dan l-aħħar u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm minnhom għadhom pendenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għandu applikazzjoni waħda mal-Awtorità tal-Ippjanar (PA3364/23) għall-bini ta’ stalel taż-żwiemel li għadha pendenti.

Għawdex – Applikazzjonijiet għal bini jew estensjonijiet ta’ sheep farms

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal bini jew estensjoni ta' sheep farms jew inkella bdil ta' użu għal sheep farms ġewwa Għawdex sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm minnhom għadhom pendenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru totali ta’ applikazzjonijiet ippubblikati mill-Awtorità tal-Ippjanar bħala kompluti sal-bidu t’Ottubru 2024 huma kif murija fit-tabella. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-istess Awtorità fejn id-deskrizzjoni tal-proposta tinkludi l-kliem “sheep” jew “nagħaġ”. Alterazzjonijiet/ ż idiet Applikazzjonijiet Ġodda jew bdil ta’ użu għal bini eżistenti Irrifjutati 0 22 Pendenti 3 14 Approvati 13 47 Irtirati 0 12